Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST – Dipartiment tar-Riżorsi Umani – eżitu ta’ investigazzjoni

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14435, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-MCAST?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi wara l-inkjesta interna mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, l-investigazzjoni kriminali mill-Pulizija dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, għadha għaddejja.

Captain Morgan — Ikel u Provvisti provduti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14641 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ġentilment jgħid jekk l-ikel u xi provisti oħra li ġustament qed jiġu pprovduti lill-immigranti irregolari fuq il-Captain Morgan, humiex qed jiġu pprovduti mill-Gvern?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed jassigura li l-immigranti jkollhom il-provvisti meħtieġa.

Captain Morgan — ħlas ta fuel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14640 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ġentilment jgħid jekk il-fuel għall-vapuri tal-Captain Morgan li għandhom fuqhom l-immigranti rregolari, hux qed jitħallas mill-Gvern?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-fuel jitħallas mill-kumpanija msemmija.

Captain Morgan – ħlas tal-ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14639, fejn ġejt irreferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14208, jista’ l-Ministru jwieġeb dak li staqsejt u jgħid min qed iħallas l-ekwipaġġ tal-Ewropea 11, jekk hux il-Gvern jew il-Kumpanija Captain Morgan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ekwipaġġ tal-vapur huwa responsabbilita’ tal-kumpanija.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — servizzi pubbliċi offruti b’mezzi elettroniċi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-servizzi pubbliċi li l-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet fid-dekasteru tiegħu joffru b’mezzi elettroniċi u jindika liema minnhom l-utent jista’ jinqeda kompletament b’mezzi elettroniċi (ie ma jkollux għalfejn jimla formoli manwalment jew imur fiżikament f’xi uffiċċju ta’ min qed jipprovdi s-servizz)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W27 li ngħatat f’din is-seduta stess.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq bażi ta’ teleworking fl-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet li hemm fid-dekasteru tiegħu u jaqsam l-informazzjoni skont il-grad li għandhom il-persuni rispettivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 13984

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi – entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji — tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u għal kull entità jgħid minn min hi komposta t-tmexxija tagħha (chairperson, diretturi, senior management) u x’inhuma l-karigi rispettivi tal-persuni fit-tmexxija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu qiegħda titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Kummissarju tal-Pulizija – parir bil-miktub dwar il-ħatra

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-parir bil-miktub li huwa rċieva/ingħata mill-Kummissjoni Venezja dwar il-metodu tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-parir tal-Kummissjoni Venezja dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija f’Malta ngħata f’rapport dwar pajjiżna li kif jaf l-Onorevoli Interpellant kien wieħed pubbliku. Dan ir-rapport kien jgħid li għandu jkun hemm sejħa pubblika.

Pulizija ta’ Malta — Twaqqif ta’ Joint Investigation Team

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Pulizija ta’ Malta sal-lum ma talbitx lill-Europol biex jitwaqqaf Joint Investigation Team (li mudell tiegħu jinsab f'Council Resolution (2017/C 18/01) liema Riżoluzzjoni “encourages the competent authorities of the Member States that wish to set up a Joint Investigation Team with the competent authorities from other Member States, in accordance with the terms of the Framework Decision and the Convention, or from non-EU States, on the basis of the relevant international instruments, to use, where appropriate, the Model Agreement […] in order to agree upon the modalities for the joint investigation team” fl-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Aġenzija Europol ilha involuta biex tassisti sa mill-ewwel mumenti tal-investigazzjonijiet. Infurmat illi dak li hu mistenni min JIT qiegħed effettivament jiġi ottenut mill-assistenza kontinwa tal-Europol anke tramite Task Force imwaqqaf għal dan l-iskop, fejn uffiċjali tal-Europol jkunu Malta bħala parti mill-ħidma ta’ din it-task force.

Immigranti irregolari jirritornaw lura lejn il-Libja — użu ta' wċuħ ta' baħar merkantili

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Gvern qed juża s-servizz ta' numru ta' wċuħ tal-baħar merkantili biex jisfurzaw l-immigranti irregolari li jkunu fl-ibħra Mediterranji jirritornaw lura lejn il-Libja u li l-Forzi Armati ta' Malta ntalbu jikkoperaw magħhom? Kemm hu l-ħlas ta' din l-ispiża? Kif saret is-sejħa tal-offerta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern dejjem għamel ħafna iżjed mill-obbligi li hu marbut bihom biex isalva l-ħajjiet tal-immigranti.

