Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA — Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur - każijiet ta’ overbooking ta’ titjiriet bl-ajru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti d-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward ta’ każijiet ta’ overbooking ta’ titjiriet bl-ajru u dan billi jelenka l-kumpaniji konċernati u n-numru ta’ ilmenti magħmula fir-rigward ta’ kull kumpanija tal-ajru mill-bidu tal-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kien hemm 2 ilmenti reġistrati mal-MCCAA dwar Denied Boarding (over booking) bejn Jannar 2018 u 30 ta’ Settembru, 2018 skont Regolament APR261/2004. MARCH RYAN AIR1 X DENIED BOARDING JULY RYAN AIR1 X DENIED BOARDING

Qorti – tħassir ta’ liċenzji ta’ lukandi, alloġġi u ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, f'kemm-il każ il-Qorti ħassret liċenza dwar xi lukanda, alloġġ, ħanut jew fond ieħor jew ta' liċenzja tas-sewqan tal-ħati jew liċenzi oħra f'każ ta' kundanna għal reati taħt tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika dwar każijiet fejn il-Qorti ħassret liċenzja dwar lukanda, alloġġ, ħanut jew fond ieħor jew ta’ liċenzja tas-sewqan tal-ħati jew liċenzji oħra f’każ ta’ kundanna għal reati taħt l-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Sentenzi ta’ sigħat xogħol fil-komunità mogħtija mill-ġudikatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sentenza ta’ sigħat xogħol fil-komunità ngħatat mill-ġudikatura f’dawn l-aħħar ħames snin? X’tip ta’ xogħol twettaq mill-akkużati u f’liema lokalità sar dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Persuni li jikkwalifikaw għall-Għajnuna Legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li jikkwalifikaw għall-għajnuna legali? Kemm huwa n-numru ta’ avukati allokati biex jgħinu lil dawn il-persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm 22 avukat tal-għajnuna legali f’Malta u 5 avukati tal-għajnuna legali f’Għawdex. Jassistu lill-avukati f’Malta hemm 23 prokuratur legali. Intant infurmat ukoll li persuna tikkwalifika għall-għajnuna legali skond din il-proċedura li ġejja: Persuna li tikkwalifika mingħajr it-test tal-mezzi ( means test ): 1. Fil-kamp kriminali hija (kif stipulat fil-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta): i. Persuna akkużata waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija; ii. Persuna akkużata li tinġib quddiem il-Qorti f’kawżi kriminali u ġurijiet; 2. Bħala vittma tal-kriminalità hija: i. Kull persuna li hija vittma tal-kriminalità kif stipulat fil-kapitolu 539; Persuna li tikkwalifika wara li jsir it-test tal-mezzi: 3. Fil-kawżi ċivili (kif stipulat fil-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta) persuna eleġibbli trid tippruva li (u wara li jaħilfu l-applikazzjoni): i. Minbarra l-oġġett fil-kawża, hi ma għandha ebda xorta ta’ proprjetà li l-valur nett tagħhom jammonta għal, jew ikun aktar minn, €6988.12; ii. Li l-qliegħ tiegħha fis-sena huwa inqas mill-paga minima nazzjonali stabbilità għal persuni li jkunu għalqu tmintax-il sena. 4. Fil-kawżi ċivili dwar l-Ordinanza li Tneħħi l-Kontrol tad-Djar kif stipulat fil-Kapitolu 158 persuni eleġibbli jridu jippruvaw illi (u wara li jaħilfu l-applikazzjoni): i. Ma jkunux impjegati full-time bi qliegħ.

Każijiet fil-qorti li ġew preskritti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fil-Qorti li ġew preskritti f’dawn l-aħħar ħames snin? Fuqiex kienu jittrattaw dawn il-każijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika fir-rigward ta’ każijiet li jiġu preskritti.

