Legislature:
Category:
Reset
Active:

Cryptocurrencies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern speċifikament dwar Cryptocurrencies?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-settur tal-‘kriptovaluti’, bħas-setturi finanzjarji l-oħra f’Malta, huwa regolat sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-investitur, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja. Kien proprju għal dawn l-għanijiet li l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali ġie ddekretat mill-Parlament Malti fl-2018. F’dan ir-rigward, ġew preskritti taħt dan l-Att numru ta’ Regoli u Regolamenti mill-Ministru responsabbli għar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta. Apparti minn hekk, ġew imfassla Proċeduri ta’ Implimentazzjoni speċifika għas-settur mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja. Il-provdituri kollha ta’ xi servizz reletat huma soġġetti għal supervizjoni prudenzjali u superviżjoni dwar il-kondotta min-naħa tal-MFSA, kif ukoll monitoraġġ relatat mal-AMLCFT min-naħa tal-FIAU. Fuq livell Ewropew, Ir-Regolament propost dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (‘MiCA’) attwalment qiegħed f’fażi ta’ diskussjoni bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew, bl-għan li jiġu stabbiliti rekwiziti armonizzati f’qafas regolamentatorju, b’konverġenza supervizorja u suq intern effettiv, f’dan is-suq ta’ negozji finanzjarji.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – nefqa f’reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mlil-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – segretarjat privat – kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħu, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom encroachment agreement ma' Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċert żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma intużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera? Minn 2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – regolamenti u protokolli għal kunflitti ta’ interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-regolamenti u l-protokolli li l-Ministeru japplika sabiex persuni li jaħdmu direttament fil-Ministeru jiddikjaraw kunflitti ta’ interess li jista’ jkollhom dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-istess Ministeru?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Manwal, li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MFSA – administrative penalties

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm administrative penalties maħruġa mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) matul is-sena 2021? Jista' jgħid kemm minnhom (numru u total tal-ammonti rispettivi) kienu riżultat ta’ irregolaritajiet li nstabu waqt onsite inspections?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ penalitajiet amministrattivi fl-2021 imponuti mill-MFSA jammontaw għal total ta’ 55. Dawn jistgħu jkunu kemm riżultat ta’ irregolaritajiet li nstabu waqt “onsite inspections” kif ukoll, permezz ta’ “offsite supervisory work” ieħor imwettaq mill-MFSA rigward l-entitajiet liċenzjati/awtorizzati minnha. Barra minn hekk, l-Awtorità timponi wkoll azzjonijiet f’każijiet ta’ twettiq ta’ attività mingħajr il-liċenzja/awtorizzazzjoni neċessarja.

Malta Development Bank — kumpaniji li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji li bbenefikaw mill-Malta Development Bank? Jista’ jgħid f’liema qasam ekonomiku joperaw?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lotterija Rċevuti Fiskali — rebbieħa ripetuti

Question

Jista’ l-Ministru jindaga jekk fil-Lotterija Rċevuti Fiskali hux qed jiġi osservat livell aċċettabbli ta’ trasparenza, in vista tan-numru ta’ drabi ta’ rebħ mill-persuna li qed tiġi indikata separatament? Jistax jgħid jekk infetħitx diġà investigazzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-kontijiet pubbliċi 2017 li ġie ppubblikat fl-2018 kien għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-Lotterija tal-Irċevuti Fiskali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati kif irrappurtat fil-ħarġa “Governance Action on the annual report by NAO on public accounts 2017 and other NAO reports 2018” maħruġa mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Lulju tas-sena 2019. Nistaʾ nikkonferma li x-xogħol fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet li kien ġie rrappurtat u li kien għadu għaddej fosthom urna ġdida u post ġdid minn fejn tittellaʾ l-lotterija tlesta kollu. Fuq okkorenzi simili li kienu seħħu fil-passat id-Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet kien għamel investigazzjoni finanzjarja li ġiet konkluza f’Diċembru 2021 u ma nstabet ebda irregolarità. Minkejja dan kollu, id-Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet xorta reġa’ ntalab biex jinvestiga. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża fit-18 ta’ Lulju 2022 u għal darb’oħra l-proċess instab li kien trasparenti u ma ġew innutati ebda anomaliji.

