Legislature:
Category:
Reset
Active:

textbooks preskritti għall-iskejjel tal-istat

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-titli tat-textbooks preskritti għall-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat, wieħed b'wieħed? Min huma l-aġenti li jinxtraw mingħandhom dawn il-kotba? Kemm hemm minn dawn l-aġenti li huma sole agents u ta' liema kotba huma sole agents? Kemm ser jiġu ordnati kotba ġodda minn kull ktieb preskritt fil-livelli kollha? Meta ser joħorġu t-tenders għax-xiri ta' dawn il-kotba? Kemm ġew allokati fondi biex jintefqu fuq ix-xiri ta' kull ktieb? X'talba hemm għal kull textbook minn kull skola, skola bi skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi hemm tenders li ġew aġġudikati u nħarġet il-Letter of Acceptance lit-tenderer li rebaħ l-offerta, oħrajn fejn il-proċess tagħhom għadu għaddej u oħrajn li l-proċess tagħhom għad irid jinbeda. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-proċess għax-xiri tal-kotba kollha imsemmija nbeda fi Frar 2009 u hu maħsub li jintemm f’Ġunju 2009. Id-Direttorat mhux f’pożizzjoni li jgħid min hu s- sole agent u ta’ liema kotba huma s- sole agents . It-talba li hemm għal kull textbook , minn kull skola, skola bi skola, għadha biss stima.

Health and Safety — lezzjonijiet fl-iskejjel tal-Istat

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3857, tista' l-Ministru tgħid għaliex ma jsiru l-ebda lezzjonijiet fl-iskejjel tal-Istat fil-Health and Safety fit-tielet semester? Dan ifisser li l-peripatetic teacher fil-Health and Safety mill-Għid 'l hemm ma jagħmlu xejn sa ma joħorġu bil-vakanzi tas-sajf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tkun irresponsabbilta’ kbira tal-Education Officer (Health and Safety) kieku jħalli l-għalliema ma jagħmlu xejn. Ix-xogħol tal- Health and Safety mill- Peripatetic Teachers ikomplu anke fit-tielet term għalkemm sa dak iż-żmien il-maġġoranza tal-klassijiet jkunu ntlaħqu. Għaldaqstant, fit-tielet term jagħfsu iżjed fuq xogħol prattiku bħal “ Risk and Hazard Analysis ”, iċċekjar ta’ kaxxi tal-“ First Aid ”, iċċekjar ta’ “ fire extinguishers ” u xogħol ieħor simili. Minn Jannar 2009, l-Education Officer (Health and Safety) bidel l-iskeda biex il- Peripatetic Teachers jiltaqgħu mat-tfal tliet darbiet fis-sena flok darbtejn. L-iskeda l-ġdida qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra. M’hemmx żmien fejn il- Health and Safety Peripatetic Teachers ma jagħmlu xejn.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — irwejjaħ minn shafts

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3842, tista' l-Ministru tgħid jekk irwejjaħ qawwija ta' drenaġġ li ħafna drabi joħorġu minn dawk ix-shafts u li minħabba fihom twieqi li jagħtu għal dawk ix-shafts ma jistgħux jinfetħu jippreżentawx health hazard? Forsi l-leakage tad-drenaġġ li kien qed jippenetra l-Examinations Department riċentament minn shaft u li mħabba l-fatt li ripetutament ħadd ma ried jindirizzaha kellhom jiġu ssiġillati sew ventilaturi u bibien bl-expanding foam biex ma jidħlux irwejjaħ, ma kienx theddida serja għas-saħħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-problema fid-drenaġġ, li għaliha qed issir riferenza, ġiet solvuta, m’hemmx irwejjaħ fix-xafts u l-bibien u t-twieqi kollha jistgħu jinfetħu.

