Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Xiri ta’ MacBooks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-istaff fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu li nxtralhom MacBook minn fondi pubbliċi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien jiswa kull MacBook u jgħid jekk il-MITA oġġezzjonatx għall-użu ta’ dawn il-MacBooks għax teknikament ma tagħtix support għalihom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninsab infurmat illi mill-bidu ta' din il-leġislatura sakemm qed titwieġeb din l-interpellanza inxtara macbook wieħed għall-użu ta' staff fis-segretarjat tiegħi. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-amministrazjoni pubblika hija dejjem miftuħa għal kull teknoloġija speċjalment f’xoghloijiet speċifiċi li jirrikjedu teknoloġija differenti. Infurmat illi l- MITA mhux talli ma toġġezjonax għax-xiri ta’ dan l-apparat, talli qiegħda f’diskussjoni biex tara li jkun offrut servizz ta’ sapport ċentrali għal dan it-tip ta’ apparat.

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq Għajn Mhelhel – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'għamel s'issa u x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib dwar Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbug Għawdex twasslek għax-Xwejni, peress li f’dawn l-aħħar xhur f'parti minn din it-triq, proprju fil-kantuniera qrib id-daħla tax-Shooting Range, it-triq reġgħet kompliet iċċedi u tisfronda? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għan-nies u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq? Jista' jgħid ukoll jekk marx perit tal-Gvern fuq il-post u jekk iva, x'ġie deċiż?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jikkonferma li saru l-interventi meħtieġa biex din it-triq tista tkompli tintuża.

Skema għal xogħlijiet fit-toroq relatati mal-infrastruttura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li nħarġet skema għall-kunsilli lokali ġewwa Għawdex biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet ta' toroq relatati mal-Infrastruttura tagħhom ġewwa l-irħula ta' Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li biex il-Ministeru jiżgura li qed jindirizza l-esiġenzi li dejjem jinbidlu tal-Kunsilli Lokali l-Ministeru jilqa b’mod kontinwu rikjesti mill-Kunsilli Lokali rispettivi bil-Ministeru jagħżel li jindirizza x-xogħlijiet skont il-prijoritajiet u l-urġenza. Il-Ministeru jagħżel li jew jalloka l-fondi lil Kunsill biex iwettaq ix-xogħlijiet jew tali xogħlijiet isiru b’intervent dirett mill-Ministeru.

Vetturi li vjaġġaw bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ vetturi li vjaġġaw bejn Malta u Għawdex bejn is-snin 2020 u 2024, maqsuma għal kull sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif indikata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Impjegati li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg fuq kuntratt definit, jew fuq service contracts, u meta ġew ingaġġati u f'liema grad? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21451.

Għajnsielem – Triq Ġużeppi Cauchi – Aċċess

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16498 fejn ġie mwieġeb li “s'issa m'hemmx proċess ta' esproprjazzjoni”, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid għaliex din it-triq għadha bis-sinjali tad-dead end f'kull tarf tagħha u x’inhi r-raġuni li din it-triq qed tkun ostakolata mill-aċċess liberu għall-pubbliku? Jista' jgħid ukoll f'liema stadju wasal il-proċess biex din it-triq tiġi miftuħa u tkun tista' tiġi surfaced?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandna, hemm kawża l-Qorti fuq din il-parti tat-triq.

Ir-Rabat Għawdex – Triq ta’ Wara s-Sur – traffic calming measures u zebra crossing

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20984 jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru xi tip ta’ traffic calming measures fi Triq ta' Wara s-Sur, ir-Rabat Għawdex u jekk iva, fiex ser ikunu jikkonsistu, peress li qed ikun hemm sewqan eċċessiv f'din l-imsemmija triq? Jista’ jgħid għala tul it-triq kollha mhux se jkun hemm zebra crossings ħlief għal-waħda fit-trejqa l-ġdida f'din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-Triq ta' Wara s-Sur fir-Rabat Għawdex hemm limitu ta’ veloċita’ ta’ 40km fis-siegħa. Bil-għan li tkun ikkontrollata l-velocita’ eċċessiva se jsiru sinjali tat-toroq. Dawn jinkludu kemm traffic signs kif ukoll road markings, biex jindikaw lis-sewwieqa l-limiti ta’ veloċita’ stabbiliti. L-istess triq tinsab fil-biċċa l-kbira tagħha f’żona rurali, bir-raba’ fuq kull naħa. Għaldaqstant din il-parti tat-triq minn fejn jgħaddi volum relativament baxx kemm tat-traffiku tal-vetturi kif ukoll dak pedonali - b’velocita’ limitata għal 40km fis-siegħa - tqieset bħala low risk. Għal din ir-raġuni ma ġewx ipproġettati zebra crossings, oltre minn dik li hemm fit-trejqa msemmija u meqjusa bħala urban transition zone.

