Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Furjana – Triq Ġnien Dante Aligheri – Siġar taċ-ċitru

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16617 u 17508, jista’ l-Ministru jara li s-sitwazzjoni tiġi riżolta u jittieħdu l-passi neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill qed jieħu l-passi neċessarji biex jara li l-ġonna u s-soft areas ikunu ikkurati.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2023?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W82.

Ħ’Attard – Central Link – Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16262 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx pjan li jsiru bus shelters fuq il-bus stops eżistenti fis-Central Link ta' Ħ’Attard? Jekk iva, meta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard li m’hemmx data jew pjan stabbilit min-naħa tagħhom iżda li saru kuntatti biex isiru l-bus shelters.

Fgura — Triq il-Karmnu - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16969, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu l-Kunsill Lokali jitlob sabiex Triq il-Karmnu, il-Fgura ssir mill-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li għaddejin taħdidiet ma’ l-Awtoritajiet ikkonċernati.

Malta Biennale

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw il-management team, kif ukoll min huma l-kuraturi u membri oħra tat-team li ħadmu biex jiġi organizzat u kkoordinat il-Malta Biennale? Jista’ jipprovdi lista li tinkludi l-isem u l-kunjom ta' kull persuna, il-kariga li tokkupa mal-Malta Biennale u r-rimunerazzjoni li għandha kull persuna? Jista’ jsemmi wkoll meta daħlu fis-seħħ dawn l-arranġamenti u għal liema tul ta' żmien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-lista komprensiva ta’ dawk kollha li kienu nvoluti fil-Malta Biennale tinsab fil-gwida uffiċċjali tal-Malta Biennale li diġà poġġejt kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra mal-mistoqsija parlamentari 18274. Il-ħatriet jintemmu kollha malli jintemm il-biennale u jingħalaq kollox. Ħadd mill-uffiċċjali tal-entitajiet governattivi m’għandu remunerazzjoni talli qed jieħdu sehem fl-organizazzjoni tal-biennale. Dawk li mhumiex uffiċċjali f’entitajiet qegħdin fuq kuntratt definit. Kull arranġament daħal fis-seħħ matul it-tħejjija skont il-ħtieġa.

Ħal Qormi — Triq Ġużè Duca - Sewqan perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri jistgħu jittieħdu minħabba sewqan perikoluż fi Triq Ġużè Duca, Ħal Qormi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li fil-parti ta’ Triq Ġużè Duca li hija fil-konfini tal-lokalità, preżentement hemm road humps li jservu ta’ prevenzjoni minn sewqan perikoluż.

Ir-Rabat – traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex isiru traffic lights maż-zebra crossing li hemm preżentement fejn id-Domus Romana, fir-Rabat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li l-Kunsill mhux qed jippjana u ma talabx li jkunu installati dwal ta’ kontroll tat-traffiku fil-lok imsemmi.

Ħaż-Żebbuġ, Malta — New Street fi Triq Mikielanġ Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18108, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, u jgħid meta ser tingħata isem it-triq 'New Street' fi Triq Mikielanġ Sapiano, f'Ħaż-Żebbuġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infumat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ li l-proċess għat-tismija tat-triq li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għaliha jinsab fi stadju avvanzat. Naturalment il-proċess ma jiddependix biss mill-Kunsill Lokali.

Bormla — Triq Wiġi Rosato - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru fi Triq Wiġi Rosato, Bormla, kemm se jdumu għaddejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li x-xogħlijiet fi Triq Wiġi Rosato qegħdin isiru minn Infrastruttura Malta għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Programmi tar-radju - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tar-radju mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tar-radju li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika wkoll liema minn dawn il-programmi kienu intervisti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma nxtarax airtime fuq il-programmi tar-radju mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali.

Kunsill Lokali Ħal Tarxien — ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li rċieva madwar 252 ilment u suġġeriment matul is-sena 2023. L-aktar rilevanti fosthom kienu r-rimi ta’ terrapien u skart ieħor, bozoz maqtugħin, manteniment ta’ toroq u bankini, tneħħija t’annimali mejta u ġbir tal-iskart.