Education Officer fil-Health and Safety

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3857, tista l-Ministru tgħid x'inhuma l-kwalifiki professjonali li l-Education Officer fil-Health and Safety għandu fis-suġġett biex jasal li mingħajr konsultazzjoni ma' ħadd, jagħżel u jipprepara s-suġġetti elenkati fir-risposta? Jidhrilha li dwar ċerti suġġetti li ssemmew kien jagħmel tajjeb kieku ikkonsulta ma' nies professjonali fil-qasam tal-Personal and Social Education?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Education Officer resposabbli mill-Health and Safety attenda kull kors li għamlet l-Occupational Health & Safety Authority u anke korsijiet oħra bħall-“Managing Safely” tal-Institution of Occupational Safety and Health ta’ l-Ingilterra. Attenda konferenzi kemm f’Malta kif wkoll barra minn Malta dwar il-Health and Safety. Il-bażi li fuqha jitfasslu l-għażliet tas-suġġetti li jiġu mgħallma ġiet strutturata mill-uffiċċjal/i responsabli li kienu jmexxu qabel ma hu tpoġġa fil-kariga. L- Eduaction Officer għaqqad l-esperjenzi tat-tim ta’ għalliema madwaru, ma’ dik tiegħu bħala Edukatur ta’ esperjenza kif wkoll mar-riċerka estensiva fuq dak li jiġri barra minn Malta f’dan il-qasam, biex adatta s-suġġetti għat-tfal ta’ l-iskola. L-iżvilupp kontinwu li qed isir fis-suġġetti mgħallma jipprepara l-istudenti għaż-żmien meta jkunu ħaddiema fuq il-lantijiet tax-xogħol. L- Education Officer intgħażel skond il-kriterji stabbiliti fis-sejħa ta’ l-applikazzjoni li biha intgħażel. Jekk hemm xi għalliem/a tal-PSD li jħossu li jistgħu jagħtu feedback u kontribuzzjoni fil-qasam tal- Health and Safety għandhom jagħmlu dan bil-miktub lid-Direttur responsabbli mill-Kurrikulu, li jgħaddi dawn is-suġġerimenti lill-Uffiċċjal Edukattiv tal- Health and Safety .

Skejjel ta' l-Istat — Mitluba donazzjonijiet mill-ġenituri

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex xi skejjel tal-Istat qed jitħallew jitolbu donazzjonijiet lill-ġenituri għal affarijiet differenti? Hija konxja minn din il-prattika? Kemm kull skola tista' tiġbor minn kull ġenitur? Għal liema raġuni l-iskejjel jistgħu jitolbu donazzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel xi drabi jiġbru xi flus għal kawża ġusta, per eżempju ‘Milied Flimkien’ li tgħin lil persuni li jgawdu mid-donazzjonijiet tal-Community Chest Fund. L-iskejjel dejjem jippruvaw iżommu d-donazzjonijiet għal minimu sabiex ma jkunx hemm piż għal ġenituri.

Għawdex — Promozzjonijiet fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni

Question

Tista` l-Ministru tgħid xi promozzjonijiet ingħataw fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni f'Għawdex f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-aħħar sitt xhur kien hemm żewġ impjegati fis-settur edukattiv f’Għawdex li ħadu promozzjoni. It-tnejn li huma nħattru Assistent Kap ta’ Skola minn għalliema, wieħed fis-settur sekondarju u l-ieħor f’dak primarju. Il-ħatriet kienu b’seħħ mit-3 ta’ Marzu u t-30 ta’ Marzu 2009 rispettivament. Hemm ukoll persuna oħra fi grad-tas-servizz ġenerali li minn Assistent Prinċipal laħqet Prinċipal b’seħħ mid-9 ta’ Frar 2009.

Junior Lyceum Carlo Diacono — ground tal-football

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed ikun ikkunsidrat li l-ground tal-football li hemm fl-iskola tal-Junior Lyceum Carlo Diacono fiż-Żejtun ikun żviluppat u rranġat kif ġara fi grounds oħra fi skejjel oħra fosthom dik ta’ Ħal Lija? Tista' tgħid ukoll jekk jistax jiġi kkunsidrat li fl-istess ground ikun hemm arranġamenti fejn it-tmexxija taqa' wkoll fuq min ilu jagħmel użu minnu permezz ta’ arranġamenti li saru anke riċentement f’postijiet oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ispazji kollha li hemm fil-Liċeo tal-Bniet iż-Żejtun qed ikunu evalwati sabiex jittieħdu deċiżjonijiet dwar kif l-aħjar jitqassmu dawn l-istess spazji.

