Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet jew x'inhi r-raġuni li minn Ottubru 2021, Malta ma baqgħetx tissottometti data dwar il-Produzzjoni fil-Kostruzzjoni għal fini ta' statistika tal-Eurostat? Jekk din id-data ġiet miġbura, tista' d-data u l-analiżi tagħha tiġi preżentata fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk din id-data ma ġietx miġbura, x'inhu l-effett fuq statistika oħra inkluż dik relatata mal-kontribut li din l-industrija tagħti lill-ekonomija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li minħabba li mhuwiex fil-kompitu tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar li jiġbor tali statistika, il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 521, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl tal-periklu reċenti tas-sigurtà fejn struttura kbira ta’ scaffolding kważi waqgħet fit-triq u l-bankina fil-Balluta, u fid-dawl tat-tixrid reċenti ta’ skart mill-istess proġett li tniġġes il-Bajja tal-Balluta, jista’ l-Ministru jispjega:
a. x’miżuri ttieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu fuq il-bankina u l-karozzi li jgħaddu fit-Triq it-Torri; u
b. x'miżuri ttieħdu biex ma jkunx hemm aktar skart imxerred fil-Bajja tal-Balluta minn dan il-proġett?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Infurmat li l-OHSA ħadet passi immedjati biex l-armar inkwestjoni jkun marbut b’mod sigur.
B’referenza għat-tieni mistoqsija dwar kontroll tal-iskart fil-Bajja tal-Balluta, il-kontroll tal-iskart u t-tniġġiżs huwa fir-responsabbilità tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u għaldaqstant tali mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – karigi u pożizzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-karigi u pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar inkluż ta' kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi fil-kariga u/jew pożizzjoni u x'inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi u/jew pożizzjonijiet rispettivi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-segretarjat tal-Ministeru hi skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenzi mħallsa saru abbażi tar-Regolament li jittratta x-Xiri Pubbliku. Lista ta’ dawn qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sirens – kumpless sportiv – faċilitajiet ta’ aċċessibilità
Question
Jista' l-Ministru jispjega x'faċilitajiet ta' aċċessibbiltà hemm fil-kumpless sportiv akkwatiku tas-Sirens, liema proġett kien iffinanzjat sa €2.2 miljun mill-Awtorità tal-Ippjanar, li jippermettu lil persuni b'diżabilità jidħlu u joħorġu mill-pixxina?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess tal-iżvilupp tal-kumpless sportiv akkwatiku tas-Sirens jaħseb għall-kundizzjoni speċifika li titlob approvazzjoni tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ qabel il-ħruġ tal-permess ta’ konformita’. Inżid illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita kienet ukoll konsultata waqt il-proċess tal-applikazzjoni u ma nstabet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-pjanti kif approvati.
Jista’ l-Ministru jindika fiex wasal il-proċess tal-appell quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjoni PA 2427/21 li jittratta proġett fiż-żona ta’ ħdejn it-Trade Fair Grounds fin-Naxxar u jekk effettivament hemmx data meta ser jinstema’ l-istess appell?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appell dwar l-applikazzjoni msemmija jinsab diferit u se jkun qed jiġi trattat fil-jiem li ġejjin.