Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skrivani fl-iskejjel li għalqu l-eta' tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm skrivani li fil-preżent għadhom jaħdmu fl-iskejjel minkejja li għalqu l-età tal-pensjoni? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid min huma dawn l-impjegati u f'liema skejjel qed jaħdmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent hemm skrivana (part-time) waħda biss li ngħatat permess tibqa’ taħdem fl-iskola minkejja li għalqet l-età tal-pensjoni.

Servizzi residenzjali lil persuni adulti b'diżabilita'

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jipprovdi servizzi residenzjali lil persuni adulti b'diżabilita' li jisfaw waħedhom wara li jmutulhom il-ġenituri tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija SAPPORT taħdem mal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom biex tassigura l-mezzi, l-opportunitajiet u s-servizzi li bihom huma jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja tal-komunità. Fil-preżent l-aġenzija tħaddan fiha 6 residenzi li jipprovdu servizzi residenzjali lil persuni adulti b’diżabilità. Dawn b’ kollox jilqgħu fihom 46 klijent. Oltre minn hekk, l-aġenzija toffri 7 postijiet residenzjali oħra : 7 ġewwa Dar Arka u 10 f’ Dar Pirotta. Il-pjan tal-gvern hu li dawn is-servizzi jiżdiedu gradwalment. Huwa mportanti li wieħed isemmi li għalkemm teżisti l- waiting list, meta jkun hemm każi li huma urġenti, isir kull mezz possibli biex dawn jiġu akkomodati mill aktar fies possibbli. *Vide PL 8268 li ngħatat nhar l-Erbgħaa 26 ta' Ottubru 2011 fis-Seduta 398

LSA — kundizzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-Learning Support Assistants li jagħmlu xogħol ta' facilitators, billi għad hemm xi ftit minnhom li saħansitra qegħdin biss on call u jitħallsu skont is-sigħat li jagħmlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kundizzjonijiet tal-LSA ġew miftehma mal-Union tal-Għalliema fi ftehim li sar ftit tax-xhur ilu. L- LSAs on call jiġu msejħa biss meta LSA regolari jew supply tkun ma tiflaħx jew assenti mix-xogħol. Dawn infatti f’sena jaħdmu ftit siegħat biss u għalhekk jitħallsu b’rata ta’ kull siegħa.

skejjel Primarja ta' Marsaskala, San Pawl il-Baħar, Mosta u Rabat Għawdex — informazzjoni

Question

B'referenza għall-iskejjel primarja ta' Wied il-Għajn, San Pawl il-Baħar, Mosta u Rabat Għawdex, tista' l-Ministru tgħid f'din s-sena skolastika li dalwaqt se tispiċċa, kemm hu n-numru totali ta' studenti? Kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin u kemm minnhom huma ta' nazzjonalità barranija? Ta' liema nazzjonalità? Tista' tagħti l-istess informazzjoni għas-sena skolastika ta' ħames snin ilu u ta' għaxar snin ilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

White Rocks — proġett tal-iżvilupp sportiv

Question

B'referenza għall-proġett tal-iżvilupp sportiv fil-White Rocks, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal dan il-proġett meta l-Gvern kien iddikjara lura fid-9 ta' Ġunju 2011 li sal-aħħar tas-sena li għaddiet kienu se jiġu konklużi n-negozjati biex isir investiment ta' €200 miljun? Kemm-il laqgħa saret dwar dan il-proġett? Meta kienet l-aħħar laqgħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25858.

MTA — Marsa Sports Village

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'konsultazzjonijiet saru mal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu u s-segretarjat parlamentari tat-turiżmu dwar il-proġett tal-Marsa Sports Village peress li jinkludi ukoll lukanda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà saret konsultazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu dwar dan il-proġett minħabba li fih element ta’ turiżmu sportiv. Il-proġett ippjanat għall-Marsa huwa possibli li jinkludi fih lukanda wara konsultazzjoni miftuħa għal kulħadd u mmexxija mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li saru qabel ġie emendat il-Pjan Lokali.

Marsa Sports Village — użu ta' art

Question

Peress li l-proġett tal-Marsa Sports Village jinkludi l-użu ta' art li bħalissa tinsab għand il-privat, tista' l-Ministru tgħid jekk is-sid ġiex avviċinat biex isir magħruf hux lest jitlaq l-art biex tintuża għall-proġett jew hemm il-ħsieb li l-gvern jieħu l-art għall-proġett? Fil-każ, min se jkun qed jixtri l-art privata; l-iżviluppatur jew il-Gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn informazzjoni li għandi l-gvern diġà beda l-proċess biex jieħu l-art in kwistjoni.

