Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karta tal-identità mingħajr indirizz għal persuni b’obbligi u rabtiet amministrattivi f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jindirizza lakuna eżistenti billi joħloq karta tal-identità mingħajr indirizz, bħalma hemm f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, għal dawk iċ-ċittadini Maltin mhux residenti Malta, bħal fil-każ ta’ dawk li ma jkunux residenti prinċipalment f’Malta iżda jkollhom obbligi u rabtiet amministrattivi f’Malta, pereżempju residenza fiskali f’Malta, u għaldaqstant ikollhom bżonn karta tal-identità Maltija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kwalunkwe deċiżjoni jeħtieġ tittieħed skont Kapitlu 258 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Forzi Armati ta’ Malta — Suldati - Azzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet ittieħdu b’riżultat ta’ proċeduri interni fil-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), fuq is-suldati qabel u anke wara l-konklużjoni tal-inkjesta li saret? Jista’ jgħid ukoll: a. kemm-il suldat tkeċċa, x’rank kienu, f’liema sezzjonijiet kienu u x’kienu r-raġunijiet għat-tkeċċija; u b. kemm-il suldat ġie demoted, x’rank kienu, f’liema sezzjoni kienu u x’kienet ir-raġuni għad-demotion?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li total ta’ 55 akkuża inħarġu kontra sitt persuni ta’ ranks differenti fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, li għalihom kollha nstabu ħatja. Il-proċess ġie konkluż mill-Forzi Armati ta’ Malta skont l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta. Fl-interess tas-servizz, suldat tkeċċa filwaqt li ieħor ingħata demotion. Dawn is-sitt suldati ġew immultati total ta’ 134 jum ta’ xogħol f’telf ta’ paga, reprimands uffiċjali u twissijiet formali. Dan filwaqt li postings uffiċjali ġew irtirati, b’dan iwassal għal telf ta’ allowances u possibbilment xkiel għal promozzjonijiet futuri fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta.

Eżami tal-liċenzji tan-nar — Riżultati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu qegħdin jinħarġu r-riżultati tal-eżami tal-liċenzji tan-nar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-riżultati tal-liċenzja B bdew jingħataw lill-kandidati min-nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ April 2025. Ir-riżultati kollha ser ikunu notifikati fil-jiem li ġejjin.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Persuni li għandhom sentenza definita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hemm preżentement fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li għandha sentenza definita, u kemm minn dawn huma riċedivi, u ċjoè li kienu diġà skontaw sentenzi l-ħabs qabel dik li qegħdin jiskontaw? Jista’ wkoll jipprovdi tabella u jagħmel elenku tar-reati, anke jekk differenti mill-ewwel reat, li għalihom huma riċedivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li sal-11 t’April 2025 hemm 446 persuna li qiegħdin jiskontaw sentenza definita fejn minnhom hemm 154 li kienu diġà skontaw priġunerija.

Bastiment Garibaldi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li l-bastiment Garibaldi ttella’ fuq l-art? Jista’ jgħid għalfejn tqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-International Safety Training College (ISTC) u jippreżenta kopja tal-ftehim relatati ma’ tali operazzjoni? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-pjan għal dan il-bastiment?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-bastiment Garibaldi kellu ħsarat konsiderevoli, kemm fil-qafas strutturali tiegħu kif ukoll fix-xaftijiet tal-magni. Dawn il-ħsarat kienu jeħtieġu spejjeż ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro biex jissewwew, u minkejja dan, xorta waħda l-bastiment ma kienx ser ikun adattat biex jissodisfa l-ħtiġijiet operattivi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Għaldaqstant, ittieħdet id-deċiżjoni li l-bastiment jittella fuq l-art u jitwassal Ħal Far, fejn issa qed jintuża bħala riżors fejn id-Dipartiment jista’ jagħmel taħriġ fuqu. B’dan il-mod, il-bastiment se jkompli jservi lid-DPĊ b’mod alternattiv, anke jekk m’għadux operattiv fil-baħar. Infurmat ukoll li l-bastiment Garibaldi mhux taħt ir-responsabbiltà tal-ISTC, u ma je¿isti l-ebda ftehim kif indikat fil-mistoqsija Parlamentari. Illum b'differenza minn qabel, fit-Taqsima Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sar investiment ta’ madwar tliet (3) miljun Ewro. Nefqa ta’ madwar miljun Ewro f’investiment strutturali sabiex it-taqsima ġiet adekwata u nefqa ta’ madwar żewġ Miljun Ewro sabiex inxtraw żewġ Rhibs, Hydrolift vessel u Diving Catamaran. Minn ħaddiema mhux stmati b'għodda second hand ta' ħaddieħor għal investiment massiċċ fil-ħaddiem, fil-kundizzjonijiet tiegħu u l-għodda li jużaw.

