Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – multi konvertiti f’Ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li daħlu l-ħabs biex jiskontaw sentenza wara li l-multi ġew konvertiti f’ħabs, mill-bidu tas-sena 2017 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ottubru 2017 kien hemm 60 persuna li ddaħħlu fil-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin minħabba konverżjoni ta’ multi.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni miżmuma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għal xi raġuni jew oħra ġew miżmuma għal xi perijodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ottubru 2017 kien hemm 490 persuna li għal xi raġuni jew oħra ġew miżmuma għal xi perjodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Bord tal-Parole – rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti annwali li saru s’issa mill-Bord tal-Parole u dan ai termini tas-sub-artikolu 4 tal-Artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kapitolu 516?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-erba’ rapporti annwali li saru s’issa qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ingaġġ ta’ rekruti u uffiċjali kadetti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm iddaħħlu rekluti u uffiċjali kadetti bejn l-1 ta’ Mejju u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Forzi Armati ta’ Malta ingaġġat 103 rekluti u 11 uffiċċjali kadetti.

Forzi Armati ta’ Malta – kors li wassal għall-kwalifika ta’ ACE 1

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif ġew assesjati kandidati li poġġew għall-kors li wassal għal kwalifika ta’ ACE 1 li sar ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni, u jekk kienx hemm eżami bil-miktub? Jista’ jiġi kkonfermat jekk dan il-kors ġiex organizzat mill-GWU u kemm ħallset il-Forzi Armati ta’ Malta? Kemm kien hemm kandidati li għamlu dan il-kors u kemm minnhom ġew promossi bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-FAM ma tħallasx għal korsijiet li jsiru relatati ma’ kwalifiċi akkademiċi. Il-FAM tirrikonoxxi kwalifiċi f’ċertu livelli skont kif akkreditati mill-MQRIC u ma tidħolx fil-mertu kif dawn tal-aħħar jaslu għall-konkluzjoni f’liema livell jakkreditaw ċertu kwalifiċi.

Forzi Armati ta’ Malta – Bord tal-Investigazzjoni tal-Inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettal kemm-il deċiżjoni tal-Bord tal-Investigazzjoni tal-Inġustizzji fil-Forzi Armati ta’ Malta, li jiffurmaw parti minnu l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, issarfet fi promozzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 221 persuna ġew promossi b'rabta ma’ ilmenti sottomessi lill-Bord imsemmi. L-uffiċċjal tal-FAM imsemmi mill-interpellant, mhux membru tal-Bord. Hu ġie maħtur mill-FAM bħala uffiċjal ta’ kollegament, fil-kapaċità tiegħu bħala Records Officer, biex jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Bord.

Forzi Armati ta’ Malta – Bord tal-investigazzjoni tal-inġustizzji — rakkomandazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm rakkomandazzjonijiet mill-Bord tal-Inġustizzji fil-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) li ma ġewx aċċettati mill-FAM? Jekk iva, fir-rigward ta' min ma ġewx aċċettati dawn ir-rakkomandazzjonijiet u għal liema raġuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inġustizzji ma jgħaddux lill-Forzi Armati ta’ Malta biex jiġu aċċettati.

Forzi Armati ta’ Malta — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad baqa' vakanzi għall-promozzjonijiet meta tikkunsidra li l-aħħar promozzjonijiet kienu ppublikati bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Forzi Armati ta’ Malta baqa' vakanzi għall-promotion ta’ 66 Warrant Officer, 117 Staff Sergeant u Sergeant, u 172 Bombardier u Lance Bombardier.

Forzi Armati ta’ Malta – membri li ġew promossi b’riżultat ta’ rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li ġew promossi b’riżultat ta’ rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Inġustizzji wara li l-istess individwi kellhom każ għand l-Ombudsman jew il-President ta’ Malta? Fil-każ ta’ fizzjala, kien hemm każijiet fejn il-bord tal-investigazzjoni tal-inġustizzji ta raġun lill-individwi wara li l-Ombudsman jew il-President kienu sabu li ma kienx hemm każ ta’ inġustizzja fil-konfront tal-individwi konċernati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bord tal-Inġustizzji ma daħalx f’każijiet diġa deċizi mill-Ombudsman jew il-President ta’ Malta, sakemm ma ġiex preżentat każ differenti.

