Awtorità tad-Djar — applikazzjonijiet għal fidi ta' ċens
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità tad-Djar se tkun qiegħda tikkonkludi l-kuntratti ta’ fidi ta’ ċens in rigward l-applikazzjonijiet imressqa minn persuni li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-dettalji tal-kuntratt ma jistgħux jingħataw hekk kif din hija informazzjoni personali u għalhekk ma tistgħax tingħata mingħajr il-kunsens tal-individwi konċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġu attwati u osservati d-39 miżura dwar standards minimi għad-Djar tal-Anzjani mmexxija mill-Gvern u l-privat li suppost kienu nqasmu f’seba’ taqsimiet differenti kif kien tħabbar minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Justyne Caruana fit-30 ta’ Settembru 2015 waqt attività fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa u li kienu tressqu anke quddiem il-Parlament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, f’Jannar 2019 l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (‘l-Awtorità’), skont l-Avviż Legali numru 446 tal-2018, ġiet maħtura bħala l-entità li ser tħares is-settur tal-anzjani u tara li l-istandards stabbiliti jiġu milħuqa.
Meta wieħed jitkellem dwar l-istandards minimi Nazzjoni għad-Djar tal-Anzjani li ġew ippublikati fl-2015, tajjeb illi wieħed isemmi li dawn għadhom jintużaw bħala dokument ta’ referenenza li wieħed jimxi magħhom.
Min-naħa l-oħra, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, ħasset il-ħtieġa li jsir tibdil minn Standards Nazzjonali għal Standards Soċjali Regolatorji peress illi dawn ser ikunu Standards Leġislattivi. Id-differenza hija li, l-Istandards Nazzjonali kienu jiġu segwiti b’mod volontarju u issa għandhom jiġu mħarsa peress illi huma Standards Leġislattivi. Għaldaqstant, fix-xhur illi ġejjien din l-Awtorità permezz ta’ djalogu u konsultazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, ser tkun qed tistabbilixxi Standards Soċjali Regolatorji ġodda għal dan is-settur wara proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għas-sena 2019, id-djar tal-Anzjani mmexija mill-Gvern, kollha ingħataw il-liċenzja mid-Direttorat tal-Istandards tal-Kura tas-Saħħa. Din il-liċenzja tingħata skont l-istandards dwar id-djar tal-anzjani li kienu ppublikati fl-2015. Rigward sodod mixtrija mill-privat, id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jitlob illi d-dar tkun ingħatat il-liċenzja qabel ma jsir kuntratt ġdid jew jiġġedded. Barra minn hemm, id-Dipartiment isegwi ta’ spiss illi dawn id-djar għadhom liċenzjati biex joperaw.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Faċilita` għal Kura fit-Tul San Vinċenz, hija eżentata mill-Istandards Minimi Nazzjonali għad-Djar tal-Anzjani.
(Estratt minn Paġna 56 Anness 3: Glossarju)
“Dar ta’ Kura” tfisser dar jew binja oħra maħsuba espressament għall-kura u l-alloġġ ta’ anzjani, kemm jekk għall-profitt u kemm jekk le, eskluża l-Faċilità ta’ Kura fit-Tul f’San Vinċenz de Paule li hi faċilità sui generis.
Djar tal-Anzjani — awtorità li tassigura t-twettiq u l-ħarsien tal-istandards
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx imwaqqfa l-awtorità li kellha tassigura t-twettiq u l-ħarsien tal-istandards fid-Djar tal-Anzjani mmexxiha mill-Gvern u l-privat? Jekk iva jista’ jgħid minn min qed titmexxa din l-awtorità? It-twaqqif ta’ din l-awtorità kien tħabbar minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Justyne Caruana fit-30 ta’ Settembru 2015 waqt attività fid-Dar tal-Anzjani.
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Mejju 2018 ġiet imwaqqfa l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, skont l-Att Numru XV tal-2018. L-Att illi waqqaf din l-Awtorità, issostitwixxa żewġ Atti oħra, jiġifieri, l-Att dwar l-Awtorità dwar l-iStandards tal-Kura, 2015 u l-Att dwar l-Awtorità għal-Djar għal Persuni Anzjani (Standards ta’ Kwalità fil-Kura), 2016, illi ġew proposti matul il-leġiżlatura preċedenti, iżda li ma ġewx konklużi. B’hekk l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali li hija mmexxija mis-Sur Matthew Vella, hija l- Awtorità li qed tirregolla s-settur kollu ta’ Ħarsien Soċjali li jinkludi wkoll id-Djar tal-Anzjani.
