Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook amministrati mill-Ministeru għas-Saħħa u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħrajn jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għas-Saħħa u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta paġni, profili u gruppi fuq Facebook amministrati mill-Ministeru għas-Saħħa u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Sejħa għall-post ta’ Emergency Ambulance Responder

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk dan l-aħħar sarux sejħiet għal post of Emergency Ambulance Responder? Kemm applikaw persuni? Meta għalqet l-applikazzjoni? Kemm riedu jimtlew postijiet? Jista’ jgħid sarux eżamijiet jew interviews? Min għamel l-interviews? Min ħatar il-Bord tal-Għażla?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għalqu fil-11 ta’ Novembru u applikaw 154 persuna. L-intervisti għadhom għaddejjin. Il-bord tal-għazla ġie appuntat skont it-termini tal-proċeduri uffiċjali li jinstabu fuq il-‘ Manual on Industrial Relations and the Selection and Appointment Process under Delegated Authority in The Malta Public Service’.

Communal Clinic f’Marsaskala – teħid tad-demm

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk jistax jagħti l-awtorizzazzjoni biex tinfetaħ il-Communal Clinic f’Marsakala għat-teħid tad-demm (Phlebotomy) kull nhar ta' Sibt filgħodu minbarra matul il-ġimgħa, peress li ħafna persuni jaħdmu matul il-ġimgħa u hemm domanda biex jibdew jinqdew is-Sibt?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi teħid tad-demm bl-appuntament ġewwa l-Klinika fil-Komunità ta’ Marsaskala huwa diġà disponibbli u appuntament huwa ta’ anqas minn ħimistax-il ġurnata.

CDAU – early interventions

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4199, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x’qed isir minħabba nuqqas ta’ riżorsi fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), speċjalment fejn jidħlu early interventions?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4204.

Sptar Mount Carmel – ħlas ta’ pagi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex ma tħallsux il-pagi sħaħ f'Jannar lill-istaff tal-Isptar Mount Carmel u meta ser jitħallsu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li l-pagi tal-ħaddiema kollha tħallsu fil-ħin, il-meal allowance ta' numru ta’ impjegati ser jitħallsu mal-paga li jmiss.

Sptar Mount Carmel – staff on call

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm staff li jaħdem on call fl-Isptar Mount Carmel, x'inhi l-pożizzjoni tagħhom (l-impjieg) u f'liema sala jaħdmu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 47 staff li jaħdem on call fl-Isptar Mount Carmel. It-tabella mehmuża tindika il- pożizzjoni tagħhom. 18 Consultants SSN 5 Allied Health Practitioners – OT Lead Entity Management 5 SNM Manager Security Services 8 Charge nurses Prin. Inspector Health & Safety Senior Practice Nurse Principal Senior Pharmacist Senior Foreman Advanced Pharmacy Practitioner Officer in scale 11 Chief engineer

Sptar Mount Carmel – staff bit-telework

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm staff li jaħdem bit-teleworking fl-Isptar Mount Carmel, x'inhi l-pożizzjoni tagħhom (l-impjieg) u f'liema sala jaħdmu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Mount Carmel hemm 37 impjegat li jaħdem bit-teleworking. It-tabella mehmuża tindika l-pożizzjoni tagħhom u d-dipartiment fejn jaħdmu. No. of Employees GRADE SECTION 1 SEC OFFICE ADMINISTRATOR CUSTOMER CARE DEPARTMENT 1 PRINCIPAL PSYCHOLOGIST CYPS-DEPARTMENT 2 PRINCIPAL LEAVE SECTION 1 EXECUTIVE ALLIED HEALTH PRACT O.T. OT DEPARTMENT 1 MANAGING ALLIED HEALTH OT DEPARTMENT 1 Senior Allied Health O.T OT DEPARTMENT 1 AHPROF-OT OT DEPARTMENT 1 ALLIED HEALTH PRACT-O.T. OT DEPARTMENT-COMMUNITY 2 PRINCIPAL PSYCHOLOGIST PSYCHOLOGY DEPARTMENT 3 PSYCHOLOGY ASSISTANTs PSYCHOLOGY DEPARTMENT 1 CLINICAL PSYCHOLOGIST PRACT PSYCHOLOGY DEPARTMENT 5 PSYCHOLOGISTs PSYCHOLOGY DEPARTMENT 7 PSYCHOLOGY PRACTITIONERS PSYCHOLOGY DEPARTMENT 2 MANAGING PSYCHOLOGISTs PSYCHOLOGY DEPARTMENT 1 PRINCIPAL PA TO OFFICE OF CEO 1 ASSISTANT PRINCIPAL SEC TO CONSULTANTS 1 PRINCIPAL SEC TO CONSULTANTS 2 SENIOR SOCIAL WORKER SOCIAL WORKER DEPARTMENT 1 SOCIAL WORKER SOCIAL WORKER DEPARTMENT - COMMUNITY 2 PRINCIPAL SOCIAL WORKER SOCIAL WORKERS DEPARTMENT

Sptar Mount Carmel – nuqqas ta’ overtime

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex staff mhux qed jingħata ċ-ċans li jaħdem overtime fil-payroll unit tal-Isptar Mount Carmel meta m'hemmx biżżejjed staff biex ilaħħaq mal-ħidma u ħruġ tal-pagi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt preżenti li hemm fis-seħħ tal-iskrivani ġewwa l-isptar Mount Carmel ma jippermettix li impjegati ingaġġati mal-kuntrattur jagħmlu overtime. Ninfurmah ukoll illi ġew ingaġġati skrivani ġodda fis-sezzjoni tas-salarji.

X-ray machines

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn jinsabu l-x-ray machines fis-settur tas-saħħa minbarra l-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi X-ray machines fis-servizz tas-Saħħa tal-Gvern minbarra l-Isptar Mater Dei jinsabu kif indikat hawn taħt: fiċ-Ċentru tal-Mosta fiċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid fiċ-Ċentru tal-Furjana fiċ-Ċentru tal-Gżira fiċ-Ċentru ta’ Ħal-Qormi. Gozo General Hospital St. Vincent De Paul

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — laqgħat barra minn Malta fuq xogħol ministerjali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il darba attenda laqgħat matul is-sena li għaddiet barra minn Malta in konessjoni max-xogħol ministerjali u jistax jindika wkoll min akkumpanjah u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni fuq is-safar kif mitluba minnu.

Sptar Mater Dei – ART Clinic – post vakat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn inħarġet espressjoni ta' interess għall-post li reċentement spiċċa vakat fl-inkarigu ta' responsible person tal-ART Clinic (Assisted Reproductive Technology) fl-Isptar Mater Dei u ma saritx sejħa pubblika normali ġewwa l-Isptar Mater Dei? Ma jaħsibx li sejħa pubblika tattira aktar persuni adatti għal din il-kariga importanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-post ta' Responsible Person tal-ART Clinic ser jimtela bi proċess kompetittiv intern.

Proċess ta’ service agreement

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5293, ninforma lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li qed nirreferi għas-service agreement tal-Isptar Mount Carmel. Għaldaqstant jista' jgħid għaliex stenna li jagħlaq dan ‘is-service agreement’ f’Settembru 2022 biex beda proċess biex isir kuntratt ġdid? Fiex wasal il-proċess u sakemm jinbeda l-kuntratt ġdid, kif ser jitmexxa dak preżenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tender għas-servizz tas-sigurtà għall-Ministeru għas-Saħħa ġie ppublikat f’Awwissu 2021. F’Mejju tas-sena 2022 infetaħ appell li għadu qed jinstema' fil-qorti ta’ l-appell, b’hekk kellha ssir rikjesta għal estensjoni oħra. Fil-preżent, qed nistennew id-deċiżjoni finali mill-qorti tal-Appell.