karta tal-'A' Level tal-Ingliż

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 8368 u tgħid x'għandha xi tgħid fid-dawl tal-fatt li sar magħruf illi parti sostanzjali mill-karta tal-'A' Level tal-Ingliż (MATSEC) ta' din is-sena kienet preċiżament identika għall-karta li kienet ħarġet ftit tas-snin qabel, jiġifieri fl-2007? Taħseb li dan jagħti lok għal abbuż serju? Kif se tirrimedja għal dan kollu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-mistoqsija in kwestjoni hija waħda minn disa’ mistoqsijiet li jridu jwieġbu l-istudenti fl-eżami kollu tal-Ingliż fil-Livell Avvanzat. Il-mistoqsijiet kollha għandhom l-istess marka. Miċ-ċirkustanzi tal-każ jidher ċar li ma kienx hemm intenzjoni ta’ abbuż. L-eżaminaturi se jieħdu azzjoni biex ħadd mill-istudenti ma jkun żvantaġġjat.

MCAST — korsijiet għal studenti b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid: a) Kemm-il kors joffri l-MCAST għal studenti li jkunu spiċċaw l-iskola sekondarja u li jkollhom xi forma jew oħra ta' diżabilità? Jekk fl-affermativ, liema huma dawn? b) Fl-aħħar ħames snin, kemm, sena b'sena, kien hemm studenti b'diżabilità li applikaw għal dawn il-korsijiet? Kemm minnhom ġew magħżula biex jibdew il-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti Xjenza u Teknoloġija jħaddan politika ta’ inklużjoni, u għalhekk kull programm ta’ studju li joffri l-MCAST huwa miftuħ ukoll għal persuni b’diżabilita’. Naturalment dawn l-istudenti bħall-istudenti l-oħra kollha jkunu jridu jissodisfaw il-kriterji tad-dħul kif murija fil-prospett. Minn qabel japplikaw l-istudenti jiġu mgħejjuna jagħrfu l-inklinazzjonijiet u l-abiltajiet tagħhom biex ikunu jistgħu jagħmlu għażla tajba. Waqt il-programm ta’ studju, studenti b’xi forma ta’ diżabilita’ jiġu appoġġjati u mgħejjuna skond il-ħtiġijiet tagħhom. In-numru ta’ studenti bi bżonnijiet partikolari li attendew l-MCAST f’dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej. 2004 - 2005 - 82 student 2005 - 2006 - 87 student 2006 - 2007 - 103 studenti 2007 – 2008 - 121 student 2008 – 2009 - 140 student Tlettax-il student li qed isegwu kors speċjaliżżat ta’ taħriġ għal ħajja aktar indipendenti. Studenti b’diżabilita’ li ma ġewx aċċettati fl-aħħar sentejn huwa kif ġej: 2007 – 2008 - 32 student 2008 – 2009 - 34 student Fis-snin ta’ qabel l-applikazzjonijiet kienu jibqgħu ma’ dawk ta’ studenti oħra u għalhekk ma jeżistux ċifri ta’ kemm studenti b’diżabilita’ ma ġewx aċċettati. Rigward il-kors speċjaliżżat ta’ taħriġ għal ħajja aktar indipendenti fl-aħħar ħames snin dejjem applikaw tmienja u t-tmienja kienu aċċettati ħlief għall-aħħar sena 2008 – 2009 fejn applikaw sebgħa u ħamsa ġew aċċettati. Ir-raġunijiet għalfejn żewġ studenti ma ġewx aċċettati kienu li l-programm ma kienx addattat għalihom fis-sens li l-ħtiġijiet tagħhom kienu ferm aktar minn dak li jista’ joffri l-programm. Preparazzjoni għal dan il-kors kienet issir matul is-sena ta’ qabel u għalhekk l-istudent ikun jaf jekk il-programm hux addattat għalih jew le.

Studenti bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm: a) Hemm studenti bi bżonnijiet speċjali jattendu l-iskejjel tal-istat u kemm minn dawn jattendu l-iskejjel speċjalizzati? b) Kemm spiċċaw studenti fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, mis-sistema edukattiva għaliex għalqu s-16-il sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti bi bżonnijet speċjali li qegħdin jattendu l-iskejjel tal-istat bħalissa huwa ta’ 1874. F’dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali li spiċċaw mis-sistema edukattiva għaliex għalqu s-sittax-il sena huma kif ġejjin: Sena Skolastika Studenti li Spiċċaw 2004-2005 30 2005-2006 44 2006-2007 38 2007-2008 49 2008-2009 74 (ser jispiċċaw) L-istudenti li jattendu skejjel speċjalizzati huma: Dun Manwel Attard - 51 Guardian Angel - 83 Helen Keller - 20 San Miguel - 44 Tfal bi bżonnijet speċjali li spiċċaw mill-iskejjel speċjali f’dawn l-aħħar ħames snin huma: Sena Tfal 2003 32 2004 25 2005 15 2006 19 2007 24 Dawn l-istudenti jispiċċaw mill-iskejjel speċjali fl-eta’ ta’ 20 sena.