Vjolenza domestika — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika tul l-2024 u jaqsam din l-informazzjoni skont: i. il-ġeneru; ii. l-età (18-35) (36-59) (60-60+); u iii. l-lokalità/lokalitajiet tal-persuna li għamel/għamlet ir-rapport?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni dwar każi ta’ vjolenza domestika għas-sena 2024, kif mitluba mill-Onor. Membru ġiet miġbura mis-sistema elettronika tal-Pulizija, kienet kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Vjolenza domestika — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika kull sena mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika rreġistrati mal-Pulizija, mis-sena 2014 sa l-aħħar ta’ Marzu 2025, kienu kif indikati fit-tabella hawn taħt. L-għan tal-Pulizija u tal-Professjonisti kollha li jaħdmu fil-Gender Based and Domestic Violence Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li twaqqaf fis-sena 2020 u Domestic Violence hub f'Santa Luċija li l-pajjiż għandu għall-ewwel darba u fetaħ fis-sena 2024 huwa li jassistu bl-aħjar mod lil dawk li għandhom bżonn l-assistenza u dan huwa ċarament rifless fin-numri akbar ta' rapporti. Sena Numru ta’ rapporti 2014 1048 2015 1205 2016 1272 2017 1257 2018 1341 2019 1325 2020 1645 2021 1741 2022 1828 2023 2071 2024 2225 2025* 502 *sal-31/03/2025

L-impjieg taż-żgħażagħ f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se jippromwovi l-impjieg taż-żgħażagħ f’Għawdex, minkejja l-isfidi ekonomiċi uniċi tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

In-numru ta’ żgħażagħ ta’ bejn 15 u 29 sena li jaħdmu ma’ employer Għawdxi skonti ċ-ċifri ppubblikati sa Ottubru 2024 kien ta’ 2484, imqabbel ma’ 1830 fl-2012. Naturalment dan ma jfissirx li l-Gvern ma jibqax jaħdem biex jattira investiment ta’ kwalità u jkattar l-investiment u Ministri kollegi jistgħu jagħtu iktar tagħrif dwar dan tal-aħħar. Infakkar ukoll li l-Gvern, permezz ta’ Jobsplus qed jibqa’ jinvesti fil-Garanzija għaż-żgħażagħ inizjattiva ta’ €10 miljun kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi lokali. Dan il-programm għandu l-għan li jtejjeb l-opportunitajiet taż-żgħażagħ (bejn il-15 u d-29 sena li m’humiex f’xogħol, taħriġ jew edukazzjoni) fis-suq tax-xogħol, inkluż f’Għawdex.

Korpi Dixxiplinati – Persuni li siefru fl-2023 u fl-2024

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25475, 25693, 25886 u 26418 u jipprovdi lista tas-safar kollu li għamlet it-tmexxija tal-Korpi Dixxiplinati fis-snin 2023 u 2024 u jgħid: min siefer; fejn siefer; għal liema skop; kemm kienet in-nefqa; u d-dati tas-safar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26418. Kif tkun konkluża tiġi ppubblikata.

Ċertifikati ta' koabitazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26121, 26628 u 27080 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u lill-Prim Ministru rispettivament u jgħid għalfejn persuna li għandha ċertifikat ta' koabitazzjoni mhix inkluża fil-lista tal-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li wieħed irid jara kemm l-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta u wkoll l-artikolu 2 tal-Kap. 614 tal-Liġijiet ta' Malta. Infurmat li sabiex persuna tgawdi minn dak maħsub fl-artikolu 4(1)(g) tal-Kap.217 trid tkun il-konjugi.

San Ġwann, Swieqi, Kappara, Sliema u San Ġiljan — Rapporti ta’ serq mid-djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta’ serq mid-djar f’San Ġwann, Swieqi, Kappara, Sliema u San Ġiljan mill-bidu tas-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm talbiet għal għajnuna mir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili — Xogħlijiet fl-istazzjonijiet - Spejjeż

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26627 dwar l-ispejjeż relatati max-xogħlijiet kollha li qegħdin isiru fl-istazzjonijiet u l-Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, fejn ġie mwieġeb li “l-informazzjoni fit-totalità tagħha għad trid tkun konkluża”, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-informazzjoni issa ġietx finalizzata u jekk iva, tingħata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26627. Kif tkun konkluża tiġi ppubblikata.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Ġnien Vertikali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22409 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’sar minnu l-ġnien vertikali li kien twaħħal mal-ħajt tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid ukoll kemm kien ġie jiswa dan il-ġnien?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li dan il-ġnien ma sarx mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Koppji tal-istess sess — Rapporti ta’ vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' vjolenza domestika minn koppji tal-istess sess fl-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li minn informazzjoni miġbura mit-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika tal-Pulizija, jirriżulta illi matul is-sena 2024 kien hemm: (6) sitt każijiet ta' vjolenza domestika bejn ex-imsieħba tal-istess sess, (2) żewġ każijiet bejn msieħba tal-istess sess, u każ wieħed (1) bejn kopja miżżewġa tal-istess sess.

