Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7436 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7209, jista’ l-Ministru jgħid, fil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq fejn tali proġetti bdew mill-Ministeru rispettiv (mil-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum);
a. kemm-il biċċa raba’ ġiet mittiefsa bħala numru f’kull triq li qed tiġi mwessgħa minn dan il-Ministeru;
b. ma’ min ikkonsulta għal kull biċċa art jew raba’ li qed tiġi mittiefsa;
c. x’kontribut finanzjarju Transport Malta jew il-Ministeru spiċċa ħallas bħala kumpens għal kull biċċa art li qed tiġi mittiefsa u meħuda bil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq li qed jagħmel dan il-Ministeru?
Response (BORG, IAN)
Il-ħidma sabiex titjieb il-kwalità, l-effiċċjenza, is-sostenibilità u s-sigurtà tat-toroq tiġi ppjanata bir-reqqa sabiex l-impatti fuq l-ambjent tal-inħawi jkunu mnaqqsa kemm jista’ jkun.
It-teħied ta’ aktar art għall-użu tat-toroq jitqies biss meta d-disinn tat-triq eżistenti jkun jeħtiġilha tinbidel jew titwessa sabiex tiżdied il-kapaċità u tilħaq il-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur, sabiex jonqsu r-riskji ta’ aċċidenti jew sabiex jonqsu l-emissjonijiet tal-arja u l-istorbju kkawżati meta xi arterja ma tibqax tlaħħaq mad-domanda u jkun hemm problemi ta’ konġestjoni.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, Infrastructure Malta tikkonsulta l-awtoritajiet tal-ippjanar, tal-artijiet u tal-ambjent konċernati, kif ukoll is-sidien tal-art meħtieġa, jew l-inkwilini f’każ ta’ artijiet tal-Gvern mikrija. Id-deċiżjoni dwar il-ħlas li jitħallas f’każ ta’ espropriazzjoni ta’ art privata tittieħed mill-Awtorità tal-Artijiet.
Fil-perjodu indikat, Transport Malta u Infrastructure Malta kienu jeħtieġu li jiġu esproprijati xi artijiet, jew li jiġu terminati kirjiet ta’ artijiet diġa tal-Gvern, u li seta’ kellhom użu agrikolu f’dawn it-toroq li ġejjin.
Birkirkara
Triq Dun Karm Psaila
Hemsija
Ħruġ ġdid minn Ta’ Qali (inħawi Tal-Ħemsija)
Luqa
Triq L-Avjazzjoni, Luqa
Marsa
Titjib ta’ Triq Aldo Moro, Triq Dicembru Tlettax u l-Marsa-Hamrun Bypass fl-inħawi tal-fabbrika tas-sulfarini
Marsa
Marsa Junction Project
Mellieha
Triq ir-Ramla, Mellieha
Mellieha
Triq Louis Wettinger
Naxxar-San Gwann
Triq Tal-Balal
Naxxar
Telgha t'Alla w'Ommu
Qormi
Triq Manwel Dimech
Tarxien
Triq Hal-Tarxien kantuniera ma’ Triq Tal-Barrani
Tagħrif dwar kemm Transport Malta u Infrastructure Malta ser iħallsu għall-artijiet esproprijati jkunu magħrufa meta jintemmu l-proċeduri applikabbli mill-Awtorità tal-Artijiet.
Il-Mosta — Żona ta' Żokrija - Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone - bini ta' ħitan
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex f'Triq il-Biejda u Triq Mons. Edgar Salamone fil-Mosta fiż-żona magħrufa ta' Żokrija jara li jinbnew il-ħitan man-naħa tal-għelieqi f'toroq li meta nbnew dawn it-toroq qatt ma kienu nbnew il-ħitan li qed nitlob li jinbnew; l-aktar ħtieġa li qed tinħass mir-residenti tat-toroq rispettivi sabiex bil-ħitan jkunu formatti aħjar u jibqgħu miżmuma aktar nodfa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-entità kompetenti responsabbli mit-tiswijiet u l-manutenzjoni ta’ din it-triq hija l-kunsill lokali tal-lokalitá konċernata. Infrastructure Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex iqisu dan l-ilment u jikkunsidraw l-interventi meħtieġa.
