Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — Pyschiatric Unit - Television

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fejn jieklu u jkunu l-pazjenti tal-Pyschiatric Unit fl-Isptar Mater Dei ilhom ġimgħa mingħajr television? Jista' jara li dawn il-pazjenti jkollhom dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-television tal-pazjenti tal-Psychiatric Unit fl-isptar Mater Dei ma jistax jiġi rranġat għax mhux aktar possibli li jinstabu l-ispare parts għalih. Għaldaqstant tqiegħed television ieħor minnufih.

ħrieqi mogħtija lill-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-kwalità ta’ ħrieqi (nappies) li qed jingħataw lill-persuni b’diżabilità peress li wasluli numru ta’ rapporti li dawk li qed jingħataw huma ta’ kwalità inferjuri minn dawk li kienu jingħataw qabel?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kwalità ta’ ħrieqi (nappies) li qed jingħataw lill-persuni b`diżabilità huma skont il-kriterji meħtieġa, u kif maħruġa mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Kumunità. Dan l-arranġament ser jibqa fis-seħħ sal-15 ta` Marzu 2012 peress li fis-16 ta’ Marzu 2012 il-kuntrattur se jinbidel.

Pilloli Concerta — ADHD

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Concerta li jingħataw lill-adoloxxenti li jbatu bl-ADHD mhux qed jingħataw b'xejn lill-ġenituri b'limitazzjonijiet finanzjarji?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċina methylphenidate hydrochloride tinstab fil-Formularju tal-Gvern iżda mhux bid-ditta Concerta . Il-kundizzjoni ‘Disturbi Psikjatriċi Kroniċi li jibdew mit-Tfulija’ hija kundizzjoni li se tiġi ntrodotta uffiċjalment kif tidħol fis-seħħ ir-riforma ta’ Skeda V, jiġifieri mis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012.

għajnuna lill-ġenituri ta' tfal li huma milk protein intollerant

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jagħtix għajnuna lill-ġenituri li għandhom tfal li huma milk protein intollerant bħal fil-każ ta' intolleranza għal-lactoseperess li dawn il-ġenituri ukoll iridu ta' kuljum jixtru sostitut li jiswa aktar minn ħalib normal?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-Formularju tal-Gvern hemm numru ta’ formuli speċjalizzati ta’ ħalib tat-trab għat-trabi tat-twelid u tfal, li dawn jistgħu jingħataw f’każijiet ta’ kundizzjoniet kroniċi li jinstabu fuq il-lista ta’ kundizzjonijet ta’ Skeda V, li se tiġi emendata uffiċjalment kif tidħol fis-seħħ r-riforma tal-istess Skeda, jiġifieri mis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012.

Trabi li Twieldu lill-Ommijiet tas-sittax-il sena

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32417 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u mistoqisja parlamentari 32244 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġew riferuti lilu u jgħid kemm twieldu tfal lill-ommijiet ta' sittax-il sena u taħt dik l-età fis-sena 2011? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin l-ommijiet f'kull każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-sena 2011 twieldu 32 tarbija lill-ommijiet ta’ 16-il sena u inqas. It-tabella t’ hawn taħt turi minn liema lokalitajiet kienu ġejjin l-ommijiet. Region Births North 4 North Harbour 6 South East 4 South Harbour 14 West 2 Gozo 2 Total 32

Applikazzjoni għad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament sabiex jidħol fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa peress li ilu aktar minn sena fuq il-waiting list u li għandu 85 sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applika biex jidħol fid-Dar tal-Anzjani tal-Mtarfa fil-15 ta’ Marzu 2011 u ġie approvat mill-Bord tal-Ammissjoni. B’hekk l-imsemmi anzjan qiegħed fuq il-lista ta’ stennija għad-Dar tal-Anzjani tal-Mtarfa.

Sptar Zammit Clapp — nuqqas ta' servizzi provduti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li, għad li l-pazjenti rikoverati l-Isptar Zammit Clapp qed iħallsu, dawn huma sprovisti minn mediċini u servizzi oħra bħal TV u tabib matul il-lejl fost servizzi bażiċi oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħal Djar għall-Anzjani oħra tal-Gvern, residenti fir-Residenza għall-Anzjani Sptar Zammit Clapp huma ntitolati għall-mediċini skont l-Iskema tal-Ispizjar tal-Għażla Tiegħek. Id-Dipartiment jipprovdi ħrieqi u consumables oħra skont il-ħtieġa tar-resident. Is-servizz tat-tabib jiġi pprovdut f`kaz ta` emerġenza mit-tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Lokalità. Is-servizz ta’ TV qiegħed fil-proċess li jiġi nstallat fir-Residenza Sptar Zammit Clapp wara li ħarġet il-call for quotes rispettiva.

isptar tal-onkoloġija l-ġdid — service rooms

Question

Jista' l-Ministru jara li l-isptar tal-onkoloġija l-ġdid ikun fih service rooms fost is-sodod tiegħu biex l-aktar każijiet terminali jkollhom aktar privatezza?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċentru il-ġdid tal-Onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei se jkun mgħammar b’Palliative Care Ward speċjalizzata biex il-każijiet terminali kollha jkollhom il-privatezza tagħhom.