Marsa Sports Village — laqgħat ma assoċjazzjonijiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid ma' liema assoċjazzjonijiet sportivi saru laqgħat dwar il-proġett tal-Marsa Sports Village? Kemm saru minn dawn il-laqgħat u x'inhuma r-reazzjonijiet ta' dawn l-assoċjazzjonijiet għall-impatt li se jħalli fuqhom dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Diversi assoċjazzjonijiet sportivi qed jiġu kkonsultati dwar il-proġett ippjanat għall-Marsa. Din il-konsultazzjoni hija neċessarja biex wieħed jidentifika l-assoċjazzjonijiet interessati li jkunu parti mill-proġett u x’jinvolvi l-interess tagħhom partikolarment fi speċifikazzjonijiet ta’ kwalità, spazju u użu. Il-laqgħat sa issa saru mar-rappreżentanti ta’ dawk id-dixxiplini li diġà jużaw l-ispazju fil-Marsa identifikat għall-proġett iżda fil-ġranet li ġejjin huwa mistenni li jsiru konsultazzjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ dixxiplini oħra li sal-lum ma humiex inklużi fil-proġett tal-Marsa u li jistgħu jiġu inkluzi wkoll. Filwaqt li l-għaqdiet sportivi kollha kkonsultati rrikonixxew il-potenzjal qawwi tal-proġett għall-isport Malti, il-fażi ta’ konsultazzjoni għadha mhix konkluża u anqas għadu ma ġie konkluż il-project brief u allura għadu prematur biex wieħed jitkellem dwar reazzjonijiet konklussivi mill-għaqdiet dwar l-impatt li se jkollu fuqhom il-proġett.

Mcast — pjanijiet għall-faċilitajiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-faċilitajiet sportivi li hemm fl-MCAST ta' Kordin? Jekk dawn il-pjanijiet jeżistu, tista' tgħid meta se jibdew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa wieħed mill-gyms eżistenti f’Kordin qed jiġi renovat u attrezzat. Dan mistenni li jitlesta sa tmiem din is-sena. Fl-istess waqt il- masterplan tal-MCAST jinkludi pjanijiet biex parti minn Gaddafi Gardens jiġu żviluppati biex fihom jiġu inkorporati faċilitajiet sportivi. Dawn jinkludu indoor sports/hall/gym u outdoor games courts .

Università ta' Malta — pjanijiet għall-faċilitajiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-faċilitajiet sportivi li hemm fl-Università ta' Malta? Jekk dawn il-pjanijiet jeżistu, tista tgħid meta se jibdew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ħsieb tal-Università huwa illi l-faċilitajiet sportivi kif ukoll l-grounds u l-artijiet ta’ madwar jiġu żviluppati b’mod ħolistiku. B’dan il-għan qegħdin fil-proċess illi tinġabar informazzjoni biex ikun jista’ jsir design brief qabel ma jiġu ppreparati l-pjanijiet relattivi.

Għaqdiet u clubs sportivi — għotja finanzjarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk l-għaqdiet u clubs sportivi li matul is-sena 2010 ibbenefikaw minn xi għotja finanzjarja? Tista' tgħid min kienu, kemm kienet is-somma għal kull każ, u għal liema raġuni ingħatat kull għotja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena 2010 kien hemm 197-il għaqda sportiva li rċevew assistenza mingħand il-Kunsill Malti għall-iSport li kienet tlaħħaq is-somma ta’ €3,805,749. Din l-assistenza ma tinkludix, assistenzi oħra li l-għaqdiet sportivi jirċievu minn entitajiet oħra fosthom, il-Ministeru tal-Finanzi, il-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-Good Causes Fund, l-Air Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u minn skemi oħra bħal pagi ta’ sportivi li jingħataw sports leave bi ħlas, pagi ta’ persuni sekondati ma għaqdiet sportivi u l-pagi tal-atleti li jibbenefikaw mill-iskema ta’ taħriġ 20/20. Il-Kumplament tal-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Federazzjoni u Għaqdiet Sportivi — Sports Tourism

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-Federazzjonijiet u Għaqdiet Sportivi li matul is-sena 2010 ġabu lejn pajjiżna sportivi barranin u allura bbenefikaw mill-għotja għall-isports tourisim? Kemm kien l-ammont għal kull waħda minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

każ dwar il-voucher tad-dawl u l-ilma

Question

Tista l-Ministru tara każ ta' armla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha ċċempel biex tirċievi l-voucher tad-dawl u ilma u dejjem jgħidulha li se tirċevihom imma wara ħafna żmien reġgħet ċemplet u qalulha li ma bagħtitx il-formoli? Tista’ tara li dan il-każ jiġi rimedjat u din il-persuna tiġi kuntattjata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li l-persuna imsemmija ġiet infurmata li għandha tirċievi l-voucher għall-benefiċċju tal-Enerġija.