In-Naxxar — bini ta' ground ta' football fil-limiti tal-kamra tan-nar ta' Ħal Lija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-permess ta' żvilupp li nħareġ f'dawn l-aħħar ġimgħat biex jinbena football ground fil-limiti tan-Naxxar u li hemm f'distanza kif preskritta mil-liġi tal-kmamar tan-nar, jekk dan il-bini ta' ground hux se jippreġudika jew jipperikolax il-ħidma tal-kamra tan-nar ta' Ħal Lija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Korp tal-Pulizija – performance bonus

Question

Jista’ l-Ministru jelenka, wieħed wieħed l-uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li rċevew performance bonus għas-sena 2018 u għas-sena 2019? Jista’ jgħid ukoll f’kemm kien jikkonsisti dan il-performance bonus f’kull każ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fil-Korp tal-Pulizija huma l-Kummissarju, id-Deputati Kummissarji, l-Assistenti Kummissarji, is-Supretendenti u l-Kap Eżekuttiv li jingħataw perforamance bonus.

Għases tal-Pulizija mhux miftuħa

Question

Peress li reċentement il-Ministru stqarr li huwa tal-fehma li ma hemmx bżonn li jkun hemm għassa miftuħa f’kull lokalità fil-pajjiż, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għases li mhux ser jibqgħu miftuħa skont il-pjani tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijorità għandha tkun li jkollna iktar pulizija fit-toroq u viċin iċ-ċittadin. Għalhekk, fost oħrajn, se nkunu qed nestendu l-proġett tal-Community Policing f’iktar lokalitajiet. Fid-dawl tal-estensjoni ta’ dan il-proġett u bħala parti mill-istrateġija ta’ trasformazzjoni fil-Korp tal-Pulizija jrid ikun studjat x’se jkun l-irwol tad-diversi għases li għandna mifruxa madwar il-pajjiż. Il-pjan jitfassal mill-esperti u mill-Korp tal-Pulizija, u mhux mill-Ministru nnifsu kif indikat fid-domanda tal-onorevoli interpellant.

Captain Morgan – immigranti li bdew strajk tal-ġuħ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma illi fuq il-vapuri tal-Captain Morgan, fejn bħalissa hemm miżmuma numru ta’ immigranti f’nofs ta’ baħar, hemm numru ta’ immigranti li bdew strajk tal-ġuħ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument li qed titħejja din ir-risposta miniex infurmat li hemm immigranti bi strajk tal-ġuħ.

Pembroke – użu ta’ ranges

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Forzi Armati ta' Malta għandhomx il-ħsieb li ma jibqgħux jagħmlu użu mir-ranges li jinsabu f'Pembroke? Jekk iva, jista' jgħid x'użu alternattiv se jkun qed isir mill-faċilitajiet li bħalissa qed jintużaw bħala ranges f'Pembroke?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 14391, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi m’hemm ebda ħsieb li l-Forzi Armati ta’ Malta ma tibqax tagħmel użu mill-imsemmija ranges.

Direct order għall-provvisti ta’ munizzjoni u/jew armi tan-nar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14064 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu jelenka l-kuntratti kollha li ngħataw fl-2014 u l-2015, sija b’direct order u sija wara sejħa, għall-provvista ta’ munizzjon u/jew armi tan-nar ta’ kwalsiasi tip, l-ammont involut f’kull każ u l-isem tas-supplier?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Bidders għall-provvisti ta’ armi tan-nar/munizzjon

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14065 u li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jelenka min kienu l-bidders f’kull sejħa li kien hemm fl-2014 u 2015 għall-provvista ta’ armi tan-nar u/jew munizzjon? Jista’ għal kull sejħa f’kull każ jgħid minn min intrebħet dik is-sejħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq l-mejda tal-kamra.

Aġenzija Identità Malta – karti tal-identità bl-ittra Z

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il karta tal-identità ġdida nħarġet mill-Aġenzija Identità Malta u li n-numru tagħha jispiċċa bl-ittra Z?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħoddija lili, Identity Malta ma ħarġet l-ebda karta tal-identità li tispiċċa bl-ittra Z fil-perjodu msemmi.

Persuni Fuq Probation

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13805 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq probation bħala sentenza?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li qegħdin fuq Probation bħala sentenza jammonta għal erba’ mija u erbatax (414).

Ħabs — persuni li qed jagħmlu programm ta' riabilitazzjoni mid-droga

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13804 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni għaddejjin b’sentenza ta’ ħabs u li qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 16-il persuna li għaddejjin b’sentenza ta’ ħabs u li qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Dawn jinsabu mqassmin hekk: 7 il-Caritas, 3 s-Sedqa u 6 l-Fondazzjoni Rise. Ta’ min jgħid li għall-aħħar tliet xhur ma ntbagħtux iktar kandidati għall-programm wara li kien hemm qbil li dan ma jsirx minħabba biża’ ta’ kontaminazzjoni minħabba l-COVID-19. Tajjeb inżid li ġewwa Divizjoni 7 ġewwa l-ħabs hemm numru ta’ priġunieri li qed jiġu segwiti minn professjonisti biex inaqqsu l-metadone u jibdew jippreparaw ruħhom għal dawn il-programmi ta’ riabilitazzjoni.