Bord tal-Inġustizzji – promozzjonijiet abbużivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra huwiex minnu li ser jinħoloq bord ieħor li ser ikun qed jindirizza l-ilmenti li nħolqu b'konsegwenza tal-aħħar promozzjonijiet abbużivi li ironikament ingħataw mill-bord tal-inġustizzji stess? Dan ifisser li ser ikun hemm bord tal-inġustizzji li ser ikun qed jinvestiga promozzjonijiet li ngħataw mill-bord ta’ qablu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-twaqqif ta’ unit apposta għall-grievances hu konformi ma’ wegħda fl-aħħar manifest elettorali tal-Partit Laburista.

Forzi Armati ta’ Malta — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk is-suldati jew fizzjali li ħadu promozzjoni regolari jew b'konsegwenza ta' deċiżjoni tal-Bord tal-Inġustizzji u tinkludi wkoll dawk il-persuni li rtiraw mis-servizz bejn l-1 ta’ Mejju u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

B’referenza ghall-mistoqsija parlamentari 321, l-Onor. Interpellant ghandu jkun infurmat li l-Ufficjali tal-FAM li ħadu promozzjoni regolari jew b'konsegwenza ta' deċiżjoni tal-Bord tal-Inġustizzji kienu dawn segwenti: Kulunelli 7 Logotunentt Kulunell 1 Maggur 2 Kaptan 2 Logotunent 4 2 Logotunent 9 Warrant Officer1 12 Warrant Officer2 61 Staff Sergeant 173 Sergeant 77 Bombardier 147 Lance Bombardier 79

Forzi Armati ta’ Malta – car allowance

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-fizzjali għolja tal-Forzi Armati ta’ Malta li ġew mogħtija l-car allowance humiex xorta qed jagħmlu użu minn xufiera u karozzi tas-servizzi biex imorru lejn u lura mix-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ufficjal tal-FAM li għalihom qed jirreferi jagħmlu użu minn karozzi tas-servizz waqt il-ħin regolari tax-xogħol, u meta d-disponibilita’ tal-istess karozzi tippermetti. Pero l-istess Uffiċjali juzaw il-karozza personali tagħhom diversi drabi waqt il-ħin regolari tax-xogħol u wara l-ħinijiet regolari tax-xogħol anke jekk imsejħa fuq impenji relatati max-xogħol tagħhom.

Sustanza ta’ droga sintetika fil-ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fix-xahar ta’ Ottubru 2017 kienx hemm stanzi fejn inqabdet sustanza ta’ droga sintetika li kienet se tiddaħħal/ddaħlet ġewwa l-ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta kienet il-ġurnata meta fil-fatt instabet din is-sustanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk is-sustanza instabitx fil-pussess ta’ priġunier u/jew fil-pussess ta’ persuna li kienet qiegħda tagħmel viżta fil-ħabs? Jekk is-sustanza nstabet fuq il-persuna li kienet qed tagħmel viżta fil-ħabs, jista jgħid x’passi ttieħdu kontra din il-persuna? Jekk is-sustanza nstabet fil-pussess ta’ priġunier, jista’ jgħid x’passi ttieħdu kontra dan il-priġunier?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xahar t’Ottubru kien hemm 11-il każ fejn instabet sustanza suspettata droga sintetika li kienet se tiddaħħal/iddaħħlet ġewwa l-ħabs Fejn ikun hemm sejba ta’ droga, kemm fil-każ ta’ priġunieri kif ukoll ta’ viżitaturi, jiġu msejħa l-pulizija għall-investigazzjoni. Dawn imexxu l-investigazzjoni tagħhom. Fil-każ li priġunier jinstab fil-pussess ta’ sustanza suspettuża, bħala prekawzjoni u prevenzjoni, dan jintbagħat b’mod temporanju f’diviżjoni separata bħala miżura ta’ sigurtà u prevenzjoni. Dan kollu jiġi rrappurtat u jinfetaħ każ ta’ dixxiplina kontra l-priġunier, imma ma jitteħdux passi kontrih sakemm tasal il-konferma rigward is-sustanza. F’każ li s-sustanza suspettuża tiġi kkonfermata li tkun illegali, il-pulizija jibdew proċeduri kriminali u jiġi spjegat dan fil-file tar-rapport. F’każ li s-sustanza suspettuża tiġi kkonfermata li mhix illegali, jittieħdu passi ta’ dixxiplina kontra il-priġunier minħabba li kien f’pussess ta’ oġġett mhux permess li jkollu fil-Faċilità.