Kunsill Lokali Fgura — ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali tal-Fgura matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li rċieva 960 ilment u 20 suġġeriment matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti l-iktar relevanti kien hemm l-ifriskar ta’ sinjali, twaħħil ta’ tabelli, tarmac kiesaħ għal toqob fit-toroq, qtugħ ta’ ħaxix ħażin, manutenzjoni minuri tal-bandli u ġonna.

Kunsill Lokali Raħal Ġdid — ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li rċieva madwar 375 ilment u suġġeriment matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti l-iktar relevanti kien hemm dwar patching, bozoz maqtugħa, tiswija ta’ kaptelli u tappieri, kif ukoll dwar tabelli u sinjali (refreshing u oħrajn ġodda).

Marsalforn, Għawdex — Proġett ta' riġenerazzjoni tal-promenade u l-Menqa - twaħħil ta’ bollards

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11035, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn sentejn u nofs mill-inawgurazzjoni tal-proġett ta' riġenerazzjoni tal-Promenade u l-Menqa ġewwa Marsalforn u għadhom ma sarux u ma ġewx imwaħħla l-bollards sabiex il-Promenade u l-Menqa jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku b'moħħu mistrieħ u mingħajr periklu waqt li jkun qed jimxi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex illi hemm diskussjonijiet bejn il-Kunsill u Transport Malta biex jiġu installati il-bollards.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar – Knis u t-tbattil tal-bins mit-toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra skeda ta’ kif u meta suppost isir il-knis u t-tbattil tal-bins mit-toroq residenzjali fil-Mellieħa (Manikata) u f’San Pawl il-Baħar (Qawra - Buġibba - Xemxija - Burmarrad), maqsuma triq triq bil-frekwenza indikata fil-kuntratti mogħtija?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Mellieħa u ta’ San Pawl il-Baħar – Kontijiet bankarji

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammonti (bilanċi) li għandhom il-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u ta’ San Pawl il-Baħar fil-kontijiet bankarji rispettivi tagħhom sal-aħħar tas-sena finanzjarja li għadha kif intemmet?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni miġbura u mgħoddija lili tinsab elenkata fit-tabella indikata hawn taħt. L-ammonti (bilanċi) totali li kellhom il-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u ta’ San Pawl il-Baħar fil-kontijiet bankarji rispettivi tagħhom sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2023 Kunsill Lokali Mellieħa€2,982,559.00 Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar€2,707,743.03

Ħal Qormi — Outdoor Sports and Fitness Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu skedat li jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni u tiswijiet fl-Outdoor Sports and Fitness Park, f’Ħal Qormi, u x’tip ta’ xogħol se jsir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li bħalissa qed jitnaddaf il-post biex fix-xhur li ġejjin isir proġett ta’ Outdoor Gym permezz ta’ ftehim li il-Kunsill Lokali għamel ma’ kumpanija privata.

Ħal Qormi — Outdoor Sports and Fitness Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar xogħol ta' manutenzjoni u tiswijiet fl-Outdoor Sports and Fitness Park f’Ħal Qormi, u x’tip ta’ xogħol sar matul l-2023 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi bħala parti mix-xogħol ta’ manutenzjoni li qed isir fil-ġnien, matul il-ġimgħat li għaddew inqala’ u tneħħa l-fitness equipment li kien hemm u bħalissa għaddej ix-xogħol biex titneħħa l-art tal-lasktu.

Malta Biennale – Individwu

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li jrid jieħu deċiżjonijiet mal-bord skont il-liġi, issa huwa responsabbli għall-Malta Biennale u jieħu d-deċiżjonijiet waħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta ħadet id-deċiżjoni li din il-persuna tiġi inkarigata biex tmexxi l-Maltabiennale. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellanta għall-gwida uffiċċjali tal- Maltabiennale li diġà poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra mal-mistoqsija parlamentari 18274 li fih tidher l-istruttura li qed tħaddem il-Maltabiennale.