Tista’ l-Ministru tipprovdi n-numru u l-ammont totali f'ewro, ta’ multi u penali għall-entitajiet tal-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li ħarġu u li tħallsu mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew ta’ min hi r-responsabilità, talli l-istess PROs ma battlux il-bins fil-Bring in Sites fil-ħin, ma żammewx dawn is-siti nodfa u ma neħħewx skart akkumulat, (imħallat u riċiklabbli) għas-snin 2023 u 2024, maqsuma għal kull xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Kunsilli lokali — Spejjeż addizzjonali għat-tindif mis-siti ta’ ġbir ta’ skart
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kunsilli lokali humiex mistennija jġorru (kif qed jagħmlu), spejjeż addizzjonali minn fondi pubbliċi biex inaddfu wara l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li mis-siti ta’ ġbir ta’ skart għandhom benefiċċji pekunjarji?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli u kif, tal-entità responsabbli biex tiżgura li l-iskart iġġenerat minn żvilupp kummerċjali ma jiġix miġbur mill-kuntrattur li jopera s-servizz ta’ ġbir bieb bieb, f’kull waħda mis-sitt reġjuni ta’ pajjiżna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Marzu 2025?
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq San Filippu, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Ghaxaq. Dawn ix-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta.
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-miżuri ta’ infurzar li ttieħdu mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar kimiċi li spiċċaw fil-baħar tal-Port il-Kbir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li malli l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet rapport dwar inċident li involva kimiċi fil-port, saret investigazzjoni u l-operatur involut twaqqaf minnufih mill-operat tiegħu u kien ordnat jagħmel tindif tas-sit biex jiġi minimizzat kull impatt li seta’ jsir. Apparti dan, ġiet imposta multa amministrattiva fuq l-operatur minħabba ksur ta’ kundizzjonijiet tal-Permess Ambjentali.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-medja tal-perjodu ta’ żmien biex jinbidel meter tal-ilma difettuż tal-klijent mill-fornitur tas-servizz?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta jidħol rapport dwar meter difettuż jiskatta proċess ta’ sistema awtomatizzata elettronika fejn kull każ jiġi trattat skont il-prijorità u l-urġenza. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dejjem tassigura li taġixxi immedjatament u skont in-neċessità tal-każ individwali.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kull kunsinja żibel esportata minn WasteServ mill-bidu ta’ din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġ mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u tindika t-tip ta’ skart li kien jikkonsisti fiha kull kunsinja, lejn liema pajjiż kienet esportata, u għal liema raġuni saret l-esportazzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn l-inċineratur se jsir fil-Magħtab u mhux ħdejn il-power station sabiex l-enerġija ġġenerata mill-iskart tmur mill-ewwel fil-grid tad-distribuzzjoni tal-elettriku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Magħtab huwa l-post fejn huwa ċentrali għall-iskart u anke, kif wera l-EIA, huwa s-sit l-aktar ideali għall-impjant tal-Waste-to-Energy. Ġaladarba jibda jipproduċi l-elettriku dan se jkun imqabbad mal-infrastruttura tal-Enemalta fiż-żona.
Fid-dawl li d-dokument "Non-Technical Summary (English) in Relation to the Environmental Impact Assessment (EIA) for a Thermal Treatment Facility (TTF) As per ERA requirements for PA 6096/23 (EA/00020/22)," ma jagħmel ebda referenza għall-oġġezzjonijiet tar-residenti u tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-proċess biex isir inċineratur fil-Magħtab, ġewx milqugħa u kkunsidrati l-oġġezzjonijiet tal-istess residenti u tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Skont ir-rekwiżiti tar-regolamenti tal-EIA, l-EIA ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u fid-9 ta' Marzu 2025 ġie pubblikat l-avviż li qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif indikat fl-avviż, kwalunkwe parti interessata inkluż ir-residenti u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar jistgħu jissottomettu l-mistoqsijiet jew oġġezzjonijiet tagħhom sad-9 ta’ April 2025.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien il-valur tal-materjal li ġie ġġenerat mit-tqattigħ tal-blat fil-Magħtab bi preparazzjoni għall-ECO Hive? Tista’ tgħid ukoll x’sar minn dan il-materjal u għand min marru l-flus?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24820 u 25866, ġaladarba jidher, li skont ir-rapport ippreżentat lill-Parlament mill-Ministru, li x-xogħol fil-barriera msemmija u possibbilment f’barrieri oħra qed isir skont il-parametri tal-liġi, tista’ l-Ministru tgħid hix qed tikkonsidra:
i. Reviżjoni u aġġornament tal-operat tal-barrieri f’pajjiżna?
ii. Reviżjoni u aġġornament ta’ kif jitqatta’ l-blat u kif jintuża l-isplussiv?
iii. Reviżjoni u aġġornament ta’ kif jinħażen il-materjal fl-istess barrieri u kif dan il-materjal jinġarr mill-barrieri biex jintuża fil-bini u/jew kostruzzjoni, bħal pereżempju bl-użu ta’ jumbo bags fil-ġarr tar-ramel?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li riċentement l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġiet fdata bir-responsabbiltà tal-minerali u bħalissa qed tevalwa kif din ir-responsabbiltà tkun integrata inkwantu ta’ pratttiċi ta’ estrazzjoni, flimkien mar-responsabbiltà eżistenti tal-permessi ambjentali li diġà tirregola l-operat fil-barrieri. Għar-rigward tal-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid liema hija l-awtorità kompetenti għall-infurzar tad-Direttiva Ewropea dwar l-Ippakkjar u l-Iskart tal-Ippakkjar 94/62/EC u r-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tal-Iskart (Ippakkjar u Skart tal-Ippakkjar)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttiva dwar l-Ippakkjar u l-Iskart tal-Ippakkjar 94/62/EC ġiet trasposta bir-Regolamenti dwar l-Ippakkjar u l-Iskart tal-Ippakkjar fil-Maniġġar tal-Iskart (L.S. 549.43), u bir-Regolamenti dwar ir-Riċiklaġġ tal-Kontenituri tax-Xorb (L.S. 549.134). Tali Regolamenti jiddefenixxu l-Awtorità kompetenti.
Skemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur — Ivverifikar
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema hija l-awtorità kompetenti għall-irregolar u vverifikar ta’ organizzazzjonijiet ta’ Skemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hija l-Awtorità kompetenti għall-irregolar u verifikar ta’ organizzazzjonijiet ta’ Skemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs), skont ir-Regolament Dwar l-Ippakjar u l-Iskart tal-Ippakjar fil-Maniġġjar tal-Iskart (L.S.549.43) fejn l-istess regolament jidentifika ukoll awtoritajiet oħra li jistgħu jiġu maħtura biex jirregolaw aspetti oħra fir-regolament bħal per eżempju t-tqegħid tal-prodott fuq is-suq.
Kwistjoni ta’ drenaġġ li qed jidħol fi proprjetajiet privati
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26840 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tgħid meta ser tiġi riżolta l-kwistjoni ta’ drenaġġ li qed jidħol fil-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li bħalissa r-residenti qed isibu drenaġġ fil-proprjetajiet tagħhom ta’ kuljum?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma diġà kienet ħadet azzjoni u l-każ li qed issir referenza għalih ġie solvut fil-25 ta’ Marzu li għadda.
Tista’ l-Ministru tagħti lista bil-permessi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f'Kemmuna minn meta twaqqfet l-Awtorità sal-lum?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, b’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 26256. Dettalji ta’ dawn il-permessi jistgħu jiġu aċċessati minn fuq il-website tal-ERA permezz ta' dan il-link https://era.org.mt/topic/nat-applications-forms/ kif jidher fl-iscreenshot li qiegħda npoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Burmarrad — Triq Ta’ Ċampra - Xogħlijiet tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet tad-drenaġġ li kienu ppjanati fi Triq Ta’ Ċampra, Burmarrad, ġewx ikkanċellati u jekk le, meta mistennija jibdew dawn ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid ukoll jekk ġewx allokati fondi għal dan il-proġett, u jekk iva, x’tip ta’ fondi kienu u jekk għadhomx disponibbli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom fit-triq indikata huma ppjanati li jsiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fix-xhur li ġejjin u dawn se jkunu ffinanzjati minn fondi lokali.
Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' xogħlijiet ser isiru fi Triq Ġanni Vella fis-Swatar? Liema entità jew awtorità se taħdem meta jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista' tgħid ukoll jekk hux se jingħata l-asfalt tul it-triq kollha jekk kemm-il darba din tintmess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta bdiet proġett biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona ta’ Birkirkara, Swatar u l-Imsida, fejn se tkun qed tgħaddi 8 kilometri ta’ cables ġodda minn taħt l-art u 2 kilometri oħra minn ġo mini li jgħaqqdu ċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ma’ diversi substations. Minbarra x-xogħlijiet b’rabta ma’ dan il-proġett, fit-triq indikata se jsiru wkoll interventi mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex isiru l-konnessjonijiet meħtieġa mad-djar u jinbnew banikini ġodda. Wara li jitlestew ix-xogħlijiet kollha, li mistennija jieħdu numru ta’ ġimgħat, jingħata l-asfalt skont il-permessi ta’ Transport Malta.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Rigali u donazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ta rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tagħtu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.