nies li jipprovdu tagħlim jew taħriġ barra mill-ħin tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-iskop tal-eżerċizzju li qed isir li permezz tiegħu studenti li qegħdin fil-Forms 1, 2 u 3 fl-iskejjel statali, tal-knisja kif ukoll dawk privati, ngħataw formula biex timtela' minn min qiegħed jipprovdilhom tagħlim jew taħriġ barra mill-ħin tal-iskola? Tista' tispjega għaliex il-persuna responsabbli minn dan it-tagħlim qed tiġi mitluba tirreġistra mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki ? Tista' tgħid jekk f’każ li jkun hemm tutors li jagħżlu li ma jirreġistrawx mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, hux se jkun hemm tfal li jitilfu xi punti meta jiġu għall-iSchool-Leaving Certificate?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-isem uffiċjali taċ-ċertifikat huwa Secondary School Certificate and Profile. Parti essenzjali mir-riforma fl-Edukazzjoni hija l-għotja taċ-ċertifikat fl-aħħar tal-ħames sena tal-iskola sekondarja. Dan se jibda jingħata lil kull student li joħroġ mill-ħames sena tal-iskola sekondarja f’Ġunju 2013. Iċ-ċertifikat huwa rikonoxxut mill-Kunsill Malti tal-Kwalfiki u jikkompara mal-ewwel livell fil-gradwatorja mibnija mill-imsemmi kunsill. Il-marki mogħtija lil dawn l-istudenti jiġu kkomputati fl-aħħar tal-ħames sena tal-iskola sekondarja u jingħataw ċertifikat li jista’ jkun PASS, MERIT jew DISTINCTION. Student li ma jilħaqx ammont speċifiku ta’ marki jingħata ĊERTIFIKAT. It-tagħlim li jsir barra mill-iskola (Tagħlim Informali) jġorr 20% tat-total tal-marki għaċ-ċertifikat fuq imsemmi. Għall-fini ta’ serjetà u organizzazzjoni, kull soċjetà, organizzazzjoni, grupp, individwu, eċċ. irid ikun reġistrat mal-MQC li, wara li tistudja s-CV tiegħu/tagħha/tagħhom, taċċetta jew le li tirreġistra lill-applikant/i. Dan/Dawn jingħata/aw numru ta’ reġistrazzjoni li, flimkien mal-firma ta’ min hu nkarigat mill-attività, irid jidher fuq il-formula li l-istudent jieħu l-iskola. Studenti li ma jkollhomx in-numru ta’ registrazzjoni għat-tagħlim informali li jagħmlu, ma jingħatawx il-punti allokati għat-tagħlim informali. Dan għar-raġuni spjegata hawn fuq. S’issa in-numru ta’ soċjetà, organizzazzjoni, grupp, individwu, eċċ. li rreġistraw qabeż is-600.

PBS — Education 22

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-istazzjon Education 22 għadux taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni jew għaddiex taħt l-amministrazzjoni u r-responsabblità totali tal-Public Broadcasting Services? Jekk dan l-istazzjon għadda għand il-Public Broadcasting Services, tista' tgħid jekk dan sarx b'ordni diretta tal-Ministru jew jekk hux abbażi ta' xi ftehim/kuntratt? Jekk dan huwa l-każ, tista' tpoġġi kopja ta' tali ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm sinergija ta’ amministrazzjoni tal-istazzjon Education 22 mal-PBS. Dan sar abbażi ta’ kuntratt għal perjodu ta’ sena, liema kuntratt qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

PBS — Education 22 - impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li qed jingħad li l-Education 22 għadda taħt l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-Public Broadcasting Services u l-impjegati li kienu mal-Education 22 se jiġu trasferiti kollha fuq il-kotba tal-Public Broadcasting Services?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa minnu li bħalissa hemm sinerġija fl-amministrazzjoni tal-istazzjon u bħalissa qed jitħejja rapport ta’ strateġija sabiex jissaħħah l-istazzjon. Id-deċiżjonijiet dwar l-impjegati se jittieħdu aktar ‘il quddiem wara li jsiru diskussjonijiet u konsultazzjoni mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom.