Sptar Mater Dei — sodod mhux okkupati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm sigħat li fihom is-sodod tal-Isptar Mater Dei ma kenux okkupati matul l-aħħar sena? Kemm minn dawn is-sigħat kienu ta' sodod f'single rooms?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

sentenza kontra l-Awtorità tas-Sanità

Question

Fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili Sede Superjuri kontra l-Awtorità tas-Sanità fit-28 ta' Lulju 2011 fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jitnbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux xi passi dixxiplinarji kontra l-persuni involuti u kkundanati fl-istess sentenza mogħtija? Tħallas xi kumpens mill-awtorità jew mill-gvern minħabba din is-sentenza? Jekk iva kemm kien il-kumpens?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dan il-każ qiegħed jiġi appellat u għaldaqstant huwa prematur li jittieħdu passi abbażi tas-sentenza msemmija.

Sptar Mater Dei — Applikazzjonijiet għal medical lab scientists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-medical lab scientists mal-Isptar Mater Dei wara s-sejħa li saret f’Jannar 2012? Meta mistennija jsiru l-interviews? Kemm mistennija jimtlew postijiet battala?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sejħa li għaliha qed issir referenza hija għal Medical Laboratory Technologists fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita, u li għal din is-sejħa ntlaqgħu 21 applikazzjoni. Ġie kkonfermat illi sar xogħol preparattiv sabiex ikunu jistgħu jsiru l- interviews . Il-postijiet battala jimtlew skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku u skont kif approvat mill- Public Administration HR Office u l-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.

talba għal trasferiment

Question

Jista' l-Minsitru jara l-każ tal-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għalkemm għamlet ittra bil-miktub biex tiġi trasferita mill-dar tal-anzjani fejn qiegħda għar-Residenza San Vinċenz de Paul, xi sena ilu xorta waħda għadha fejn hi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mir-relocation report li sar sabiex din il-pazjenta tiġi trasferita għal San Vinċenz, irriżulta (mill-parir tal-Community Home Advisory Committee (CHAC)) li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għandha l-kura u l-attenzjoni kollha meħtieġa. L-applikazzjoni ta’ din l-anzjana ġgiet imqiegħda fil-lista ta’ stennija għal San Vinċenz de Paul.

Trosopt eye drops

Question

Billi huwa mifhum li hemm numru ta' persuni li ma jaqblux magħhom l-eye drops Azopt, jista' l-Minsitru jindika meta ġew ordnati l-eye drops li kienu jingħataw qabel – Trosopt – u meta mistennija tasal il-konsenja f’pajjiżna għad-distribuzzjoni normali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li saret ordni fil-21 ta’ Dicembru 2011. Din l-ordni waslet u l-prodott qiegħed in stock.

Sptar Mater Dei — waiting list għall-operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31821 u jgħid x'inhu n-numru ta’ nies li qegħdin fil-waiting lists għall-operazzjonijiet u għal servizzi oħra fl-Isptar Mater Dei? Jista’jagħti lista ta’ x’inhuma l-operazzjonijiet u s-servizzi l-oħra ta’ dawn il-waiting lists u jgħid kemm hu ż-żmien ta’ stennija f’kull każ? Jista’ jagħti dan it-tagħrif għal pazjenti residenti f’Malta u f’Għawdex rispettivament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema V — kartuna li għadha ma waslitx

Question

Jista' l-Ministru jara x'sar mill-Kartuna Skema V tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li għadha ma rċeviet xejn u dalwaqt trid iġġib il-mediċini?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara li ġie kkuntattjat il-pazjent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant biex tiġi nvestigata l-problema, il-pazjent ikkonferma li ma kienx hemm problemi peress li l-permess li kien qed jistenna kien wasal bil-posta. Il-pazjent kellu wkoll kartuna safra f’idejħ u għalhekk ma kellux problemi biex jiġbor il-mediċini.

grad ta' persuna taħdem maċ-ċivil

Question

Jista' l-Ministru jara l-grad tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kien chargehand mal-privat, ikollu dan il-grad miġjub fl-istess grad ma' impjegati tal-istess grad fiċ-ċivil u dan peress li qed iħoss li hu żvantaggjat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li l-persuna indikata għandha grad mal-gvern, u għaldaqstant jista’ jingħata grad mas-Servizz Pubbliku biss skont id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Testijiet ġenetiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm testijiet ġenetiċi intbagħtu barra fis-sena 2011? Kemm kienet l-ispiża totali ta' dawn it-testijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul is-sena 2011 intbagħtu 252 testijiet ġenetiċi barra minn Malta. Dawn ammontaw għal mijja u disa’ u għoxrin elf, mitejn u erbatax-il Ewro (€129,214).

Applikazzjoni għal dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' żewġt anzjani, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li jinsabu veru fi stat li jinġabru f'dar tal-anzjani fejn dawn applikaw imma jidher li qegħdin fil-lista ta' prijorità u li għandhom iċ-ċertifikati anke ta' psikjatra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mara u r-raġel li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant applikaw f’Jannar u fi Frar ta’ din is-sena rispettivament, għalhekk dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu proċessati.

ikliet u riċevimenti organizzati l-ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2011 u matul Jannar u Frar 2012 kemm ikliet u riċevimenti organizza l-ministeru, fejn ġew organizzati dawn l-ikliet u r-riċevimenti? Kemm swew kull wieħed u min kien mistieden għalihom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.