kwestjoni fuq stipendju

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex intbagħat avviż bil-Qorti datat fit-8 ta' Novembru 2008 lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba rifuzjoni ta' stipendju li huwa kien irċieva 13 il-sena ilu meta kien daħal l-ITS u kellhu jirreżenja 9 xhur wara minħabba problemi finanzjarji li kellu dak iż-żmien? Tista' l-Ministru tgħid ta' liema perijodu jammonta dan l-ammont meta dan il-persuna qatt ma rċieva xejn għal dan iż-żmien kollu? Tista' l-Ministru tgħid jekk din ir-rifuzjoni illum ġietx preskritta bil-liġi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna (li d-dettalji tagħha ngħataw separatament) ingħatat ammont ta’ stipendju minħabba li kienet tattendi kors full-time fl-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi. Din l-istess persuna irriżenjat mill-kors wara 9 xhur mill-bidu tal-kors. Għaldaqstant skont kif stipulat fir-Rules and Regulations ta’ l-ITS għas-sena akkademika li fiha beda l-kors, dan kellu jrodd lura l-istipendju li rċieva minn meta beda l-kors. Inħargu diversi ittri biex dan l-ammont jiġi mħallas iżda qatt ma rrisponda. Fit-8 ta’ Novembru 2008 inħarġet ittra uffiċjali mill-Qorti biex dawn il-flus li sa llum jidhru bħala ‘arrears of revenue’ jinġabru. Hija l-Qorti li tiddeċiedi meta każ jaqa’ preskritt.

Heritage Malta — żieda fil-prezzijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti ir-raġuni taż-żieda fil-prezzijiet tal-Heritage Malta għal 2010 għad-dħul fil-mużewijiet? Kemm se jkunu dawn iż-żidiet u l-iskop ta' tnaqqis ta' ċerti benefiċċji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Membru żgur japprezza li l-prezzijiet ta’ dħul għall-mużewijiet u siti kif kienu sa issa kienu estremament baxxi, speċjalment meta paragunati ma’ postijiet simili fl-Ewropa, iktar u iktar meta wieħed iqis li ċerti siti huma uniċi (bħal per eżempju t-tempji megalitiċi) għax ma jinstabu imkien ieħor fid-dinja. Il-mużewijiet u s-siti kollha jeħtieġu manutenzjoni kbira jekk nixtiequ li jkunu attraenti, kif ukoll management addattat. Żdiedu diversi benefiċċji, bħal tnaqqis fil-prezz għall-anzjani, studenti, gruppi, minbarra ‘multi-site tickets’ u dħul b’xejn f’okkażjonijiet stabbiliti.

Bormla — Skola primarja u skejjel tal-Kottonera - persuni maħtura fil-kumitat

Question

Peress li ftit tax-xhur ilu kien inħatar kumitat sabiex jistudja x’għandu jsir fl-iskola Primarja ta’ Bormla u l-iskejjel tal-Kottonera, tista’ l-Ministru tgħid minn kienu l-persuni maħtura f’dan il-kumitat, kemm-il darba ltaqgħu, u jekk sarux xi rakkmandazzjonijiet, u jekk fl-affermattiv tista' tpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kumitat ta’ Azzjoni għat-tiġdid edukattiv tal-iskola primarja ta’ Bormla kien magħmul minn żewġ sotto-kumitati li t-tnejn tmexxew mill-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Margerita. a) Sotto-kumitat soċjali li ħares lejn x’attivitatijiet jistgħu isiru fil-komunità u wara l-ħin biex jitkattar ambjent b’risq l-edukazzjoni. Dan is-sotto-kumitat kellu fih rappreżentanti ta’: · it-tmexxija ta’ l-iskola · il-Kunsill Skolastiku · il-Kunsill Lokali · Aċċess · Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi. b) Sotto-kumitat kurrikulari li ħares lejn it-tisħiħ u t-tibdil li hemm bżonn iseħħ fl-edukazzjoni formali fl-iskola. Dan is-sotto-kumitat kellu fih rappreżentanti ta’ · it-tmexxija ta’ l-iskola · l-għalliema fl-iskola · LSAs fl-iskola · id-Dipartment Servizzi għall-Istudent fi ħdan id-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi · id-Dipartment tal-Kurriklu fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards · l-Aġenzija Appoġġ Iż-żewġ sotto-kumitati bejniethom iltaqgħu 13-il darba. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġew approvati qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawk b’kitba skura diġa qed iseħħu.