Sadanittant, Infrastructure Malta, l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta, qed taħdem fuq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun sabiex fis-snin li ġejjin gradwalment tirranġa u tibni mill-ġdid it-toroq f’kull lokalità. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista ta’ toroq li ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fl-2019. Aktar toroq li ser jitranġaw fl-istess sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Il-Mosta — Żona Ta' Żokrija - Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone - bini ta' ħitan
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex f'Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone fil-Mosta fiż-żona magħrufa Ta' Żokrija, jinbnew il-ħitan ma' naħa tal-għelieqi f'toroq li meta twessgħu qatt ma kienu nbnew il-ħitan li kellhom?
Response (BORG, IAN)
Nirreferu għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 8016 tal-istess Seduta.
Ħaż-Żebbuġ – Triq Luret Cutajar – Outline Development Permit
Question
B’referenza għal-Outline Development Permit ta’ Triq Luret Cutajar Ħaż-Żebbuġ li ġie sottomess f’Ġunju 2018, liema sit hu madwar 5,294m kwadru li jidher li jikkonsisti f’disa’ warehouses, u li din iż-żona hija mifnija bi problemi soċjali u kummerċjali, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju waslet din l-applikazzjoni u jekk humiex qed isiru xi azzjonijiet min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar meta nafu n-natura tal-art in kwistjoni u l-isfidi li għandha din iż-żona semi-industrijali?
Response (BORG, IAN)
L-Onor Interpellant qiegħed jiġi nfurmat illi l-Outline Development Permit Application li qiegħed jagħmel referenza għaliha qegħdha fi stadju ta’ kosultazzjoni. L-Art in kwistjoni tinsab barra iż-żona tal-iżvilupp u għalhekk il-Policies li jirregolaw it-tali żoni japplikaw.
Jista' l-Ministru jgħid, mill-aħħar elezzjoni sal-lum, xi proġetti saru ta' twessigħ ta' toroq mill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħaddi l-informazzjoni dwar ix-xogħol li sar f'twessigħ ta' toroq f'Malta u f'Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk huwiex maħsub li jinħarġu skemi biex is-sidien ta’ djar residenzjali soġġetti għal ċens temporanju a favur il-Gvern jew lill-uffiċċju konġunt, ikunu jistgħu jifdu dan iċ-ċens?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħsieb tal-Gvern jibqa’ dak li ngħinu kemm nistgħu persuni jsiru sidien ta’ darhom. Filwaqt li diġa’ ninsabu avvanzati ferm biex dawk li jgħixu fi djar b’ċens li skada jew ser jiskadi jkollhom is-serħan il-moħħ meħtieġ permezz ta’ ħruġ ta’ skema li tindirizza dan, l-Awtorita’ tal-Artijiet tinsab impenjata tevalwa l-possibiltajiet kollha, inkluż l-impatt anke fuq is-suq tal-propjeta’ u l-istock tal-propjeta’ tal-Gvern ġaladarba jinħarġu skemi li jagħtu l-opportunita’ tal-fidi ta’ ċnus temporanji residenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk Triq Mons. Spiru Penza f’Birżebbuġa hux se tkun qed tingħata wiċċ bl-asfalt u hemmx pjan sabiex din it-triq li sal-lum hija maqsuma f’żewġ partijiet, titniffed billi tkompli tinfetaħ kif inhu mfassal?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta bdiet proġett biex tibni t-triq indikata, li partijiet minnha qatt ma kienu saru qabel, fil-ġimgħat li għaddew. Ix-xogħol li għaddej bħalissa jinkludi t-tqegħid ta’ sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni taħt il-livell tat-triq, il-bini ta’ bankini u tħaffir tal-materjal eżistenti sabiex jinbnew pedamenti ġodda u aktar b’saħħithom. Finalment, fuq dawn il-pedamenti, jitqiegħed il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt.