Kuntratt tas-servizzi tas-sigurtà

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5294, ninforma lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li qiegħed nirreferi għall-kuntratt tas-sigurtà tal-Isptar Mount Carmel. Għaldaqstant jista' jgħid għaliex hemm dan il-kuntratt skadut tas-servizzi tas-sigurtà, anke wara l-estensjonijiet li ngħataw sa Marzu 2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5840.

Twaħħil ta’ CCTV cameras

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5295, ninforma lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li qiegħed nirreferi għall-Isptar Mount Carmel. Għaldaqstant jista' jgħid kemm twaħħlu sistemi tal-kameras tas-sigurtà (CCTVs) fl-Isptar Mount Carmel f’dawn l-aħħar erba’ snin? Jista’ jgħid f’liema swali twaħħlu u f’liema le?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar erba’ snin twaħħlu numru ta’ cameras tas-sigurtà fil-grounds tal-Isptar Mount Carmel u ġew upgraded xi wħud mill-cameras tal-Main Garden u siti oħra madwar l-isptar. Il-lista dettaljata ta’ dawn il cameras tinsab hawn taħt: · Fis-Sala Tabiba Maria Sciberras ġew installati 30 kamera ( kemm ġewwa s-sala kif ukoll fiż-żona tal-madwar tal-istess sala. · Dar Sebħ Ġdid ġew renovati kompletament. · Fis-sala MW8B ġiet installat kamera fejn il-bieb tal-entratura ta’ din is-sala filwaqt li ġew mibdula 19-il kamera oħra f’diversi postijiet ta’ din l-istess sala. · Is-sessjoni tal-Isolation tas-Sala San Gorg Preca · Fil-kuritur biswit il-maintanace stores twaħħlu 3 kameras ġodda filwaqt li ġiet mibdula kamera waħda. · Il-kuritur biswit il-Main stores ġew installati 2 kameras ġodda · Fuq in-naħa ta’ barra tal-istores ġew installati 13-il kamera ġdida filwaqt li ġew mibdula 3. · Fis-sezzjoni tas-sigurtà ġiet mibdula kompletament is-sistema tad-DVR filwaqt li ġew mibdula 2 kameras. · Fiż-żona tal-madwar fejn hemm il-Main gate tal-Isptar Mount Carmel, ġew installati 6 kameras.

Sistema ta’ cameras ċentralizzata

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5296, ninforma lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li qiegħed nirreferi għall-Isptar Mount Carmel. Għaldaqstant jista' jgħid għaliex is-sistema tal-cameras (CCTV) tal-Isptar Mount Carmel mhix waħda ċentrali iżda waħda individwali? Jista’ jgħid jekk hemmx pjan u meta se jsir biex ikun hemm sistema ċentralizzata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-present mhux maħsub li s-sistema ta CCTV fl-isptar imsemmi minnu tkun ċentralizzata.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu; u/jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għamla tal-karozza uffiċjali hija Mercedes Benz E220 D u din hija leased. Din il-lease ġiet mirbuħa b’tender pubbliku. Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx second car.

Sptar Mater Dei – Insulina out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kienx hemm xi tip ta' insulina out of stock fl-Isptar Mater Dei bejn l-1 ta' Jannar 2022 u d-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti liema żmien u kemm damet out of stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-insulina kienet in-stock fiż-żmien imsemmi minnu fl-Isptar Mater Dei.

Allied Health Professionals – għoti ta’ scrubs temporanji sakemm jinxtraw uniformijiet ġodda

Question

Fid-dawl li ma nxtrawx uniformijiet ġodda għall-Allied Health Professionals, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux se jingħataw scrubs temporanji sakemm jinxtraw l-uniformijiet il-ġodda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħda tiġi diskussa l-possibbiltà li jingħataw scrubs temporanji sakemm jinxtraw l-uniformijiet il-ġodda.

Sptar Mater Dei – Pubblikazzjoni ta’ menu tal-ikel li jingħata fis-swali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika sample ta' menu tal-ikel li ngħata fis-swali tal-Isptar Mater Dei bejn it-8 u t-22 ta' Jannar 2023?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-menu kif mitlub minnu.