Bord Nazzjonali tal-Impjiegi — appelli

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-appelli li qed jinstemgħu quddiem il-Bord Nazzjonali tal-Impjiegi, jintbagħtu lit-Tribunal Industrijali meta jkunu jistgħu jiġu evalwati faċilment mill-Bord? Jista' l-Ministru jispjega jekk din qattx kienet il-prattika komuni u jekk iva għaliex waqfet?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi primarjament irid jingħad illi l-Appelli li tittratta l-Awtorita Nazzjonali tax-Xogħol (NEA) huma dwar deċiżjoni li tkun ħadet Jobsplus fil-konfront tal-Appellant. Fid-drabi fejn l-Appellant ikun qed jikkontesta l-fatt li ma jkunx tħalla jirreġistra fuq Part 1 u r-raġuni tkun għaliex l-Appellant ikun qiegħed jikkontendi li jkun tkeċċa b’mod inġust, u fejn allura jkun qed jikkontesta t-tkeċċija, l-Appellant jinġieb konxju li tali kontestazzjoni tista issir biss quddiem it-Tribunal Industrijali. U dan kif stipulat fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrjali (Kap. 452 tal-Liġijiet ta’ Malta) u proprju l-artikolu 75 ta’ dan l-Att jgħid li: “75 (1) Minkejja kull ma jinsab f’kull liġi oħra, it-Tribunal Industrjali jkollu l-ġurisdizzjoni esklussiva li jikkunsidra u jiddeċiedi – ‘ il-ka ż ijiet kollha fejn jiġi allegat li saret tkeċċija inġusta”. Jekk it-Tribunal Industrjali jiddeciedi li t-tkeċċija tkun saret b’mod inġust, l-Appellant jinforma lill-NEA u awtomatikament l-Appell li jkun għamel magħha jkun milqugħ u Jobsplus tkun notifikata u l-Appellant jitħalla jirregistra fuq Part 1. Jekk it-Tribunal Industrjali jkun iddeċieda li t-terminazzjoni tkun saret b’mod ġust, l-Appell quddiem l-NEA ikun dikjarat mhux milqugħ. Fejn l-Appellant minkejja li jkun qed jallega quddiem l-NEA li jkun tkeċċa b’mod inġust, jiddeċiedi li ma jressaqx il-każ tiegħu quddiem it-Tribunal Industrjali, l-Appell ikun dikjarat bħala wieħed mhux milqugħ. Il-Bord tal-NEA ma’ jibgħatx każijiet quddiem it-Tribunal Industrjali, iżda jkun l-Appellant li jiddeciedi jekk jintavolax il-każ tiegħu quddiem tali Tribunal.

Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1562 u jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjonijiet oħrajn? Jista' jgħid minn kemm ilha li ġiet introdotta din it-taxxa sal-lum, kemm kien id-dħul minn Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa, ġiet investita f'Għawdex stess?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taxxa fuq akkomodazzjoni li nġabret minn indirizzi reġistrati f’Għawdex, mill-2016 sal-aħħar ta’ Ġunju 2022, tammonta għal €1,005,161.47. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kumpanija — remunerazzjoni, ħlasijiet u benefiċċji lid-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru: (a) jispeċifika l-ammont ta' remunerazzjoni, ħlasijiet u benefiċċji li saru lid-Diretturi u Segretarju tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? (b) Jista’ jagħti wkoll id-dati u durazzjoni tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-istess kumpanija u min kien preżenti u jekk il-laqgħat sarux fiżikament jew online? (ċ) Jista’ jgħid kemm hemm nies impjegati u/jew deployed ma’ din il-kumpanija? (d) Jista’ jgħid kemm hemm nies li kienu jaħdmu mal-Awtorita tal-Ippjanar li huma preżentement impjegati u/jew deployed ma’ din il-kumpanija u min huma?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħaddiema mas-Settur Pubbliku u s-Servizz Pubbliku li telqu jew irriżenjaw

