Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – ħaddiema barranin

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx barranin jaħdmu fid-dekasteru tagħha? Jekk iva, kemm hemm?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża (inklużi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu), in-numru ta’ ħaddiema barranin hu ta’ tnejn u ħamsin.

Għawdex – proġett tas-second class water għall-bdiewa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3543 rigward il-proġett tas-second class water għall-bdiewa ġewwa Għawdex fejn ġie mwieġeb li "Infurmata li l-proġett tlesta f’Ottubru 2022 biex nevitaw inkonvenjent żejjed lir-residenti tal-madwar peress li kien hemm ukoll xogħol inevitabbli minn entitajiet oħra" tista’ l-Ministru tgħid fejn u kemm, ġewwa Għawdex (raħal u triq) ġew installati dispensing points ġodda?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’referenza għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 3543 fejn għidt li kont infurmata li l-proġett kien tlesta. Bi żvista dakinhar il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet qed tirreferi biss għax-xogħlijiet fuq in-network ta’ distribuzzjoni. Ninsab infurmata li d-dispensing points filfatt għadhom ser jiġu installati. Din il-fażi tax-xogħolijiet ippjanata titnieda u tiġi konkluża fl-ewwel tlett kwarti tas-sena 2023 permezz ta’ kuntratt separat.

Marsa — Wied is-Sewda - tindif

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3370, tista’ l-Ministru tara li x-xogħol indikat f’Wied is-Sewda, il-Marsa, isir billi hemm wisq ilma mniġġes u jinten?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li dan ix-xogħol ġie koordinat mal-Entitajiet rispettivi u dan l-ilma tneħħa.

Kemmuna – xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3366, tista’ l-Ministru tgħid x'xogħlijiet aktar ser isiru tul is-sena li ġejja f’Kemmuna? Tista’ tippreżenta rapport aktar dettaljat ta’ dak indikat minnha fil-mistoqsija parlamentari msemmija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2022 Ambjent Malta bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Ri¿orsi wetqet numru ta’ interventi marbutin mal-pjan ta’ ġestjoni għal siti Natura 2000 fosthom tneħħija ta’ pjanti inva¿ivi, li jinkludu akaċja u xumakk falz, tneħħija ta’ tnax-il arblu ta’ l-elettriku tal-konkos li m’ għadhomx jintużaw minn żona viċin ir-razzett tal-ħnieżer u Wied l-Aħmar, tħawwil ta’ l’ fuq min 2,400 siġra u arbuxxel indiġeni u installazzjoni ta’ sistemi ta’ irrigazzjoni għall-manutenzjoni ta’ dawn il-pjanti Flimkien ma’ dawn ix-xogħolijiet tkompla r-restawr ambjentali tal-bajja ta’ Santa Marija, fejn tħaffru żewġ għadajjar oħra biex jilqgħu l-ilma tax-xita u jofru ambjent natural għal diversi ħlejjaq fosthom l-għasafar tal-passa. Dawn l-interventi huma parti mill- Miżura tal-pjan ta’ ġestjoni “ Restoration of habitat 1420, and 2210; restoration and expansion of habitat 92D0; and the expansion of habitat 2210 at Santa Marija Bay by means of: removal of the campsite; removal of the engineering works that turned habitat 1420 into a campsite; removal of alien and invasive species; restoration interventions for the disturbed habitats including temporarily (during 3 years) closing off the habitats” Ix-xogħlijiet ppjanati ġewwa Kemmuna għas-sena 2023 jinkludu l-implimentazzjoni ta’ programm għall-eredikazzjoni tal-ġrieden u l-firien bħala parti mill miżura tal-pjan ta’ ġestjoni “ Implement a rat control programme and assess the longer-term options for sustainable management of invasive nonnative rodents .” Ser isir ukoll xogħol ta’ restawr fuq numru ta’ ħitan tas-sejjieħ dan sabiex jikkontrolla t-telf tal-ħamrija min ġewwa s-sit. Matul s-sena d-dieħla ser ikun qed jitkompla x-xogħol fuq l-latrina pubblika ġewwa ż-żona magħrufa bħala tal-Ful, issiru interventi ta’ manutenzjoni fiż-żoni fejn sar restawr ambjentali u fil-bajja ta’ Santa Marija. Qiegħda npoġġi fuq il-mejda tal-kamra ritratti li juru x-xogħol ta’ rijabilitazzjoni li sar s’issa.