Residenza San Vinċenz de Paul — standards tad-Djar tal-Anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul hux qed jiġu mħarrsa u mwettqa d-39 standard minimi għad-Djar tal-Anzjani mmexxija mill-Gvern u l-privat li suppost kienu nqasmu f’seba’ taqsimiet differenti kif kien tħabbar minn dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Justyne Caruana fit-30 ta’ Settembru 2015 waqt attività fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa u li kienu tressqu anke quddiem il-Parlament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferri lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlementari 8419.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-Mellieħa hemm anzjani li jew ilhom xhur jistennew is-servizz tal-home help inkella anzjani oħra li kienu qed jingħataw dan is-servizz u twaqqfilhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dan huwa minħabba d-domanda kbira li hawn għas-servizz tal-home help, liema sitwazzjoni qed tiġi ndirizzata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tidhol fis-seħħ il-proposta tal-Equity Sharing, liema proposta ġiet imħabbra fid-diskors tal-Budget 2019, sabiex dawk interessati jkunu jistgħu japplikaw?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent l-Awtorità tad-Djar għaddejjha bit-tħejjijiet sabiex fil-ġimgħat illi ġejjin tkun tista’ tniedi din l-iskema.
Għotja ta’ darba għall-persuni li għamlu xi żmien jaħdmu f’Dipartiment tal-Gvern qabel l-1979
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8369 u jgħid jekk sarux pagamenti lil dawk il-ħaddiema li applikaw għall-għotja ta' darba għal persuni li qabel ma daħlu uffiċjalment fis-Servizz Pubbliku wara s-16 ta' Jannar 1979 għamlu xi żmien jaħdmu f'Dipartiment tal-Gvern qabel l-1979?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, din l-għotja bdiet tingħata lill-benefiċċjarji eleġibbli mis-sena 2017, liema pagamenti saru bejn Ottubru u Diċembru tal-2017.
F’Novembru u Diċembru 2018, tħallas pagament ieħor wara li kienet saret sejħa oħra fil-Gazetta tal-Gvern għall-applikazzjonijiet f’April 2018.
Il-pagamenti saru lil dawk eleġibbli, li daħlu uffiċjalment fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartimenti tal-Gvern, iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi. Fil-każ ta’ dawk il-persuni li laħqu mietu l-pagamenti saru lill-werrieta tagħhom.
Residenza San Vinċenz — Anzjani fi Djar Residenzjali tal-Gvern
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8395, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern li huma:
a. indipendenti;
b. semi-dipendenti;
c. dipendenti; u
d. bid-Dimenzja?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28979 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinfetaħ uffiċjalment iċ-Ċentru Leap ta’ Marsaskala li hija lokalità kbira u li hemm ‘il fuq minn 5000 familja?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 1886.
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta jibda jgħodd il-perjodu li persuna tirċievi l-pensjoni tal-invalidità, fl-eventwalità li din il-persuna tkun aċċettata għall-pensjoni tal-invalidità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-eventwalità li l-bord jaċċetta li persuna tkun tikkwalifika għall-Pensjoni tal-Invalidità, il-perjodu tal-ħlas jibda jgħodd mill-ewwel Sibt, wara li jkun itterminat l-impjieg tal-persuna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu inspectors sabiex jinvestigaw lid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jekk hux qed isiru abbużi waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom? Kemm-il spezzjoni saret f’dawn l-aħħar sentejn sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u fejn saru dawn l-ispezzjonijiet? X’passi ttieħdu kontra dawk l-impjegati li għamlu xi abbuż bħal meta jitilqu mix-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li d-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali m’għandhomx spetturi li jissorveljaw l-abbuż mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, kull dipartiment u entità li taqa’ taħt dan il-Ministeru, jaħdem/taħdem qrib tal-impjegati sabiex ikun żgurat illi, kull servizz li jingħata jkun mhux biss wieħed ta’ livell, imma wkoll mgħoti fil-ħin, b’dedikazzjoni u attenzjoni.