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien l-ammont ta' ħaddiema mis-Settur Pubbliku u s-Servizz Pubbliku li telqu jew irriżenjaw jew irtiraw bl-età fl-aħħar għaxar snin, jiġifieri fil-perjodu bejn l-2011 u l-2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus mill-formoli ta’ tmiem tal-impjieg, hawn taħt issib tabella li turi n-numru ta' ħaddiema mis-Settur Pubbliku u s-Servizz Pubbliku li telqu jew irriżenjaw jew irtiraw bl-età bejn 2011 u 2021 sena b’sena. Sena Servizz Pubbliku Settur Pubbliku Total 2011 1,216 1,645 2,861 2012 1,253 1,753 3,006 2013 801 711 1,512 2014 1,100 940 2,040 2015 1,123 1,197 2,320 2016 1,182 1,170 2,352 2017 1,127 1,336 2,463 2018 862 1,326 2,188 2019 1,129 1,485 2,614 2020 978 1,372 2,350 2021 1,421 1,814 3,235 26,941

Air Malta – titjiriet chartered u scheduled lejn Lourdes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1665, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid f'liema sena l-Air Malta bdiet it-titjiriet tagħha, chartered u scheduled b'mod rispettiv, lejn Lourdes?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta bdiet tagħti servizz ta’ titjiriet charter lill-operaturi tal-ivjaġġar lejn u minn Lourdes f’Marzu 1988. Fis-sajf tal-2018 u 2019 it-titjiriet lejn u minn Lourdes ġew operati bħala titjiriet regolari bi skeda.

Air Malta – titjiriet lejn Lourdes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1666, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid f'liema perjodu u/jew perjodi tas-sena l-Air Malta kienet ittir lejn Lourdes u lura?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta kienet topera titjiriet diretti lejn Lourdes matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, u matul il-btajjel tal-Għid, dejjem skont id-domanda mis-suq lokali.

Air Malta – titjiriet lejn Lourdes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1667, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu, u jagħti rendikont ta' kull sena b'mod separat, ta’ kemm-il passiġġier siefer mal-Air Malta mill-bidu li bdiet topera t-titijiriet lejn Lourdes?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 19557 tal-Leġiżlatura XIII.

Air Malta – titjiriet lejn Lourdes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1668, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għalfejn il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ma inkludietx it-titjiriet regolari tagħha, kemm dawk chartered kif ukoll scheduled, lejn Lourdes u lura?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta lesta li toffri s-servizz tagħha permezz ta’ titjiriet ‘charter’ lejn din id-destinazzjoni jekk ikun hemm domanda biżżejjed mill-aġenti tal-ivvjaġġar .

Air Malta – titjiriet lejn Lourdes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1669, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta terġa' tibda t-titjiriet regolari tagħha lejn Lourdes u lura?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent l-Air Malta m’għandhiex pjanijiet definittivi sabiex terġa’ tintroduċi servizzi bi skeda bejn Malta u Lourdes, hemm ukoll linja tal-ajru oħra li diġà qed topera din ir-rotta.

MFSA – entitajiet liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi tabella li turi kemm-il entità liċenzjata mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) tat surrender volontarja tal-liċenzja tagħha, għal kull sena mill-2017 sal-2022? Jista’ jqassam dawn l-entitajiet skont it-tip ta’ entità (jekk hijiex trust/fiduciary; SICAV; crypto jew tali exchange; jew oħrajn)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata mill-MFSA fir-rapporti annwali tagħha, u dawn huma kollha disponibbli fuq is-sit tal-entità.

Konċessjoni għat-tiftix u t-tħaffir taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konċessjoni għat-tiftix u t-tħaffir taż-żejt ingħatat mis-sena 2000 sal-lum, x'tip ta' konċessjoni ngħatat, lil min, u fejn ingħataw?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Konċessjoni għat-tiftix u t-tħaffir għaż-żejt

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il konċessjoni għat-tiftix u t-tħaffir għaż-żejt hemm fis-seħħ u attivi bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm konċessjonijiet attivi għal kull sena mis-sena 2000 ’l hawn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.