Il-proġett jinkludi l-bini tal-partijiet tat-triq fejn diġa nbnew il-propjetajiet mal-ġnub tagħha. Infrastructure Malta tkun tista’ tkompli l-bini ta’ din it-triq biex tinfed minn naħa għall-oħra meta l-art li fuqha huwa ppjanat li ssir tiġi żviluppata mis-sidien tagħha. Meta jsir dan l-iżvilupp, is-sidien ikunu wkoll obbligati jiffurmaw id-disinn tat-triq skont livelli u pjanti deċiżi mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Infrastructure Malta ser tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha sabiex gradwalment ittejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Din is-sena, din l-aġenzija diġa qed tibni mill-ġdid għadd ta’ toroq arterjali, residenzjali u rurali. Ftit tal-ġimgħat ilu tħabbru wkoll l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla, bħala parti mill-impenn tal-Gvern li fis-snin li ġejjin ikollna qabża kbira ‘l fuq fil-kwalità tat-toroq ta’ pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali -nefqa fuq reklamar fuq Facebook
Question
Jista' l-Ministru jgħid, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook, xahar b'xahar, mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li informazzjoni mitluba qiegħda hawn taħt. In-Nefqa tat-Transport Malta tkopri diversi kampanji fosthom;
· Safety at Sea campaign
· The last 5 years of TM campaign
· Back to School (Traffic Management) Campaign
· Promoting TM’s participation at Science in the City event
· Promoting TM’s participation at Freshers’ Week @ University
· Use of 3 lane Roundabout campaign
· Respect Officers on duty campaign
· Promoting the Central Link Project
*Minn Marzu 2013 sa 20 ta' Ottubru 2017 - il-figuri/nefqa diġa ingħatat fuq PQ 252 f'Seduta 42
*Minn 21 ta' Ottubru 2017 - 31 ta' Mejju 2018 il-figuri/nefqa diġa ingħatat fuq PQ 2417 f'Seduta 127
Dipartiment / Entita' / Agenzija:
Ġunju 2018 €
Lulju 2018 €
Awwissu 2018 €
Settembru 2018 €
Ottubru 2018 €
Transport Malta
1599.5
317.5
24.9
2185.7
1117.7
Infrastructure Malta
0
0
0
481.56
313.01
Planning Authority
1001.4
200.4
251.4
751.1
259.2
Lands Authority
NIL
Land Registry
NIL
BICC
NIL
BRO
NIL
Property Malta
127.1
0.0
0.0
0.0
0.0
MTIP
NIL
26/11/2018
Minn kemm ilha mwaqqfa l-Aġenzija Infrastruttura Malta, jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu transfers ġo din l-Aġenzija jew mill-Aġenzija għall-Awtoritajiet/Dipartimenti tal-Gvern oħra? Mingħand min ħarġet din l-ordni u f'kull każ għal liema raġuni ħarġet l-ordni għal trasferiment?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta hija entità ġdida li għadha kif twaqqfet u għaddejja bil-proċess sabiex tifforma l-istrutturi tagħha. Bdiet topera billi adottat l-istess sistemi u proċeduri li qabel kienu jintużaw fid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, hekk kif il-maġġoranza tal-impjegati tiegħu ngħaqdu mal-aġenzija ġdida. Bħalissa għaddej proċess sabiex it-tmexxija ta’ din l-entità tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva ta’ din l-entità ġdida.
Kull tibdil li jsir jiġi determinat skont l-esiġenzi tax-xogħol u tal-objettivi strateġiċi ta’ din l-istess aġenzija, sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi umani disponibbli u sabiex jintlaħaq l-għan aħħari li fis-snin li ġejjin Infrastructure Malta twettaq l-impenn nazzjonali tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira 'l quddiem fil-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-trasport għall-lum u għall-ġejjieni.
Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jissorvelja x-xogħlijiet ta' toroq li bħalissa qed isiru minn Infrastruttura Malta? Dawn l-uffiċjali huma impjegati tal-Aġenzija Infrastruttura Malta jew persuni/kumpaniji privati?
Jekk huma kumpaniji/persuni privati:
a. kif ingħataw dan ix-xogħol mill-Aġenzija Infrastruttura Malta, b'direct order jew ħarġet tender;
b. xi kwalifiki akkademiċi u kemm-il sena ta' esperjenza prattika għandu kull persuna/kumpanija privata li qiegħda tiġi ingaġġata mill-Gvern biex tissorvelja x-xogħol;
c. kemm ilhom jagħtu servizz lil din l-Aġenzija u lil Transport Malta dawn il-persuni/kumpaniji privati u kemm tħallsu s'issa mill-ewwel ġurnata li ġew ingaġġati minn Infrastruttura Malta u/jew Transport Malta; u
d. ipoġġi l-kuntratt tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra peress li dawn qed jitħallsu mit-taxxi tal-poplu?
Response (BORG, IAN)
Is-sorveljanza tax-xogħlijiet ta’ proġetti ta’ Infrastructure Malta fit-toroq u f’infrastruttura oħra tat-trasport issir primarjament permezz ta’ riżorsi interni tal-istess aġenzija. Minħabba li l-aġenzija qed twettaq ammont bla preċedent ta’ proġetti sabiex twettaq l-impenn tal-Gvern li jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport ta’ pajjiżna, ikun hemm każi fejn jinħatru wkoll periti li m’humiex impjegati tal-aġenzija, sabiex jgħinu fis-superviżjoni tax-xogħol. Dawn il-periti jkunu mhux biss kwalifikati, iżda jkollhom ukoll il-warrant uffiċċjali li jawtorizzahom jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
Il-periti esterni li qed tuża Infrastructure Malta sabiex jgħinu lill-periti impjegati fix-xogħol ta’ superviżjoni u xogħlijiet oħra fit-toroq kienu jagħtu s-servizzi lid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta qabel ma’ dan ingħaqad ma’ Infrastructure Malta. Għal dawn ix-xogħlijiet, li jinkludu diversi proġetti, fosthom uħud mill-akbar proġetti li saru f’dawn l-aħħar xhur, Infrastructure Malta u Transport Malta ħallsu total ta’ €151,124.
Fl-istess waqt, sabiex tkompli tiżgura l-kwalità tal-investimenti infrastrutturali tagħha, Infrastructure Malta tikkummissjona wkoll testijiet tekniċi waqt, u wara l-implimentazzjoni ta’ kull proġett. Dawn it-testijiet isiru minn laboratorji akkreditati, fosthom dawk tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).
Meta jinstab li x-xogħol ma jsirx skont il-kriterji u l-istandards stabbiliti li titlob Infrastructure Malta, il-kuntratturi jitolbu jieħdu l-azzjoni neċessarja.
Tagħrif relatat:
PROJECT
PROCUREMENT
PAID TO DATE
EXPERIENCE
CONTRACTED SINCE
Perit Daniel Cordina
Marsa-Hamrun Bypass
Tender
69,356.63
2012
2018
Perit Daniel Camilleri
Rural Roads
DO
37,384.77
2013
2017
Perit James Mifsud
Rural Roads
DO
18,233.95
2013
2017
Perit Chris Grech
Rural Roads
DO
26,148.80
1996
2017
TOTAL:
151,124.15
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha ingaġġati magħha konsulenti Infrastruttura Malta? F'liema qasam qed/qiegħda jagħti/tagħti konsulenza kull konsulent li hemm ma’ Infrastruttura Malta u kemm qiegħed jitħallas għal dan is-servizz? X'perkaċċi u allowances għandu/għandha kull konsulent ingaġġat ma' Infrastruttura Malta? Għal kemm tul ta' żmien ġie ffirmat kull kuntratt ma’ kull konsulent? Peress li dawn qed jitħallsu mit-taxxi tal-poplu, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull kuntratt ta' konsulenza bejn Infrastruttura Malta u kull konsulent?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Valletta FC – permessi għal bini tal-art għal stadium u faċilitajiet oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex Valletta FC jingħataw il-permess biex fuq l-art li ngħatatilhom b’ċens biex jibnu l-istadium u l-faċilitajiet tagħhom, ikunu jistgħu jibdew tali proġett?
Response (BORG, IAN)
L-Onor interpellant għandu jiġi nfurmat illi m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita’ Tal-Ippjanar li tinvolvi bini ta’ stadium u l-faċilitajiet tagħhom li jappartjenu lill-Valletta FC.