Kull Direttur u Kap Eżekuttiv, għandhu/għandha r-responsabbiltà u d-dover b’mod regolari li jassiguraw illi l-impjegati taħt ir-responsabbiltà tagħhom jagħmlu dmirhom u f’konformità mal-policies, regolamenti, direttivi, u ftehim kolletiv tas-Servizz Pubbliku jew tal-Awtorità/Entità kkonċernata. F’każijiet fejn jiġi ppruvat li jkun hemm abbuż, is-sezzjoni tar-Riżorsi Umani tara li tieħu azzjoni ta’ dixxiplina jew ta’ twiddiba skont il-każ rispettiv. Filwaqt li l-Ministeru iħaddan il-policy tat-teleworking u flexibile hours, kull sezzjoni tara li jkun hemm ħinijiet stabbiliti fejn l-ħaddiem obbligat li jwieġeb u jirrispondi kull korrispondenza li ssirlu. L-attendenza u l-ħinijiet jinżammu taħt skrutinju mill-kapijiet u assistenti kapijiet, waqt illi jiġu infurmati fil-ħin jekk xi ħadd mill-ħaddiema jirraporta li jkun marid. L-użu tat-teknoloġija waqt l-ħinijiet tax-xogħol ukoll tiġi sorveljata, sabiex ma jkunx hemm telf ta’ ħin mill-impjegati, fuq il-medja soċjali.
Persuni b’Diżabilità — Eżenzjoni mill-ħlas ta’ liċenzja tat-triq
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7950, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kundizzjonijiet li l-Aġenzija Sapport tanalizza sabiex l-applikant jissodisfa l-kriterji biex ikun eleġibbli għall-eżenzjoni mill-ħlas ta’ liċenzja tat-triq għall-persuni b’diżabilità jew min jieħu ħsiebhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet jikkonsistu f’dawn il-kriterji;
- Il-vettura trid tkun fuq isem u misjuqa mill-persuna b’diżabilità
- Il-vettura trid tkun fuq isem il-persuna b’diżabilità, iżda d-diżabilità li jkollha ma tippermettix illi l-vettura tinsaq mill-istess persuna (din tapplika kemm għall-karozzi standard, kif ukoll awtomatiċi)
- Il-vettura hija fuq isem il-ġenituri, ulied, aħwa, mara / raġel tal-persuna b’diżabilità u li jkunu jgħixu fl-istess residenza tal-persuna b’diżabilità
(Dan il-kriterju japplika biss għal-vetturi awtomatiċi. L-uniku eċċezzjoni tapplika fejn hemm bżonn ta’ vettura aċċessibbli għal siġġu tar-roti)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, meta persuna tkun inħolqitilha diżabilita` wara l-età ta’ 65 sena u tkun issuq l-vettura tagħha stess, hija tkun eleġibbli għal din l-iskema wkoll. Madankollu, meta persuna tkun inħolqitilha diżabilita` wara l-età ta’ 65 sena iżda li ma tkunx issuq l-vettura hija stess, ikunu eleġibbli biss għal din l-iskema, jekk l-vettura li tkun fuq isem xi membru tal-familja, trid tkun aċċessibbli għal min juża s-siġġu tar-roti.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7649, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Programm LEAP fuq it-800 profil tal-familji/individwi vulnerabbli li għandhom xi forma ta’ diżabilità sabiex jingħataw l-għajnuna konkreta biex joħorġu mill-faxxa tal-faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-eżerċizzju ta’ profiling ta’ individwi li għandhom xi forma ta’ diżabiltà, kien sar fl-2015 meta l-programm LEAP, kien għadu proġett ikkofinanzjat minn Fondi Ewropej. Dak iż-żmien, l-Aġenzija SAPPORT kienet parti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Dawk illi sarilhom il-profil, kienu ġew riferuti lill-istess Aġenzija SAPPORT u bdew jingħataw l-għajnuna. Fil-fatt, l-istess ġbir ta’ profiling ta’ dawn l-individwi, saret b’kollaborazzjoni bejn il-ħaddiema tal-LEAP, l-istess Aġenzija SAPPORT u l-ħaddiema ta’ Jobsplus, wara li dawn ingħataw taħriġ speċifiku, dwar kif tinġabar l-informazzjoni u kif jirreferu lill-klijenti, għas-servizzi li l-aktar li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalihom.
