Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa — inħawi tat-Tomna - proġett ta' micro enterprises

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx ħsieb li jitkompla l-proġett ta' micro enterprises li kien propost għall-inħawi tat-Tomna, il-Mellieħa, li permezz tiegħu kellhom jinbnew diversi garaxxijiet għall-industrija?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-Malta Industrial Parks qeda tipprepara Request for Proposals għall-proġett imsemmi fis-sit tat-Tomna, fil-Mellieħa.

Xiri ta' Petrol u Diesel tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu l-Platts average monthly CIF Med. tal-petrol u diesel li tixtri l-Korporazzjoni Enemalta bejn Jannar u Mejju 2012? Jekk għal xi raġuni ma jistax jagħti l-prezzijiet taż-żewġ prodotti, jista' juża l-prezzijiet ta' dawn iż-żewġ prodotti kif kienu f'Jannar 2012 u juża 100 bħala bażi, imbgħad iżid jew jnaqqas skont kif kien il-każ fi tmien Frar, Marzu, April u Mejju 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’seduta oħra.

power stations — enerġija mis-sħana ġġenerata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux studji biex is-sħana ġġenerata mill-power stations tiġi riċiklata f'enerġija? Kemm hu maħsub li jiġi ġenerat u l-ispejjeż li hemm biex dan isir huma sostenibbli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-proċess ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija mill-Power Station f’Delimara s-sħana li hemm fil-exhaust li tiġi ġġenerata mill-proċess ta' combustion fuel tiġi riċiklata f’enerġija. Filfatt, 9% tal-eletriku tal-impjant il-ġdid qed jiġi ġenerat b’dan il-mod. Fid-diżinn tal-proġett tal-estensjoni, ingħatat kull attenzjoni biex l-proċess ta’ konverzjoni tal-enerġija jkun mill-aktar effiċjenti u fl-istess waqt jibqa ekonomikament vijabbli. Il-combined cycle plants (jiġifieri kemm it-turbina tal-gass kif ukoll il-magna diesel il-ġdida) għandhom sistemi ta’ rkupru li jippermettu l-użu tas-sħana mill-exhaust. Dan għaliex l-exhaust, wara li jgħaddi mill-proċessi intiżi li jnaqqsu drastikament l-emissjonijiet, jgħaddi għall-boiler li jsaħħan l-ilma u jibdlu fi fwar. Dan il-fwar jintuża biex titħaddem l-isteam turbine, biex b’hekk tittieħed ukoll l-energija tal-exhaust u jiġi prodott 13 MW mill-enerġija maħżuna fl-exhaust. Dan huwa ekwivalenti għal madwar 9% mill-elettriku ġġenerat fl-impjant il-ġdid.

WSC — water meters

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex xi pjanijiet biex tiddisponi mill-water meters l-antiki? Jekk iva kif se jsir dan? Ħareġ jew inħareg xi tender? Jekk iva, fiex wasal?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiddisponi mill-meters ta’ l-ilma antiki billi minn żmien għal żmien tbiegħ dawn il-meters permezz ta’ tender.

Birżebbuġa — Qajjenza - Għeluq ta' depot tal-gass tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jingħalaq id-depot tal-gass tal-Korporazzjoni Enemalta fil-Qajjenza f'Birżebbuġia?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-impjant tal-Gas tal-Qajjenza jingħalaq meta l-Gasco tibda topera l-impjant il-ġdid tagħha f’Bengħajsa. Jidher li min-naħa tal-Gasco s’issa kollox miexi skont l-iskeda u huwa mmirat li dan iseħħ lejn l-aħħar ta’ Lulju 2012.

Arms Ltd — żbalji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ARMS Ltd qed tagħmel ħafna żbalji fis-sistema tal-kontijiet li jkunu ġew trasferiti fuq persuni fl-istess familji billi qed ineħħu n-numru tar-residenti kollha mill-kontijiet tagħhom bil-konsegwenza li dawn qed jitilfu s-sussidju? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn il-familji wara li jindunaw b'dawn l-iżbalji minn naħa tal-ARMS Ltd qed jgħidulhom biex japplikaw għall-bdil tan-numru ta' residenti u r-refund jingħatalhom mid-data li jissottomettu din l-applikazzjoni mill-ġdid? Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn l-iżbalji simili ma kenux isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Problema tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana ta' 86 sena li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hemm xi problema fil kont tal-ilma peress li ġie €2,535 u ma jidhirix li hemm kontijiet pendenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Air Malta — Titjiriet minn Malta lejn Benghażi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew joperaw it-titjiriet minn Malta lejn Benghażi mil-linja nazzjonali tal-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija kummerċjalment sensitiva.

Pjanijiet għal tibdil tal-post minflokk ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35137 u l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 34675 li oriġinajrament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: Jista' jgħid x'inhuwa l-pjan fejn qabel kien hemm ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata seduta oħra.