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq is-Sagħtrija - Downlighters

Question

B'referenza għal xogħlijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport tal-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022 sabiex saret it-trinka biex ikun jista’ jiġi mgħoddi cable tal-elettriku fil-parti tat-telgħa ta' Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-downlighters f'din l-imsemmija triq bdewx jinxtegħlu u jekk iva meta bdew jinxtegħlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-downlighters għadhom ma bdewx jixgħelu peress li x-xogħol għadu għaddej.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Bird ringer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu ingaġġax bird ringer Irlandiż sabiex joffri servizzi ta’ riċerka waqt id-deroga preżenti fuq l-għasafar tal-għana? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid kif intgħażel u tqabbad dan l-individwu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt magħmul ma’ dan l-individwu, inkluż dettalji dwar ħlas u arranġamenti oħra maqbula?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Informa lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Port tal-Imġarr — Żieda ta’ pontuni - Fondi allokati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ammont ta’ fondi allokati mill-Unjoni Ewropea biex jiżdiedu l-pontuni fil-Port tal-Imġarr u jekk dan kienx speċifikament għall-użu tas-sajjieda full-time u part-time? Jista’ jgħid ukoll: a. Kemm ġew miżjuda postijiet ta’ pontuni ġodda? b. Jelenka l-lista ta’ pontuni addizzjonali li qed jintużaw f’dawn il-postijiet? ċ. Jekk dawn il-pontuni hux qed jintużaw biss minn sajjieda full-time u part-time?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru wara l-2022? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda wara Mejju tal-2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22282.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Deputati tal-Gvern

Question

Peress li l-mistoqsija parlamentari 14839 ma kinetx imwieġba għax l-informazzjoni kienet għadha qeda tinġabar, issa li għaddew għaxar xhur, jista’ l-Ministru jgħid min kienu/huma d-Deputati tal-Gvern, minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li kienu/huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qegħdin iservu, l-kariga li kienu/qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju tagħhom inklużi perkaċċi oħra bħal fuel vouchers, car allowances, expertise allowance, shift allowance, disturbance allowance, communication allowance, overtime u kull allowance ieħor? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn April 2013 sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom u/jew sal-ġurnata li fiha tigi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23435.

Marsalforn — Ġnien Tliet Għoljiet – Playing field

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16285 fejn ġie mwieġeb li “il-Ministeru qed jaħdem fuq sejħa għall-offerti biex l-equipment ta’ dan il-ġnien jinbidel u jsir skont l-istandards li jirregolaw il-playing fields”, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid jekk il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet f'Marsalforn, Għawdex hijiex tajba sabiex tintuża? Jista' jgħid ukoll jekk sarx awditjar ta' din il-playing field u jekk iva, jista’ r-rapport jiġi ppubblikat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti qed tiġi ivettjata u se tkun pubblikata fil-bidu tas-sena 2025.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Bordijiet u kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u f’kull każ, jagħti l-ismijiet tal-persuni li jiffurmaw dawn il-bordijiet u/jew kumitati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12042 u 18981 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-Advisory Cost. Ninforma ukoll lill-Onor Interpellant li n-nefqa għal fjuri kemm għal-funerali kif ukoll għal okkażjonijiet oħra hija koperta mill-Line Item 22 Materials and Supplies fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li kopja tiegħu tpoġġjiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direct Orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Novembru 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 22562.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Public Service Expo 2024 - Stands

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19988, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq l-istess Public Service Expo 2024 minn kull entità u/jew aġenzija li taqa’ taħt l-istess Ministeru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninsab informat illi t-tweġiba li tajt lill-Onor Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 19988 hija komprensiva għall-entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet — Bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-sena 2023 u Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3541, 3817 u 15892 u jgħid mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum kemm-il triq saret mill-Ministeru tiegħu, lokalità b'lokalità? Jista' jgħid f'kull każ jekk ix-xogħol hux lest jew jekk għadu mhux lest x'fadal isir? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża totali jew l-ispiża s’issa fuq l-istess, triq bi triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Proġetti u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti u inizjattivi saru fuq Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u fiex kienu jikkonsistu mill-Ministeru tiegħu ġewwa Għawdex matul is-sena 2023 u s-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti u inizjattivi fuq Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali hemm ippjanati li jsiru għas-sena 2025 u fiex jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-Direttorat EkoGħawdex qiegħda ssir ħidma ta’ riċerka fuq l-effiċjenza fl-użu tal-ilma għall-irrigazzjoni. Dan qed isir permezz tal-proġett MED-WET li hu ffinanzjat mill-PRIMA. Matul l-2024 u l-2025, l-istess direttorat qed imexxi wkoll il-proġett tal-LIFE RBMP fejn ser ikun riċerkat l-effett tal-ilma tan-‘New Water’ fuq il-prodotti agrikoli meta mqabbla mal-ilma tax-xita. Għal dan il-għan ser tkun qed tintuża s-serra li nbniet taħt il-proġett tal-MED-WET. Apparti minn hekk, id-direttorat għall-Affarijiet Rurali sottometta żewġ applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanjar biex isir upgrading fil-Cold Stores u upgrading fil-Biċċerija. L-upgrading fil-Cold Stores jinkludi l-introduzzjoni ta’ freezers ġodda, filwaqt li fil-biċċerija ser isir titjib fiż-żona tal-Animal by Products.