Wied il-Għajn – Park tal-Familja – xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tindika x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u straordinarji saru fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn tul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena l-oħra Parks Malta għamlet numru ta' interventi fosthom rilokazzjoni u bini tad-dog park ġdid, manutenzjoni tal- ħitan tas-sejjieħ, tisbiħ tal-logħob tat-tfal u tibdil tal- fence kollhu tal-5 a -side futboll ground. Din is-sena komplejna b’riġenerazzjoni tas-soft flooring kollu taħt l-apparat tal-logħob biex nassiguraw li l-Park ikun aktar sigur u ġew mibdula s-servizzi sanitarji tal-latrini pubbliċi li jinsabu n-naħa tal-Belvedere tal-istess Park. Ġew imwaħħla xtiebi ġodda flimkien ma’ infurzar fis sistema ta` monitoraġġ sabiex jkun hemm iktar sigurtà u jitnaqqas l-att ta` vandaliżmu. Matul is-sena li ġejja 2023, Parks Malta ser tkun qed tlesti żewġ proġetti ġewwa dan il-park. Fiż-żona li qabel kienet id-dog park ser tiġi mibdula f’piknik area, waqt li l-proġett l-ieħor jikkonsisti fl-installazzjoni ta’ żewġ obstacle courses waħda għall-adulti u l-oħra għat-tfal. Parks Malta ġa ħejjiet ix-xogħol amministrattiv u inħarġu s-sejħiet għall-offerti għal dawn il-proġetti. Permezz ta` din il- ħidma kontinwa minn Parks Malta qed nkomplu nassiguraw li l- Parks tagħna jinżammu fi stat xieraq u sigur biex jkunu jistgħu jiġu mgawda minn numru kbir ta’ viżitaturi li jqattgħu l-ħin liberu tagħhom f` dawn il- postijiet rikreattivi.

Ġnien Romeo Romano — ftuħ mill-ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jkun qiegħed jerġa' jinfetaħ għall-pubbliku l-passaġġ minn Triq it-Turretta, Santa Venera għal ġol-ġnien pubbliku Romeo Romano?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-passaġġ minn Triq it-Turretta għall-ġnien Romeo Romano se jkun aċċessibbli għall-pubbliku f'Diċembru li ġej wara li jitlesta l-proġett, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies.

Ġnien Romeo Romano – ċaqliq ta’ siġar

Question

Fir-rigward tal-proġett fi Ġnien Romeo Romano, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il siġra ċċaqalqet u kemm minn dawn is-siġar intilfu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li b'kollox ġew trapjantati ħmistax-il siġra taċ-ċitru, erbgħa minn dawn is-siġar intilfu u ġew mibdula. Dan minbarra t-tħawwil ta' madwar għoxrin siġra ġdida u għadd ta' arbuxelli.

Riċiklaġġ ta’ skart

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'persentaġġi, kemm mill-iskart illi qiegħed jinġabar qiegħed effettivament jiġi rriċiklat hawn Malta? Tista’ tipprvodi wkoll l-ammonti f'tunnellati ta' skart illi qiegħed jinġabar u dak irriċiklat b'mod rispettiv?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-aħħar statistika miġbura u verifikata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi hija dik tal-2020. Skont dawn il-figuri, matul dik is-sena, l-ammont ta’ skart muniċipali li nġabar fil-gżejjer Maltin kien ta’ 331,142 tunellata. Minn dan l-ammont kien hemm 527 tunellata li ġew irriċiklati lokalment filwaqt li 34,824 tunellata oħra ġew esportati sabiex jiġu rriċiklati barra minn Malta.

Reverse Vending Machines

Question

B'referenza għall-iskema tar-rifużjoni tad-depożitu ta' 10c tal-kontenituri tax-xorb, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu t-total ta' reverse vending machines li bdew jitħaddmu fl-14 ta’ Novembru, 2022? Fejn jinsabu dawn ir-reverse vending machines lokalità b’lokalità? Għal kull reverse vending machine li bdiet topera, tista' l-Ministru tispeċifika jekk din ġietx installata f'supermarket jew ħanut tal-merċa, inkella f'Public Recycling Hubs?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-14 ta’ Novembru 2022 il-kumpanija privata li qed tmexxi dan il-proġett s'issa għandha joperaw 173 Retail Reverse Vending Machine, u 101 Public Reverse Vending Machines ġo Public Hubs. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji tal-lokalitajiet u l-istabbilimenti kummerċjali kollha fejn jinsabu r-Reverse Vending Machines.