LPG mingħajr mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35055 u 34783 u jikkonferma li fl-imgħoddi dejjem kienet il-prattika li qatt ma kien jinġieb l-LPG mingħajr mercaptan diġà mħallat miegħu? Jista' jikkonferma wkoll li f’dawk il-każijiet rari fejn xi drabi l-LPG ma jkunx diġà fih l-mercaptan, il-Korporazzjoni Enemalta nnifisha kienet tara li r-raffinerija minn fejn kien jitgħabba l-prodott, kienet tipprovdi wkoll anki mercaptan u/jew fuq il-vapur waqt li jkun ġej, jew inkella meta jkun qed iħott l-LPG għal fil-istallazzjoni tal-Qajjenza sabiex issir it-taħlita meħtieġa? Huwa minnu li sa ftit żmien ilu ma kienx jinxtara l-mercaptan sfuż? Minn meta beda jsir dan? Min kien ħa d-deċiżjoni li jibda jinxtara l-LPG mingħajr mercaptan diġà mħallat mal-prodott? Ġie stabbilit għaliex inxtrat dik il-kwantità kbira ta’ mercaptan meta ma kienx se jiġi użat? Meta nxtraw dawn it-tankijiet ikkonċernati bil-mercaptan li kienu suġġetti għall-inkjesta riċenti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-rapport tal-Bord of Inquiry into the alleged irregular disposal of the chemical Mercaptan by Enemalta Corporation li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 30t’April, 2012, f’seduta Nru. 466

kontijiet li qed joħorġu l-Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35029 u jgħid x’inhi r-raġuni li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed joħorġu f’mod haphazard anki għall-perjodi li jvarjaw peress li hemm kontijiet fejn l-ewwel kien hemm min ġie invoiced mill-24 ta' Awwissu 2011 sal-10 ta' Marzu 2012 biex ftit wara irċieva kont ta' xahar biss mill-11 ta' Marzu 2012 sat-13 ta' April 2012 meta l-konsumatur huwa regolari ħafna fil-ħlas lill-ARMS Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jelenka d-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropeja flimkien mal-korrispettiv Att Malti li bih dawn id-direttivi ġew introdotti fis-sistema legali Maltija? Jista' jinkludi dawk id-direttivi li ġew transposed kemm fl-Atti Parlamentari, avviżi legali jew atti oħra, inklużi dawk amministrattivi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35239.

Ħal Qormi — Triq Valletta - arblu tal-injam

Question

Jista' l-Ministru jara li l-arblu tad-dawl tal-injam li hemm imwaħħal tempranjament fi Triq Valletta ftit 'il bogħod minn Triq il-Mitħna Ħal Qormi u biswit bini ġdid jitneħħa minn hemm minħabba l-periklu li dan jista' jikkawża?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-arblu tal-injam m’huwiex arblu tal-Enemalta.

Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex — breakdown tar-returns

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34509 fejn bħala risposta rreferieni għall-mistoqsija parlamentari 34508 li jiena kont għamilt lill-Ministru għal Għawdex u li għal liema mistoqsija, il-Ministru ma tatx l-informazzjoni mitluba u allura ż-żewġ Ministri qed jitfgħu dubbji serji fuq it-trasparenza, serjetà u kontabilità tal-Gvern fl-infiq ta’ flus il-poplu, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns bi breakdown dettaljat tal-ispiża li saret fuq kull item tal-Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex li ntbagħtu lill-Budget Office fil-Ministeru tiegħu għal Diċembru 2010 u għal Diċembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Labour Force Survey

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35087 u 34645 u jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament kemm kien fl-aħħar tal-2010 u tal-2011 a) il-labour supply; nisa għalihom u rġiel għalihom; b) n-numru ta’ nies jaħdmu full-time , nisa għalihom u rġiel għalihom skont l-attività ekonomika; ċ) in-numru ta’ nies, nisa għalihom u rġiel għalihom, jaħdmu iżda li kellhom xogħol part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom skont l-attività ekonomika; d) in-numru ta’ nies jaħdmu part-time , nisa għalihom u rġiel għalihom skont l-attività ekonomika?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Public Service Obligation — kumpanija Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35020 u cioè b’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34503 dwar in-nefqa kull sena fuq il-Public Service Obligation li l-gvern għandu mal-Gozo Channel Co., jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kull sena li tkopri l-passiġġieri Għawdxin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Refund fuq VAT tat-tieġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34542 u jgħid għaliex ir-refund tal-VAT fuq it-tieġ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għadhom ma ngħatawx?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li r-refund tal-VAT fuq it-tieġ tal-persuna msemmija qiegħed jiġi pproċessat sabiex jinħareġ il-pagament dovut skont l-Att Legali 585/2001.

Talba tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jara li titmexxa t-talba tal-VAT tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ingħatat lid-Dipartiment tal-VAT li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li rċieva kont ta' €6,000 tad-dawl u ilma meta s-soltu qatt ma kien jiġi aktar minn €400?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Arms Ltd — għajnuna biex jitħallas kont

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament tiġi mgħejjuna mill-kumpanija ARMS Ltd dwar kif tista' tħallas il-kont tad-dawl imma b'mod li ma jinħoloqx tbatijiet għaliha u għal dawk il-persuni li jgħixu magħha minħabba ċ-ċirkustanzi soċjali li tinsab fihom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.