Avukat Ġenerali – każijiet ta’ prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ ġie rrappurtat lill-Avukat Ġenerali mill-Kummissarju tal-Pulizija li tkun qed tiġi inkuraġġita u megħjuna l-prostituzzjoni ta' minuri f'burdell jew f'lokal ieħor użat għal skop ta' prostituzzjoni skont dak li jipprovdi l-artikolu 6 (2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'azzjoni ħa l-Avukat Ġenerali dwar kull wieħed mill-imsemmija każijiet li ġew irrapurtati lilu mill-Kummissarju tal-Pulizija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu indikat fid-domanda ma jiriżulta li saret ebda referenza lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fit-termini tal-artikolu 6(2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni.

Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, f'kemm-il każ il-Qrati ta' pajjiżna ordnaw li minuri jiġi kkunsinnat lill-ġenituri jew axxendenti oħra tiegħu jew lit-tutur tiegħu b'ordni biex jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tiegħu u joqogħdu attenti għall-kondotta tiegħu skont dak li jipprovdi l-artikolu 6 (3) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jindika s-sess u l-età tal-minuri li dwaru saret l-ordni mill-Qrati ta' pajjiżna? Jista' jgħid f'kemm il-każ ġew imposti l-penali msemmija fl-artikolu 35 (3) tal-Kodiċi Kriminali? Jista' jgħid f'kemm-il każ il-Qorti ordnat li l-minuri għandu jiġi miżmum f'istitut ta' edukazzjoni jew post ieħor minħabba li l-istess minuri ma kellux ġenituri, axxendenti jew tutur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma tinżammx statistika dwar reati skont l-Artikolu 6 (3) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta’ Malta), u lanqas ma tinżamm statistika dwar penali mposti skont l-artikolu 35 (3) tal-Kodiċi Kriminali. Lanqas ma tinżamm statistika dwar minuri li jiġi miżmun f’istitut ta’ edukazzjoni jew post ieħor minħabba li l-istess minuri ma kellux ġenituri, axxendenti jew tutur.

Għawdex – Għarb – proġett

Question

B’referenza għall-PA/02557/17 fl-Għarb Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-termini tal-PPP li qed jitħejja mill-kunsill ma’ terzi, biex dan il-proġett iseħħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb li għadu fil-proċess ta’ applikazzjoni għal dan il-proġett u li għad ma hemm l-ebda arranġamenti għat-termini ta’ PPP.

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – dispożizzjonijiet fil-każ tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-artikolu 48B tal-Kap. 497, l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, fir-rigward tal-awtoritajiet u entitajiet oħra pubbliċi elenkati fil-Ħames Skeda tal-istess Kapitlu, jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-istess artikolu fil-każ tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma japplikaw kemm għaċ-chairman u membri tal-Bord tal-istess regolatur filwaqt li fil-każ ta’ awtoritajiet oħra pubbliċi msemmija fl-istess lista hemm biss imsemmija ċ-chairman jew il-persuna li għandha l-headship tal-awtorità jew entità konċernata?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Membru għall-fatt illi t-tielet parti tat-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap 497 ssemmi biss “Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-enerġija u l-Ilma”.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — avukati u ditti legali – ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni kollha li għandu disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mingħand l-Onor. Interpellant dwar is-servizzi mogħtija minn xi avukati u/jew d-ditti legali tagħhom mil-lista mogħtija separament. L-informazzjoni qed tingħata skont l-ordni tal-lista li ġiet provduta. Ninsab infurmat ukoll li minħabba li l-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ġie iffurmat fl-2014 l-informazzjoni tad-Dipartimenti li kienu jagħmlu parti minn Ministeri oħra ser tinagħata minn dawk il-Minsteri stess.

Kawżi l-Qorti rigward litigazzjoni ta’ procurements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ kawżi li nfetħu l-Qorti kontra l-Gvern jew awtoritajiet tiegħu li jirrigwardaw litigazzjoni dwar procurement ta’ offerti għal kull sena 2014, 2015, 2016 u 2017? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kawżi kollha msemmija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma tinżamm ebda statistika fir-rigward ta’ kawżi li nfetħu kontra l-Gvern jew awtoritajiet tiegħu li jirrigwardaw litigazzjoni dwar procurement ta’ offerti.