Bit-twaqqif tal-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF), kif ukoll permezz tal-iskema JESS (Job Enhancing Skills Scheme) mill-Aġenzija SAPPORT, persuni b’diżabilità li kellhom bżonn taħriġ speċifiku, bdew jiġu mgħejjuna skont l-bżonnijiet tagħhom. Iċ-ċentri LEAP, ħadmu wkoll ma’ numru ta’ persuni b’diżabilità sabiex ifittxu impjieg, f’ħidma ma’ Jobsplus, entitajiet privati u kif ukoll ma’ entitajiet pubbliċi, sabiex persuni b’diżabilita’ setgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-proġett INK qiegħed ikompli fuq din l-ħidma sabiex aktar persuni b’diżabilità jiġu assisti b’mod professjonali minn ħaddiema mħarrġa, liema ħidma qiegħda tkompli twassal għal mobilità soċjali u integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jistennew is-servizz tal-Home Help? Kemm ra każijiet ġodda l-bord matul is-sena 2018 u kemm minnhom ingħataw is-servizz? Kemm ġew miċħuda s-servizz?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern iżommx statistika ta’ kemm hemm djar abitabbli jew potenzjalment abitabbli li huma vojta u ma jintużawx għal skopijiet residenzjali? Jista’ jippreżenta din l-istatistika jekk teżisti u possibbilment jaqsam l-informazzjoni skont il-lokalità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn blokok ta’ flats tal-Gvern (dawk li jaqgħu taħt il-pussess tal-Awtorità tad-Djar), lokalità b’lokalità f’Malta u f’Għawdex? Kemm hemm appartamenti f’sular tal-blokok?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ blokok tal-Gvern/Awtorità tad-Djar f’Malta u f’Għawdex huwa ta’ 1,172, b’t-total ta’ 7,636 appartament. It-tabella t’hawn taħt tindika l-lokalitajiet u n-numu ta’ blokok madwar Malta u Għawdex :
Lokalità
Numru ta’ blokok
Attard
6
Birgu
35
Birkirkara
48
Birżebbuġa
9
Bormla
126
Fgura
24
Furjana
42
Għargħur
2
Għaxaq
7
Gudja
4
Gżira
10
Ħamrun
32
Isla
26
Kalkara
16
Kirkop
17
Lija
4
Luqa
7
Marsa
25
Marsaxlokk
2
Mellieħa
7
Imġarr
4
Mosta
32
Mqabba
4
Imsida
15
Imtarfa
6
Naxxar
2
Pembroke
22
Pieta’
12
Qormi
37
Rabat
25
Rabat, Għawdex
16
Raħal Ġdid
45
Safi
1
San Ġiljan
15
San Ġwann
67
San Pawl il-Baħar
9
Santa Luċija
56
Santa Venera
18
Siġġiewi
14
Ta’ Xbiex
30
Ħal Tarxien
26
Valletta
176
Ħaż-Żabbar
19
Żebbuġ
30
Iż-Żejtun
28
Żurrieq
14
Total
1172
Għotja ta’ darba għall-persuni li għamlu xi żmien jaħdmu f’Dipartiment tal-Gvern qabel l-1979
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux pagamenti lil dawk il-ħaddiema li applikaw għall-għotja ta' darba għal persuni li qabel ma daħlu uffiċjalment fis-Servizz Pubbliku wara s-16 ta' Jannar 1979 għamlu xi żmien jaħdmu f'Dipartiment tal-Gvern qabel l-1979?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li talbu trasferiment tal-valur tal-pensjoni tagħhom mis-sistema tas-Sigurtà Soċjali Maltija għal dawk l-istituzzjonijiet Ewropej (transfer out) u viċi-versa (transfer in) skont l-Avviżi Legali 17 u 120 tal-2012? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet għadhom pendenti, sena b'sena mill-2016 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella kif ġej;
Transfer Out
Numru ta’ Talbiet
Talbiet Aċċettati
Talbiet Irtirati
Talbiet Pendenti
Ammont Trasferit
2016
4
2
1
1
€23,224,87
2017
11
7
3
1
€247,973,24
2018
7
3
3
1
€16,193,50
2019
0
0
0
0
0
Il-proċess ta’ ‘
Transfer In’
mhux applikabbli taħt l-iskema tas-Sigurta` Soċjali ta’ Malta, peress illi tali skema hija ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ‘
Pay As You Go
’ u għaldaqstant mhux possibbli li jiddaħħlu kontribuzzjonijiet minn sorsi oħra.