Ksur tal-Artikoli 337B sa 337Ħ (Użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali – każijiet imressqa quddiem il-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm-il każ tressaq mill-Pulizija quddiem il-Qrati fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-artikoli 337B sa 337Ħ (Fuq l-użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali mill-2001 sal-lum? Jista’ jagħti din l-istatistika, sena b’sena u kemm minnhom saru fuq kwerela u kemm minnhom fuq inizjattiva tal-Pulizija? X’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' każijiet fejn persuni tressqu l-Qorti mill-Pulizija dwar allegat ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-artikoli 337B sa 337Ħ (Fuq l-użu mhux kif dovut tal-computer) tal-Kodiċi Kriminali, mis-sena 2001 sal-ahhar ta’ Ottubru 2017, sena b'sena, kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Din turi dawk li saru fuq kwerela u dawk li tmexxew fuq inizjattiva tal-Pulizija. L-eżitu ta' kull każ, sena b'sena, hu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għases Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra u Naxxar – rapporti relatati ma’ vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti relatati ma' vjolenza domestika fl-Għases tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra u Naxxar fis-snin 2014, 2015, 2016 u sa Ottubru 2017 b'mod separat lokalità b'lokalità, sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni relatata ma’ ka¿ijiet ta’ Vjolenza Domestika rrapurtati lill-pulizija mill-1 ta’Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2017 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u Qawra/San Pawl il-Baħar, hi kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-kamra.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar/Qawra/Buġibba – rapporti ta’ serq reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu r-rapporti ta' serq li ġew reġistrati/irrappurtati fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar / Qawra / Buġibba fl-2014, 2015, 2016 u sa Ottubru 2017 u jagħti din l-istatistika b'mod separat, lokalità b'lokalità u sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni relatata ma’ rapporti ta’ serq fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u Qawra/San Pawl il-Baħar mill-1 ta’Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2017, hi kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral – vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni (b'mod separat) saru u kemm ittieħdu passi kontra individwi li wettqu vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ fiż-żoni tal-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral sena b'sena bejn Jannar 2014 u Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2014 u sal-aħħar ta' Ottubru ta' din is-sena il-Pulizija tad-Distrett u dawk tal-ALE għamlu l-ispezzjonijiet kif indikati fit-tabella t'hawn taħt minħabba vandaliżmu fuq siġar jew ħitan tas-sejjieħ fiż-żoni tal-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral. Persuna waħda ittieħdu passi kontra tagħha minħabba reati relatati. Barra minn dan il-Pulizija tal-RIU jagħmlu ronda erbgħa u għoxrin siegħa kuljum mal-gżira kollha u dawn jinkludu l-area tal-Mellieħa fejn hemm l-Aħrax, il-Miżieb u l-Park tal-Majjistral. Fost spezzjonijiet oħra dawn ikopru dawk relatati ma’ din i-mistoqsija'. Inspections- Aħrax, il-Miżieb, & Park Majjistral fuq vandaliżmu ta' siġar u ħitan 2014 2015 2016 2017 Spezzjonijiet 24 19 18 14 Persuni mressqa l-Qorti 1 Nil Nil nil

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — sistema tal-informatika mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk l-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għad għandhom l-użu tas-sistema tal-informatika tagħhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ jista’ jgħid liema huma d-dipartimenti/entitajiet u x’qed isir biex din issir aċċessibbli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ilu jsegwi l-linja-gwida tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika (FITA) mindu din twaqqfet fis-sena 2000.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ma ngħatat l-ebda xoghol legali jew konsulenza minn xi Dipartiment jew entità tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali minn Marzu 2013 sallum.

Triq it-Tempesta fil-Qrendi u Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba – spezzjonijiet u patrols fuq overspeeding

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm qed isiru spezzjonijiet u patrols u dan fir-rigward ilmenti konsistenti ta’ każijiet ta’ overspeeding fi Triq it-Tempesta fil-Qrendi u Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba fejn bosta minn dawn l-ilmenti, dehru fil-media soċjali u anke saru lmenti lill-Pulizija mill-Kunsill Lokali tal-Qrendi u mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2212.