American University of Malta – tabella mal-ħajt ta’ Baċir Numru Wieħed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ‘l hekk imsejħa American University of Malta kellhiex il-jedd li twaħħal tabella tagħha mal-parti esterna tal-ħajt tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li t-tabella li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant twaħħlet wara li nkisbu l-permessi meħtieġa. Infurmat mill-istess Kunsill Lokali li ma sab l-ebda oġġezzjoni meta ntalab il-kunsens tiegħu.

Raħal Ġdid – Bini tal-proġett tal-Pjazza de Paule – spejjeż tal-kont finali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-kont finali tal-ispejjeż inkorsi fil-bini tal-proġett tal-Pjazza de Paule f’Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-pjazza de Paule f’Raħal Ġdid s’issa sewa €2,251,745.47. Din is-somma għada mhux finali peress li għad iridu jitħallsu xi pagamenti.

Raħal Ġdid — Pjazza de Paule - siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqagħlet mill-Pjazza de Paule f’Raħal Ġdid qabel il-proġett li sar? Jista jgħid ukoll jekk is-siġar kollha maqlugħa ġewx imħawla lura mill-ġdid u jekk kollha ħadux?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-pjazza kien hemm 40 siġra ħafna minnhom tħawlu fi ġnien il-Mediterran u l-oħrajn fejn Ċimiterju ta l-Addolorata.

Raħal Ġdid — Pjazza de Paule – kumpens lis-sidien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sidien tal-ħwienet li hemm fi Pjazza de Paule f’Raħal Ġdid humiex se jingħataw kumpens għat-telf tan-negozju kbir li huma sofrew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-kuntratt tal-pjazza oriġinalment kellu t-terminu tiegħu sa nofs Ottubru għaldaqstant ix-xogħolijiet tlestew qabel u għalhekk ma kien hemm l-ebda lok għaliex kellu jingħata kumpens.

Ħal Qormi – Triq San Pietru, Triq San Pawl u Triq il-Ħabbież — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga għalfejn tliet toroq li ngħataw it-tarmak dan l-aħħar, u ċjoè Triq San Pietru, Triq San Pawl u Triq il-Ħabbież f’Ħal Qormi, inbiddlu l-livelli tal-ilma tax-xita biex minflok jibqa’ sejjer fi Sqaq San Frangisk Numru 3 għall-wied, qed jibda jmur fi Triq San Franġisk?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li qed jistenna rapport mingħand il-perit tal-Kunsill sabiex issir verifika tal-problema.

Ħal Qormi – Triq San Pietru, Triq San Pawl u Triq il-Ħabbież — Culverts

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi stallat culvert ġdid peress li tliet toroq li ngħataw it-tarmak dan l-aħħar, u ċjoè Triq San Pietru, Triq San Pawl u Triq il-Ħabbież f’Ħal Qormi, inbiddlu l-livelli tal-ilma tax-xita bil-konsegwenza li minflok jibqa’ sejjer fi Sqaq San Franġisk Numru 3 għall-wied, qed jibda jmur fi Triq San Franġisk?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 7023.

Awtorità tax-Xandir – stazzjonijiet tar-radio — stallazzjoni ta’ repeater/booster f’Għawdex

Question

B'referenza għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 6689, li kienet dwar FM Repeater f'Għawdex, liema domanda originarjament kienet irreferuta lill-Prim Ministru permezz ta' mistoqsija parlamentari 6659, u li fit-tweġiba għaliha l-Prim Ministru qal li t-trasmissjonijiet tar-radju FM huma regolati mill-Awtorità ta' Malta dwar ix-Xandir u għaldaqstant talabni nirreferi d-domanda tiegħi lill-Ministru konċernat u peress li: a) it-tweġiba għall-mistoqsija 6689 mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kienet "Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 6659" u peress li b) skont is-sit tal-Gvern gov.mt, ix-Xandir jaqa’ taħt il-portafoll tal-Ministru tal-Ġustizzja, Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija 6689?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tax-Xandir ma rċiviet l-ebda ilment ta dan it-tip. Sadanittant, ninforma lill-Onor Interpellant li l-istazzjonijiet li qed jirreġistraw problemi ta’ interferenza għandhom jinfurmaw direttament lill-Awtorità tax-Xandir bid-dettalji kollha biex din tkun tista’ tipproċedi skont il-prassi u titlob l-assistenza teknika tal-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni.