Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Heliport Limited hija entita’ governattiva fejn il-Gvern għandu 100% mill-ishma tramite l-Malta Government Investments Limited. Flus allokati fil-baġit tas-snien imsemmiegħa kienu ta’ €200,000 f’kull sena.
Il-Heliport ta’ Għawdex jinsab fil-periferija tal-lokalita’ tax-Xewkija, preċiżament fi Triq ta’ Lambert li hija konnessa direttament mar-rotta tal-arterja ewlenija ta’ Għawdex u cioe’ Triq l-Imġarr, li twassal mill-Port tal-Imġarr għar-Rabat Ghawdex, cioe’ il-Belt Victoria. Għalhekk jinsab 'il barra minn żoni residenzjali (bl-eqreb cluster residenzjali stabbilit jinsab madwar 300 metru 'il bogħod fi Triq l-Imgarr), iżda in realta’ il-lokalitajiet ta' Għajnsielem u Xewkija jinsabu f'distanza minima ta' kilometru. Jinsab ghaldaqstant qrib ħafna tar-rotta ewlenija. f'termini ta' konnettività tal-vetturi, specjalment issa li biswit dan l-istess sit, hemm it-terminus tal-Park and Ride minn ta’ Lambert ghal Port tal-Imgarr.
Jingħad li l-ħeliport imur lura ghas-sena 1943 fejn ġew imnaddfa diversi tumoli ta’ għelieqi fix-Xewkija biex jagħmlu post għal airstrip li permezz taghha Malta u Ghawdex ippartecipaw fl-Operazzjoni Husky u cioe’ l-invazjoni tal-Forzi Alleati Amerikani u Brittanici, gewwa l-gzira fit-Tramuntana taghna, Sqallija li kienet dak iz-zmien taht il-kontroll tar-regime Faxxista-Nazista. L-ajruport ta’ żmien il-gwerra kien jinsab ftit eqreb lejn ir-raħal tax-Xewkija, bejn il-ħeliport preżenti u r-raħal li ghadni kif semmejt. Wara l-gwerra, l-għelieqi f’Ta’ Lambert fix-Xewkija Għawdex ġew imnaddfa biex jagħmlu post għal airstrip, liema pjan twaqqaf ftit wara, u l-art ingħatat lura lill-bdiewa. L-art sussegwentement intużat mill-Forzi Brittaniċi bħala landing pad tal-ħelikopter. Fl-1968 il-Gvern beda jahseb biex jikkommetti ruhu sabiex issir airstrip vera u proprja, u anke kienu ingiebu f’Hal-Luqa zewg Islanders appositament. Dawn inbieghu fl-1970, u l-Gvern Laburista gdid tas-sebghinijiet beda mbaghad jahseb ghal pont fiziku permanenti bejn Malta u Ghawdex.
Eventwalment din l-airstrip ġiet imtejba fl-1996 mill-Gvern Malti biex jipprovdi ambjent aktar sigur għat-trasport bl-ajru tal-ħelikopters. Kien hemm titjiriet skedati b’ħelikopter bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Heliport tax-Xewkija. Dawn inbdew mill-Malta Air Charter fl-1990, li waqfet topera fl-2004. Ta’ min isemmi per ezempju, li sa tmiem is-sena 1994, kien hemm 5,800 titjira bil-ħelikopter illi kienu ġarrew 51,378 passiġġier.
Minn Marzu 2005 sa Ottubru 2006 it-titjiriet imbaghad saru mill-kumpanija Helicópteros del Sureste. Fl-2008 il-Heliport gie abbandunat hlief ghal xi titjiriet micro-light. Bħalissa, l-ebda titjira skedata ma ssir mill-ħeliport, ħlief għal skopijiet ta’ emerġenza biss. Bejn l-1990 u l-2008, ħames kumpaniji differenti tal-ħelikopters kienu ppruvaw joperaw is-servizz tal-ajru bejn il-gżejjer, b’dawn kollha eventwalment spiċċaw mingħajr negozju.
L-infrastruttura attwali tal-Heliport Terminal amministrata mill-Gozo Heliport Ltd taħt il-mandat tal-Ministeru għal Għawdex ġiet aġġornata u inawgurata l-aħħar f'Mejju 1996 wara investiment ta' LM 550,000 mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili (DCA) u l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (MIA) li l-ishma ta’ maġġoranza tagħhom imbagħad kienu għadhom proprjetà tal-Gvern. Minkejja dan, il-Ħeliport ta’ Għawdex ilu ma jintużax mill-2008, b’diversi sforzi biex iż-żona tiġi riġenerata minn dakinhar.
Iż-żona li tmiss mal-Heliport eżistenti tnaddfet minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Plant Troop, bejn l-2013 u l-2014 bi tħejjija għal runway ta’ ħaxix ta’ 900 metru. Is-sit ta’ 40,000 metru kwadru kien miksi b’sejjieħ u skart mill-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll karkassi. Dan il-proġett aktar tard tpoġġa fuq l-ixkaffa u llum is-sit jinsab fi stat mitluq.
Mill-2015 sal-lum, id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta (TM) ilu jwettaq studji dwar il-possibbiltà li jerġa’ jiġi attivat servizz tal-ajru tal-ħelikopters bejn il-gżejjer. Dawn l-istudji jkomplu jissuġġerixxu li l-ispiża biex jiġi attivat mill-ġdid servizz tal-ħelikopter hija akbar minn ajruport qasir ta’ tlugħ u nżul għal inġenji tal-ajru bil-ġwienaħ fissi. Dan huwa prinċipalment, minħabba l-fatt li ħeliport jillimita n-numru ta’ utenti u opportunitajiet ta' investiment, u huwa inqas favur l-ambjent. Barra minn hekk, pjanijiet preċedenti kienu kbar fl-iskala u daħlu fuq art agrikola ta’ sidieni privati bi stima ta’ spiża ta’ żvilupp li teskala għal €14-il miljun. Bħalissa l-ħeliport jintuża biss f'każijiet ta' emerġenza mill-ħelikopters tal-ambulanza tal-ajru.
Il-ħeliport jikkonsisti f’żewġ helipads wiesa’ 22 metru, konnessi b’runway tal-asfalt, biex jiffurmaw runway twila ta’ 174 metru fid-direzzjoni 10/28. Il-Ħeliport kien iddisinjat bħala ‘runway fixed-wings għall-użu mill-ħelikopters, meta l-istandards u r-rekwiżiti kienu pjuttost differenti. Iridu jsiru bidliet sabiex il-Heliport jissodisfa l-istandards tal-ICAO tal-lum u jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti operattivi. Jenħtieġ ghaldaqstant aġġornament għar-regolamenti attwali, u fil-preżent jista' jiġi utilizzat biss għal inżul ta' ħelikopters ta' emerġenza.
Is-sit attwali fejn qed jiġu proposti x-xogħlijiet jikkonsisti f’żona ta’ ħaxix, parzjalment ġewwa u parzjalment barra l-fencing perimetali sigur. Partijiet sinjifikanti tas-sit barra l-ilqugħ huma ikkaratterizzati minn materjal inerti mormi, li partijiet minnu issa huma koperti bil-veġetazzjoni.
Dan is-sit qabel kien suġġett ukoll, għall-Applikazzjonijiet għall-Ippjanar, Avviżi ta’ Infurzar u Ordni ta’ Notifika ta’ Żvilupp li ġejjin:
• PA/01864/94; Estensjoni tal-faċilitajiet tal-Helipad Fażi 1 - Kostruzzjoni ta' Żona Finali ta' Avviċinament u Tlugħ (FATO) - Meħtieġa b'mod urġenti fid-dawl tar-rekwiżiti tas-sikurezza. Fażi 2 - It-Tieni Helipad, Taxi-way, żewġ żoni ta' parkeġġ tal-ħelikopters, parkeġġ għal vetturi tan-nar, triq ta' aċċess u ċnut – Approvat.
• EC/00424/95; Rimi ta' materjal mingħajr permess - Ingħata permess biex jiġi sanzjonat l-iżvilupp illegali.
• EC/01171/95; Aġġornament tal-faċilitajiet tat-terminal ta' Għawdex mingħajr permess - Ingħata permess biex jiġi sanzjonat l-iżvilupp illegali.
• PA/02774/95; Servizzi tal-Ajru Malta-Għawdex - Aġġornament tal-Faċilitajiet tat-Terminal ta’ Għawdex – Approvat.
• PA/00158/96; Għal Malta - Gozo Air Services, titjib tal-faċilitajiet tat-Terminal ta’ Għawdex – Approvat. • PA/06726/96; 1. Kostruzzjoni ta' faċilitajiet ta' fire station. 2. Kostruzzjoni ta’ kamra ta' osservazzjoni u mħażen sottostanti. 3. Rilokazzjoni taċ-ċint tas-sigurtà 4. Aċċess tal-pavimentar tal-asfalt għall-istazzjon tan-nar u ż-żona tal-helipad – Approvat.
• EC/00386/98; Heliport - sala mingħajr permess - Ingħata permess biex jiġi sanzjonat l-iżvilupp illegali.
• DN/01609/13; Depożitu ta' materjal jew ħamrija fuq art agrikola eżistenti – Approvat.
Madanakollu, l-aċċessibilita tal-gżira Għawdxija tinsab fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ dan il-Gvern. Għaldaqstant, wara li b’suċċess ġie introdott ir-raba vapur mal-flotta tal-Gozo Channel bl-iskeda aktar frekwenti, wara li ġie introdott b’suċċess ukoll is-servizz tal-Fast Ferry fejn il-Gvern investa fl-infrastruttura tal-Mġarr u l-Belt Valletta filwaqt li żewġ operaturi privati bdew joffru dan is-servizz veloċi bejn il-Belt u l-Mġarr, wara li b’suċċess ukoll ġiet introdotta it-
tieni fibre optic cable
sabiex illum il-ġurnata Għawdex huwa konness aħjar anka b’mod diġitali, wara l-introduzzjoni tal-Park and Ride b’servizz permess ta’ 6 karozzi tal-linja elettriċi sabiex anka tiġi promossa bidla modulari fil-mod ta’ kif wieħed jivvjaġġa, il-pass naturali huwa issa li inkomplu b’dawn is-suċċessi fil-konnettivita ta’ Għawdex anka permezz tal-ajru.
Għaldaqstant, tul dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma intensiva minn diversi nies tekniċi sabiex Għawdex, għall-ewwel darba, jkellu l-ajruport reġjonali tiegħu. Pero’ , il-
brief
li n-nies tekniċi kellhom kien wieħedċar. Li:
1) Ma tittieħed l-ebda art agrikola addizjonali minn dak li preżentament hemm
committed
2) Tali ajruport jkollu l-inqas impatt ambjentali
3) Tali ajruport jkun jista’ jilqa fih ajruplani li jġorru sa massimu ta’ 9-11 -il passiġġier
Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni issa li titnehdi konsultazzjoni pubblika mill-Gozo Regional Development Authority sabiex jiġu ppreżentati il-pjanti, id-disinji u l-aspetti tekniċi oħrajn u jibda ukoll jinġabar il-feedback mingħand il-pubbliku u l-entitatjiet, awtoritajiet, NGO’s u dawk kollha li jixtiequ jikkumentaw fuq tali proġett. Hekk kif tali konsultazjoni pubblika tintemm, il-Gvern jiddeċiedi jemendax jew le, jimplementax jew le it-tali proġett u tiġi sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar.
Tali proġett mhux biss se jkun ifisser aċċessibilita bl-ajru bejn iż-żewġt igżejjer, iżda potenzjal ferm akbar ta’ investiment f’Għawdex u attivita akbar ekonomika f’din il-gżira b’setturi li jkunu lesti li jinvestu f’Għawdex, kemm f’oqsma li jkunu relatati direttament mal-ajruport kif ukoll il-potenzjal kbir ta’
multiplier effect
li tali proġett jista’ jħalli.