Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Sindki u Kunsilliera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamntari 29977 u jgħid kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?  Jista’ jispeċifika f’liema kunsilli lokali jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom mal-Ministeru?  Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom impjegati mal-Gvern jew mal-entitajiet relatati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li mill-informazzjoni disponibbli hemm 12-il impjegat fil-Ministeru, l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eletti f’xi rwol f’xi Kunsill Lokali.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Sptar Mount Carmel — Inkjesta fuq pazjent li nstab il-Belt, Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx inkjesta rigward pazjent li ħareġ mill-Isptar Mount Carmel u nstab il-Belt Valletta, u wara kellu jiġi kkurat fl-ITU tal-Isptar Mater Dei minħabba ġrieħi li ġarrab?  Jista’ jippreżenta kopja ta’ din l-inkjesta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi rigward dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.  Barra minn hekk, inħatar bord investigattiv intern biex jinvestiga dan il-każ.

Paola Hub — Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-servizzi li qed jingħataw mill-Paola Hub u meta bdew jingħataw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bieraħ it-Tnejn, 15 ta’ Settembru 2025, is-servizzi kollha li kienu jingħataw miċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal il-Ġdid imxew għaċ-Ċentru Ċensu Moran – Ċentru Reġjonali tas-Saħħa.  Ma’ dawn is-servizzi kollha qed jingħataw ukoll dawk fil-manometrija, physio, podjatrija, immunoloġija, ortopedija u servizzi konnessi mar-respiratorju.

Mediċina ‘Adelimumab’ — Effetti ħżiena fuq il-pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tal-pazjenti li jieħdu l-‘Adelimumab’ peress li l-‘Hyrimoz’ qed tagħmlilhom effetti ħżiena meta kumparat mal-‘Amgevita’?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-uffiċċju taċ-Chief Medical Officer ġie nfurmat u għandha tittieħed deċiżjoni fil-jiem li ġejjin.

Carer at Home Scheme — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti għall-Carer at Home Scheme?  Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm pendenti u kemm ilhom pendenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-applikazzjonijiet kollha għall-iskema Carer at Home li waslu għand l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ġew proċessati u m’hemmx applikazzjonijiet pendenti.

Carer at Home — Sussidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li jieħdu s-sussidju għall-Carer at Home?  Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li n-numru ta’ anzjani li jieħdu s-sussidju għall-Carer at Home, sal-ġurnata li fiha qed tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari, hu ta’ 1,137, li minnhom ­­­360 huma rġiel u 777 huma nisa

Linji tat-telefonija — Rent rebate

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li jieħdu r-rent rebate fuq il-linja tat-telefonija tagħhom?  Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li bħalissa hemm 2,025 anzjani li qed jibbenefikaw mir-rent rebate fuq il-linja tat-telefonija tagħhom. Minn dawn, 1,004 huma rġiel u 1,021 huma nisa.

Live-in Carers — Ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex lill-anzjani u l-familji tagħhom jiffaċilitalhom il-proċess tal-ingaġġ ta’ live-in carers?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tipprovdi lista ta’ aġenti liċenzjati li jimpjegaw carers sabiex l-anzjan ikun jista’ jagħmel kuntatt direttament magħhom u jagħżel min joffrilu l-aħjar servizz. L-anzjan jista’ jippreferi  li jixtri s-servizz ta’ carer direttament minn għand kumpaniji liċenzjati biex jimpjegaw carers, sabiex jevitaw il-proċess li jimpjegaw huma direttament.

Settur tas-Saħħa — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fis-settur tas-saħħa f'Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar 10 snin, maqsuma sena b'sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-Estimi Ġenerali tas-snin imsemmija, li kopja tagħhom diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ix-Xemxija — Ambulanza Stazzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29568 u 29861 u jieħu l-passi neċessarji biex partikolarment matul ix-xhur tas-sajf, tkun stazzjonata ambulanza fl-inħawi tax-Xemxija, ħdejn il-Fire Station tal-Protezzjoni Ċivili, biex tkun tista’ tintuża f’każijiet ta’ emerġenza li jinqalgħu spiss?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kien hemm diskussjoni fir-rigward, dejjem meta ċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu.

Sptar Mount Carmel — Bżonn ta’ aktar sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir grada (back gate) li titla’ u tinżel jew tislajdja kif ukoll sleeping police, bħala miżuri addizzjonali ta’ sigurtà fl-Isptar Mount Carmel? Dan fid-dawl li bosta vetturi jidħlu u joħorġu kontinwament, u fin-nuqqas ta’ tali miżuri, jista’ jingħata ċ-ċans li xi pazjent/i joħorġu mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi s-sigurtà fl-Isptar Mount Carmel hia konformi mar-rekwiżiti identifikati mill-Management tas-Sigurtà, u dak tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-Isptar u jifforma parti minn inizjattiva usa’ u komprensiva biex titjieb il-ġestjoni tal-aċċess. Infurmat ukoll illi s-sistema ta’ barriera awtomatizzata tinsab fil-fażi finali tal-għoti tal-kuntratt, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet għall-grada (back gate) qed jiġu mfassla.

Live-in Carers — Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal live-in carers, kemm mad-Dipartiment kif ukoll mal-kumpaniji privati li jipprovdu dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll kemm tmur lura l-aktar applikazzjoni antika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-applikazzjonijiet kollha għall-iskema Carer at Home li waslu għand l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ġew proċessati u m’hemmx applikazzjonijiet pendenti. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandhiex informazzjoni dwar kumpaniji privati li jipprovdu dan is-servizz.

L-Imsida — Proġett għal dar tal-anzjani

Question

Issa li l-proċess tat-tender għad-dar tal-anzjani fl-Imsida ġie konkluż, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet fuq din id-dar? Jista’ jgħid ukoll meta qed jipproġetta li dan il-proġett ikun lest?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li x-xogħlijiet fuq id-dar tal-anzjani fl-Imsida ser jibdew wara li jiġi ffirmat il-kuntratt. Il-kuntrattur huwa marbut li jlesti dan il-proġett fi żmien mija tmienja u sebgħin (178) ġimgħa mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt, sakem ma jkunx hemm xi affarijiet li m’hemmx kontrol fuqhom, u li jistgħu jitardjaw meta l-proġett ikun lest.

Bormla — Proġett għal dar tal-anzjani

Question

Issa li l-proċess tat-tender għad-dar tal-anzjani f’Bormla ġie konkluż, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet fuq din id-dar? Jista’ jgħid ukoll meta qed jipproġetta li dan il-proġett ikun lest?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kuntratt għall-proġett tad-dar tal-anzjani f’Bormla ġie ffirmat, u għaldaqstant il-proċessi u x-xogħlijiet issa ser jibdew. Il-kuntrattur huwa marbut li jlesti dan il-proġett fi żmien mija tmienja u sebgħin (178) ġimgħa mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi barra mill-kontroll tiegħu li jistgħu jikkawżaw dewmien fil-kunsinna tal-proġett.

Birkirkara — Triq Ganu - Żvilupp ta' Sit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sit maħsub biex fuqu tinbena dar tal-anzjani fi Triq Ganu, Birkirkara, ġiex mgħoddi lill-Awtorità tad-Djar biex jinbnew sheltered homes affordabbli għall-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellanta biex tireferi din il-mistoqsija parlamentari, lill-Ministeru ikonċernat.

Appuntament ma' dieticians — Lista ta' stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li qed jistennew appuntament ma’ dieticians? Jista’ jgħid ukoll għaliex l-appuntamenti li kienu għal Ottubru 2025 ġew posposti għal Awwissu 2026?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi ż-żmien ta’ stennija għall-appuntament ma’ dieticians bħalissa jvarja bejn minimu ta’ ġimagħtejn sa massimu ta’ 12-il xahar. Infurmat ukoll li xi appuntamenti li ġew posposti għall-Awwissu 2026, is-sitwazzjoni ġiet indirizzata, u l-appuntamenti reġgħu ġew skedati biex dawn il-pazjenti jiġu assistiti sa mhux aktar tard mill-aħħar t’Ottubru 2025.