Studenti bi Bżonnijiet Mediċi

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1056 u tgħid kemm hemm tfal, fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-istat li għandhom bżonn jieħdu mediċina (eż pilloli, syrups, inhalers, drops eċċ) waqt il-ħin ta' l-iskola u dan fuq bażi regolari? Tista' tgħid ukoll kemm hemm tfal, fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-istat li għandhom bżonn kura medika aktar intensiva (eż injections, suppositories, catheter eċċ) waqt il-ħin ta' l-iskola u dan fuq bażi regolari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Education Medical Service Unit fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent, għadu kif għamel survey biex isir magħruf kemm hemm tfal f’kull kulleġġ fl-iskejjel primarji u sekondari ta’ l-istat li għandhom bżonn jieħdu mediċina waqt il-ħin ta’ l-iskola u dan fuq bażi regolari. Ir-riżultat huwa dan: Kulleġġ Numru ta’tfal, fl-Iskejjel primarji u sekondarji ta’l-istat li għandhom bżonn jieħdu mediċina (eż pilloli, syrups, inhalers, drops ecc) waqt il-ħin ta’ l-iskola u dan fuq bażi regolari Numru ta’ tfal, fl-iskejjel primarji u sekondarji ta’ l-istat li għandhom bżonn kura medika aktar intensiva (eż injections, suppositories, catheter eċċ) waqt il-ħin ta’ l-iskola u dan fuq bażi regolari Primarji SekondarjiPrimarjiSekondarji Santa Margerita San Benedittu San Ġorg Preca San Injazju Santa Klara Maria Reġina San Nikola Santa Tereża San Tumas More Għawdex 4 2 8 5 9 8 2 8 1 5 0 8 2 3 30 3 4 6 0 20 0 0 0 0 0 0 0 0 01 0 0 1 0 0 0 2 0 0 Total 52 5804