ERA – ispezzjonijiet f’San Ġiljan u Paceville

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-infurzar mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġewwa San Ġiljan u Paceville minn Jannar 2022 sa Settembru 2022? Tista’ tgħid kemm kien hemm ħruġ ta’ multi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-ewwel disa’ xhur tal-2022, id-Direttorat għall-Konformità u Infurzar tal-ERA wettaq 505 spezzjoni f’San Ġiljan, inkluż Paceville. F’dan il-perjodu nħarġu 5 multi amministrattivi kif ukoll 64 twissija.

Ħal Qormi – Triq l-Għargħar u Triq il-Wied — proġett

Question

Fid-dawl ta’ numru ta' lmenti mir-residenti ta’ Triq l-Għargħar u Triq il-Wied f'Ħal Qormi, tista’ l-Ministru tgħid meta se jitlesta dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li qed isir minn kollox biex il-proġett jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Enemalta – network reinforcement – bdil ta’ circuits

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inbidlu circuits (bejn substation u oħra) biex sar reinforcement tan-network tal-11kV u tat-33kV bejn l-2018 u l-2021? Tista' tgħid kemm baqa' partijiet bejn substation u oħra fin-network tal-elettriku tagħna li għadhom ikkonettjati bil-PILC cables tad-daqs 0.1 (70sq mm.) jew inqas?

Response (DALLI, MIRIAM)

Bejn l-2018 u l-2021 tqiegħdu 29 circuit ġdid għat-tisħiħ tas-sistema ta’ vultaġġ medju tal-11kV u tat-33kV. Kif tħabbar aktar kmieni din is-sena, l-Enemalta għaddejja bi proġett ta’ investiment ta’ €90m fuq medda ta’ sitt snin biex issaħħaħ il-livelli kollha tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Dan il-proġett jinsab avvanzat iktar milli kien ippjanat. Sal-aħħar tal-2021, kien hemm madwar 120km biss ta’ cables ta’ vultaġġ medju bi ħxuna ta’ 70 mm kwadru jew anqas, jiġifieri inqas minn 3% tan-network. Tajjeb li jingħad li l-Enemalta kontinwament tevalwa kemm il-kundizzjoni kif ukoll id-domanda fuq dawn il-cables u tara li dawn għadhom adegwati għall-bżonnijiet tan-network. Fil-programm ta’ rinfurzar, l-Enemalta tara l-prijoritajiet u tbiddel cables jew iżżid circuits ġodda fejn meħtieġ skont id-domanda għall-elettriku li jkun hemm f’żona partikulari.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2600, 3247 u 3780 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtha ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

REWS — Ħaddiema li telqu

Question

Tista’ l-Ministru telenka kemm staff ta’ grad professjonali telqu minn mar-REWS xahar b’xahar mill-2020 s’issa? F’kull każ tista’ tgħid jekk saritx sejħa għal replacement, kemm dam il-proċess u x’kien l-eżitu finali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ma kien hemm ħadd minn staff ta’ grad professjonali li telaq minn mar-REWS.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2600 u 3247 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtha ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Noise Control Commission – rwol u membri

Question

Tista’ l-Minsitru tgħid x’inhuwa lir-rwol tan-Noise Control Commission, min huma l-membri ta’ din il-Kummissjoni, kemm jitħallsu u kemm-il darba ltaqgħu minn Jannar 2022 sa Settembru 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2915 u 3178.

Ilma tal-pjan li jispiċċa fil-baħar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilma tal-pjan huwa stmat li joħroġ fil-baħar, x'inhuma l-miżuri li qed jittieħdu biex dan jitnaqqas, x'miżuri oħrajn huma ppjanati li jittieħdu u x'inhi l-mira tal-Gvern f'dan ir-rigward?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-istħarriġ li sar sa issa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) juri li l-ħruġ tal-ilma jkun iktar kkonċentrat fejn ikun hemm qsim fil-blat. Madankollu, qabel wieħed jibda jikkunsidra kwalunkwe investiment sabiex jittella' dan l-ilma, ikun jeħtieġ li jsiru studji dettaljati u fit-tul biex jiġi assigurat li jkun hemm il-volum u l-konsistenza meħtieġa.