Awtorità tal-Artijiet – xogħlijiet legali – ħlas lill-avukati
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm qegħdin jitħallsu individwalment l-avukati li lilhom ġie farmed out ix-xogħol legali tal-Awtorità tal-Artijiet għal kull xahar? Jista' jagħti l-ismijiet ta' dawn l-avukati u jagħti l-informazzjoni mitluba, xahar b'xahar għas-snin 2017 u 2018?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-ħlas li sar mill-Ministeru rispettiv għal kull xogħol li sar mill-Ministru fil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq li għaddej f’pajjiżna fejn dan il-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq beda mill-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq li qed ikunu parti minn dan il-proġett? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq kull twessigħ ta’ triq? Jista’ jgħid kull kemm sar il-ħlas, jekk ingħatax b’direct order jew kienx magħżul b’tender? Jista’ jgħid ukoll għal kull parti ta’ triq li hija parti minn dan il-proġett ta’ twessigħ, għal liema toroq kien hemm permess tal-Awtorità tal-Ippjanar u għal liema toroq sar ix-xogħol ta’ twessigħ bla permess tal-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (BORG, IAN)
Peress li fil-perjodu msemmi saru diversi proġetti ta’ titjib fit-toroq, jkun apprezzat jekk l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema proġett qed issir riferenza għalih.
Proġett ta’ twessigħ ta’ toroq f’Għawdex — ħlasijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-ħlas li sar mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu, għal kull xogħol li sar mill-Ministru fil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq ġewwa Għawdex fejn dan il-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq beda mill-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq li kienu u li qed ikunu parti minn dan il-proġett? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq kull twessigħ ta’ triq? Jista’ jgħid kull kemm sar il-ħlas, jekk ingħatax b’direct order jew kienx magħżul b’tender?
Il-Mellieħa – bypass – testijiet u ċertifikazzjoni tax-xogħol
Question
Peress li l-bypass tal-Mellieħa hija lesta u ilha xhur lesta, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ testijiet saru, minn min saru u min iċċertifika x-xogħol? Jista' jpoġġi kopja tat-testijiet u taċ-ċertifikazzjoni tax-xogħol fuq il-Mejda tal-Kamra, u jgħid x’kien l-eżitu tat-testijiet kollha li saru? Jista' jgħid ukoll jekk Infrastruttura Malta u l-Ministeru tiegħu, humiex kuntenti bl-eżitu tat-testijiet u bil-kwalità tax-xogħol?
Response (BORG, IAN)
Hekk kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6735, it-testijiet tekniċi meħtieġa sabiex janalizzaw il-kwalità tax-xogħol fit-triq imsemmija twettqu u t-tagħrif miġbur qed jiġi pproċessat sabiex jiġu konklużi r-riżultati finali. It-testijiet imsemmija jsiru minn entitajiet indipendenti minn Transport Malta u Infrastructure Malta.
Filwaqt li r-rapporti finali għadhom qed jiġu ffinalizzati, mit-tagħrif tekniku disponibbli jidher li se jkun meħtieġ isiru xi tiswijiet sabiex it-triq tilħaq il-livelli ta’ kwalità rikjesti minn Infrastructure Malta. Minkejja li dawn in-nuqqasijiet m’għandhomx impatt fuq is-sigurtà ta’ dawk li jużaw din it-triq, Infrastructure Malta diġà tkellmet mal-kuntrattur konċernat sabiex jieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji ħalli jintlaħqu l-livelli ta’ kwalità mixtieqa.
Infrastructure Malta se tkompli taħdem sabiex ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna.
Il-Marsa – Tender għal Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2) fid-Deep Water Quay – xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijet li iktar minn 14-il xahar wara li nħarġet it-tender għal Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2) fid-Deep Water Quay Marsa, għadu ma sar xejn? F’liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħottija lili minn Transport Malta, il-proċess tal-evalwazzjoni tat-tender CT2039/2017 twal minħabba diversi appelli li issa intemmu wara l-aħħar deċizjoni tal-Board ta’ l-Appelli (PCRB). Il-perjodu tal-appell ingħalaq f’Ottubru. Issa qiegħed jiġi inizzjat proċess ieħor ta’ tender għal dan ix-xogħol.
Hemm ippjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fit-tieni kwart ta’ 2019, ċjoè wara li jiġu allokati l-fondi fil-2019 għal dan il-proġett u jintemm il-proċess ta’ tender il-ġdid.