Direttorati tal-Edukazzjoni — promozzjoni tal-eLearning

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed jiġi promoss it-tagħlim awtonomu jew l-eLearning mid-Direttorati tal-Edukazzjoni li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Saret xi statistika li tista' tagħti indikazzjoni tal-livell ta' eLearning li jeżistu f'Malta u f'Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-eLearning ilu jigi promoss għal dawn l-aħħar snin fejn Uffiċjali Edukattivi tal-Computer Studies u riċentement tal-eLearning żaru kull skola u ħajjru biex kull skola jkollha strateġija ta’ ICT mifruxa fis-suġġetti kollha. Min-naħa l-oħra l-eLearning Centre fi ħdan id-Direttorat għal Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni qiegħed jippromwovi l-eLearning b’diversi inizjattivi, programmi, taħriġ u aġġornar. Fi ħdan iċ-Ċentru hemm numru ta’ għalliema peripatetiċi fl-iskejjel primarji li jgħinu lill-għalliema biex jiżviluppaw lezzjonijiet bl-użu ta’ l-ICT. Fl-iskejjel kollha, kemm Primarji u Sekondarji qed issir sessjoni wara l-ħin (Professional Development) speċifikament fuq eLearning. Dan biex l-għalliema jinagħtaw kemm ideat kif ukoll taħriġ fuq software u hardware li jistgħu jużaw. Apparti dan isiru korsijiet fuq bażi volontarja fit-taħriġ ta’ ICT għal-livelli kollha tal-għalliema u gradi oħra. Dan iċ-Ċentru jmexxi wkoll il-proġett ta’ l-eTwinning. Proġett li l-iskop ewlieni tiegħu hu li jippromwovi it-tagħlim bl-użu tat-teknoloġija u l-promozzjoni tad-diversita’. Permezz ta’ dan il-proġett isir kemm taħriġ lill-għalliema kif ukoll seminars u kompetizzjonijiet għall-istudenti. Iċ-Ċentru jieħu ħsieb ukoll li jaġġorna l-għalliema li jaħdmu fih biex dawn ikunu jistgħu joffru l-aħjar servizz u għajnuna lill-għalliema. Fejn jidħol apparat ta’ teknoloġija diġitali, id-Dipartiment tal-Kurrikulu u l- eLearning Centre jinvesti f’apparat ġdid biex l-iskejjel ikollhom l-għodda meħtieġa. Fost dan l-apparat hemm interactive whiteboards , projectors u printers . Iċ-Ċentru qiegħed ukoll jistħarreġ fuq apparat diġitali ieħor biex jintuża fil-lezzjonijiet. Minn żmien għal żmien jittellgħu esibizzjonijiet biex nippromwovu inizjattivi tajba li jkunu saru fl-eLearning, u jkun hemm qsim ta’ ideat ta’ x’wieħed jista’ jagħmel f’dan il-qasam. Statistika miġbura għalissa għandha x’taqsam ma’ kemm l-għalliema iħossuhom ppreparati għall-istrateġija (SmartLearning 2008-2010). Din l-istatistika għadha qed tiġi analizzata bil-ħsieb li toffri ħjiel għall-bżonnijiet li għandhom l-għalliema biex imbagħad noffru t-taħriġ meħtieġ. Il-kwestjonarju tqassam lill-għalliema kollha fl-iskejjel tal-Istat u weġbuh ‘l fuq minn 1800 għalliem. Ir-riżultat għandu jkun f’idejna fi żmien qasir.

Ċertifikat bażiku fil-first aid obbligatorju

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3844, tista' l-Ministru tgħid meta ser issir obbligatorja li kull għalliem fl-iskejjel kollha tal-Istat u privati jkollhom ċertifikat bażiku fil-first aid, għax kif qalet fir-risposta dan jagħmel sens?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din il-materja tiġi diskussa f’negozjati futuri mal-Union li tirrapreżenta l-għalliema peress li jekk din tkun obligu, din tfisser bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Public Accounts Committee — Mismanagement ta' Fondi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3836, taħt it-titlu "Public Accounts Committee - Mismanagement ta' Fondi", tista' l-Ministru fid-dawl tar-rapport riċenti tal-Awditur Ġenerali dwar it-trasport fil-Ministeru tal-gvern, tgħid jekk hux se jitressqu xi nies quddiem il-Public Accounts Committee minħabba mismanagement ta' fondi pubbliċi? Jekk hemm il-ħsieb li dan isir, tista' tgħid meta se jiġi attivat dan il-pass?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M’inix infurmata hux se jitressqu xi nies quddiem il-Public Accounts Committee minħabba mismanagement ta’ fondi pubbliċi.

Tħejjija ta' Disinni

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema skop qed jitħejjew xi disinji minn għalliem li nġab minn Tarġa Gap u li ngħata uffiċċju fil-bini prinċipali tad-Direttorati tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-għalliem li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant bħalissa qed jgħin fid-disinn ta’ uniformijiet tal-Kulleġġi.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Xogħol fuq ix-shafts tal-bini

Question

B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 3843 tista' l-Ministru tispeċifika x'inhu x-xogħol ieħor li sejjer isir aktar 'il quddiem fix-shafts tal-bini ewlieni tad-Direttorati tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jidher li hemm ebda relazzjoni bejn il-Mistoqsija Parlamentari 3843 u r-risposta tagħha, mal-Mistoqsija Parlamentari 5450.

Ministeru tal-Edukazzjoni — extraordinary expenditure

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3847, nixtieq ninforma lill-Ministru li l-extraordinary expenditures li qed nirreferi għalihom huma dawk li ma kienx hemm fondi ibbaġitjati speċifikament għalihom.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Biex issir kwalunkwe nefqa li għaliha ma jkunx hemm fondi ibbaġitjati, jrid ikun hemm l-approvazzjoni ta’ l-Estimi Supplimentari mill-Kamra tar-Rappreżentanti. Għalhekk, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-infiq addizjonali taħt il-Voti tal-Ministeru għas-snin 2004-2008.