ETC — pjan għall-ħaddiema tal-Air Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjan hemm min-naħa tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ sabiex isibu impjiegi adegwati u fl-iqsar żmien għall-ħaddiema tal-Air Malta milquta mid-deċiżjoni meħuda u kif mistqarr mill-Prim Ministru? Tista' tagħti d-deadline sa meta dan il-pjan se jseħħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qiegħda f’kuntatt mal-Air Malta sabiex tkun tista’ tagħti l-assistenza tagħha lil ħaddiema ta’ l-Air Malta li jistgħu jiġu milquta bil-mizuri ta’ ristritturazzjoni li jistgħu jittieħdu fil-futur. Iżda għalissa għadhom ma ttieħdux deċiżjonijiet u sallum il-Korporazzjoni ma għandha ebda informazzjoni konkreta dwar il-ħaddiema li se jiġu milquta mid-deċiżjonijiet meħuda. Fir-rigward tal-ħaddiema tal-kumpanija sussidjarja tal-Air Malta, Selmun Palace, l-ETC diġà għamlet l-ewwel intervent fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Fil-27 u 28 ta’ Ġunju 2011, żewġ Employment Advisors tal-Korporazzjoni marru s-Selmun Palace fejn iltaqgħu ma’ l-impjegati kollha li ser jispiċċaw bla xogħol. B’kollox 57 persuna huma mpjegati mas-Selmun Palace. Ħafna minnhom għandhom notice period sa l-14 ta’ Settembru u oħrajn għandhom notice period ftit iqsar. L- employment advisors iltaqgħu ma’ 53 minn dawn l-impjegati, 2 minnhom ħa jkunu rtiraw sa Ottubru li ġej, 48 ġew reġistrati fuq it-tielet parti tar-reġistru ta’ l-ETC, 2 ma rreġistrawx u wieħed (1) mhux se jitlef ix-xogħol ghax kien mpjegat mal- parent company jigifieri l-Air Malta. L- Employment Advisors taw lil dawn l-impjegati kollha, informazzjoni fuq is-servizzi li jstgħu jużaw biex isibu x-xoghol fl-iktar żmien qasir, apparti l-informazzjoni fejn is-servizzi tal-Korporazzjoni kif ukoll informazzjoni fuq skemi bħall- Employment Aid Programme , korsijiet u skemi ta’ taħriġ li l-ETC toffri, eċċ... L- Advisors daru l-informazzjoni kollha ma’ kull persuna individwalment u spjegaw il-materjal li ngħataw. Sar ukoll eżercizzju ta’ profiling ma’ kull persuna biex l-ETC tkun tista tgħamel matching ta’ vakanzi mal- profiles ta’ dawn in-nies u ninfurmawhom meta jkun hemm xogħol li jista’ jkun tajjeb għalihom. B’din is-sistema l- Advisors setgħu wkoll jibbukjaw min ried japplika għal kors tal-ETC direttament. L-impjegati ngħataw dak il-ħin stess contact details ta’ employers li kelhom vakanzi mal-Korporazzjoni, kif ukoll dettalji ta’ xogħol ieħor f’diversi lukandi li ġew mwassla lil-Korporazzjoni mill-MHRA (Malta Hotel and Restaurants Association). L- Advisors spjegaw ukoll lil kull klijent id-differenza bejn reġistrar fuq l-ewwel parti u t-tielet parti, kif ukoll l-eliġibilita’. Għalissa dawn l-impjegati ħa jkunu fuq it-tielet parti tar-reġistru (part 3) sakemm jaħdmu n- notice jew isibu xogħol. Ġew infurmati wkoll bil-proċedura li jridu jsegwu meta jiġu qiegħda.

Furjana — Balzunetta - mechanical sweeper

Question

Peress li x-xogħol fuq il-binjiet li għadhom se jitlestew f'Balzunetta, il-Furjana ilu għaddej mas-seba' snin, tista' l-Ministru tagħmel l-arranġamenti neċessarji biex b'rispett lejn il-familji li joqogħdu fl-inħawi u li tant batew inkonvenjenza minħabba ċ-ċirkostanzi: a) jibda jintuża mechanical sweeper kuljum sakemm jiġu asfaltati t-toroq Argotti u Iljun; b) tiġi kontrollata l-infestazzjoni ta' qtates u ġrieden fl-inħawi; u ċ) jiġi mogħti lilhom right for first refusal fil-bejgħ tal-garaxxijiet il-ġodda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita’ tad-Djar ser tiffinanzja flimkien mal-kunsilli lokali l-asfaltar mill-ġdid tat-triq u l-bini ta’ bankini, kif ukoll tisbiħ tal-post. L-Awtorita’ tad-Djar se tikkonsidra l-proposta (Ċ) li familji li joqogħdu fl-inħawi jingħataw ‘right of first refusal’ fil-bejgħ ta’ garaxxijiet ġodda.

Spiża ta' student fi skejjel primarji u sekondarji tal-istat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hija l-ispiża ta’ kull ġurnata għal kull student li attenda skola primarja jew sekondarja fl-iskejjel tal-istat fis-sena 2009 - 2010? Kemm kien hemm studenti assenti f’din is-sena f’dawn l-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispiża ta’ kull ġurnata għal kull student li attenda skola primarja jew sekondarja fl-iskejjel tal-istat fis-sena 2010 kienet ta’ €23.77c. L-informazzjoni l-oħra mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.