Minn meta ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Infrastruttura Malta, jista’ l-Ministru jgħid, kemm kien hemm persuni li ġew impjegati ma’ Infrastruttura Malta li ma kenux impjegati tal-Gvern jew ma’ Transport Malta? F'liema gradi ġew impjegati dawn il-persuni? Ħarġet 'call for application' għal dawn l-impjiegi? Jekk saru l-interviews, minn min kien iffurmat il-bord tal-interviews? Xi kwalifiki kellu kull membru fil-bord tal-interviews relatati max-xogħol tal-Aġenzija Infrastruttura Malta? Minn min ħarġet l-ordni biex jiġu maħluqa dawn il-vacancies?
Response (BORG, IAN)
Fil-perjodu msemmi ġiet impjegata persuna waħda li ma kinitx diġa impjegata tal-Gvern, tal-entitajiet tiegħu, jew ta’ Trasport Malta. Din il-persuna ġiet impjegata wara sejħa għall-applikazzjonijiet skont it-termini applikabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Infrastruttura Malta? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-pakkett finanzjarju, inkluż paga, allowances u perkaċċi oħra, li qiegħed jieħu l-Kap Eżekuttiv ta' Infrastruttura Malta? Jista’ jgħid xi kwalifiki akkademiċi u kemm-il sena ta' esperjenza prattika għandu l-Kap Eżekuttiv ta' Infrastruttura Malta direttament relatati ma' bini ta' toroq? Jista’ jgħid jekk ħarġitx 'call for application' għal kariga ta' Kap Eżekuttiv ta' Infrastruttura Malta? Jekk fl-affermattiv, kemm kienu dawk il-persuni li applikaw għal din il-kariga? Jista’ jpoġġi l-kuntratt ta' din il-persuna fuq il-Mejda tal-Kamra peress li din il-persuna qiegħda titħallas mit-taxxi tal-poplu?
Response (BORG, IAN)
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta huwa l-Inġ. Fredrick Azzopardi, li kien diġa impjegat ma’ entità governattiva fl-istess kariga qabel ma ntalab jiġi trasferit ma’ din l-aġenzija ġdida, sabiex ikollha l-aħjar riżorsi ta’ tmexxija biex twettaq l-impenn tagħha li fis-snin li ġejjin pajjiżna jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-trasport.
L-Inġ. Azzopardi kien Uffiċċjal Kap Eżekuttiv, jiġifieri l-istess kariga li għandu bħalissa, mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Enemalta plc. Ma’ din tal-aħħar, f’din il-kariga u fil-kariga ta’ Chairman, huwa mexxa t-trasformazzjoni biex din il-Kumpanija mhux biss biddlet snin twal ta’ telf fi tliet snin konsekuttivi ta’ profitti ta’ miljuni ta’ Ewro, iżda wettqet ukoll fost l-akbar proġetti infrastrutturali fil-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku li qatt saru f’pajjiżna. Fost dawn l-investimenti infrastrutturali kbar, hemm investiment ta’ madwar €100 miljun fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, bil-bini ta’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda u mijjiet ta’ kilometri ta’ cables tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli taħt l-art fit-toroq, it-twettiq tal-Malta-Italy Interconnector u ż-żarmar tal-power stations tal-heavy fuel oil tal-Marsa u Marsaxlokk.
L-Inġ. Azzopardi kien ukoll chairman ta’ żewġ entitajiet oħra tal-Gvern. Fis-snin ta’ qabel, l-istess uffiċċjal kap eżekuttiv ħadem ukoll bħala chief engineer fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura tal-Gvern, b’responsabilità ta’ diversi proġetti infrastrutturali nazzjonali, u fejn ħadem ukoll mal-Onorevoli Interpellant għal diversi snin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha mwaqqfa l-Aġenzija Infrastruttura Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm ħarġu promotions f'din l-Aġenzija u min ħa dawn il-promotions? F'liema gradi ħarġu dawn il-promotions? Min ħa promotion, jista’ jgħid f'liema grad kien qabel ma ħa din il-promotion u f'liema grad qiegħed issa wara li ħa din il-promotion? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm min ħa aktar minn promozzjoni waħda kemm ilha mwaqqfa din l-Aġenzija?
Response (BORG, IAN)
Fil-perjodu msemmi ma ngħatawx promozzjonjiet. Għalhekk, lanqas ma kien hemm min ħa aktar minn promozzjoni waħda.