Għeluq il-25 sena servizz — Pulizija li baqgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-għadd ta’ pulizija li għalqu ż-żmien ta' 25 sena servizz u baqgħu jaħdmu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li hemm mitejn u erba’ (204) uffiċjal tal-Pulizija li għalqu l-ħamsa u għoxrin sena servizz u sal-lum baqgħu iservu fil-Korp tal-Pulizija. Infakkar lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ħa numru ta’ miżuri biex dawk li jagħżlu li jibqgħu jservu lill-pajjiż f’forza dixxiplinata wara 25 sena servizz jiġu inċentivati u premjati.

Irtirar — Pulizija li baqgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-għadd ta’ pulizija li rtiraw u reġgħu daħlu jaħdmu mal-korp?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn is-sena 2015 sat-13 ta’ Marzu 2025 kien hemm tmienja u għoxrin (28) uffiċjal tal-Pulizija li kienu rtirati u reġgħu bdew iservu fil-korp. Dawn ma jinkludux pulizija ta' riserva.

Kuntratti prekarji u nuqqas ta’ sigurtà tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern qed jittratta l-kwistjoni tal-kuntratti prekarji u n-nuqqas ta’ sigurtà tax-xogħol li jolqtu b’mod sproporzjonat lill-ħaddiema żgħażagħ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Intraprendituri żgħażagħ u negozji ġodda – Miżuri ta’ appoġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema miżuri hemm fis-seħħ biex jappoġġjaw lill-intraprendituri żgħażagħ u negozji ġodda, inkluż aċċess aħjar għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea u mentoring tan-negozju?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li biex tappoġġa lill-intraprendituri żgħażagħ u negozji ġodda, inkluż aċċess aħjar għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea, Jobsplus tamministra żewġ skemi li huma Aċċess għall-Impjiegi (A2E) u l-Investing in Skills. Għalkemm dawn iż-żewġ skemi m’humiex speċifikament għal negozji ġodda, dawn il-kumpaniji jistgħu xorta jibbenefikaw mis-sussidju provdut minn dawn l-iskemi jekk il-kriterji stabbiliti jkunu milħuqa. l-Aċċess għall-Impjiegi (A2E) tipprovdi sussidju finanzjarju lil min iħaddem talli jsir reklutaġġ ta’ impjegati vulnerabbli waqt li l-Investing in Skills tagħti sussidju finanzjarju lill-kumpaniji li jinvestu f’taħriġ għall-impjegati tagħhom. Iżjed informazzjoni dwar x’miżuri hemm fis-seħħ biex jappoġġjaw lill-intraprendituri żgħażagħ u negozji ġodda, inkluż aċċess aħjar għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea u mentoring tan-negozju, għandha tingħata mill-Ministeri responsabbli.

Kumpaniji — Persuni b'diżabilità - Kwota tal-impjieg ta' 2%

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet konformi mal-kwota tal-impjieg ta' 2% fir-rigward ta' persuni b'diżabilità u kemm-il kumpanija ma kinitx konformi mal-kwota tal-impjieg ta' 2% fir-rigward ta' persuni b'diżabilità sal-aħħar tas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2024 kien hemm 877 kumpanija li kienet konformi mal-kwota tal-impjieg ta' 2% fir-rigward ta' persuni b'diżabilità u 806 kumpanija li ma kinux konformi mal-kwota tal-impjieg ta' 2% fir-rigward ta' persuni b'diżabilità, u għaldaqstant b'obbligu ta' ħlas ta' kontribuzzjoni li tintuża minn Jobsplus biex jiffinanzjaw l-attività b’mod sħiħ li għandha għaddejja il-Fondazzjoni Lino Spiteri u attivitajiet/inizzjattivi amministrati minn Jobsplus li ġew imniegħda biex jassistu persuni b’diżabilità fit-traġitt tagħhom lejn id-dinja tax-xogħol.

Reġistru tal-qgħad — Persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità fuq ir-reġistru tal-qgħad sal-aħħar tas-sena 2024 u kemm kien hemm persuni b'diżabilità li ma kellhomx impjieg? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu ilhom jistennew l-opportunità ta’ xogħol dawk li kienu għadhom ma sabux xogħol?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26693.