Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentru Ċiviku tal-Mosta – kuntratti ta’ dawk li jikkupaw il-binja

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-kuntratti ta’ dawk kollha li jokkupaw il-binja taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta? Jista’ jagħti informazzjoni tal-obbligi li għandu d-Dipartiment tal-Artijiet, kif ukoll tal-okkupanti tal-istess binja, fejn tidħol il-manutenzjoni tal-uffiċini, il-partijiet komuni u tal-faċċata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Bħalissa d-Dipartiment tal-Artijiet qed jagħmel eżerċizzju biex jaġġorna r-rekords kollha.

Skema ta’ regolarizzar fil-bini tad-dar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6720 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se toħroġ l-iskema ta' regolarizzar fil-bini tad-djar, liema bini u rranġar fid-dar bla permess fil-hamlets?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika jekk hux qed jirreferi għal xi skemi simili li saru fil-passat jew jekk hux qed jissuġerixxi skema ġdida għal dawn iċ-ċirkustanzi.

Esproprazzjoni ta' art — flus dovuti lis-sidien

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sidien tal-art li ġiet esroprijata (dettalji dwarha qed jingħataw separatament ) jiġu kkumpensati mill-Awtorità tal-Artijiet u dan meta il-kumpens dovut ilu li nħadem mis-17 ta' Settembru 2013 u huma kienu ġew diġà infurmata dwar l-ammont lilhom dovut bl-imgħaxijiet? X'inhu jżomm li dawn jiġu mħallsa dak li legalment huwa lilhom dovut?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, dan il-każ għadu qed jiġi diskuss internament fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrasturttura u Proġetti Kapitali — trasferimenti/pagamenti f’bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?

Response (BORG, IAN)

Bi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari numru 7871, skont ma jien infurmat mir-recordstal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u tal-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sal-lum, l-uniċi pagamenti li saru lil bank imsemmi saru fir-rigward ta’ spezzjonijiet li nagħtaw lit-Taqsima Marittima u qed jidhru hawn taħt; Benefattur – Amitis Arashipping Ltd - € 747.07 – 22.02.18 Benefattur – Amitis Arashipping Ltd - € 1180 – 13.06.18 Benefattur – Amitis Arashipping Ltd - € 1940 – 17.07.18 Benefattur – Amitis Arashipping Ltd - € 6360 –17.09.18

L-Imġarr Għawdex — Xogħlijiet ta’ Dredging fuq il-port

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li x-xogħol ta’ dredging u xogħol ieħor ġewwa l-Port tal-Imġarr Għawdex għadu ma bedix? F’liema xahar u f’liema sena hu ppjanat li jibda u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, Infrastructure Malta ser tibda x-xogħol indikat, li jinkludi dredging, bini ta’ mollijiet ġodda u tibdil tal-pontoons eżistenti b’oħrajn ġodda, fit-tieni kwart tas-sena 2019, hekk kif jintemmu l-proċessi tal-għażla tal-kuntratturi meħtieġa, wara li nħarġu sejħiet għall-offerti, u l-appelli relatati li hemm jew jista’ jkun hemm.

Applikazzjoni għall-Ippjanar fiż-żona

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ħsibijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u għaldaqstant jgħid jekk hijiex skont il-policies li jirregolaw l-ippjanar fiż-żona?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li l-Applikazzjoni PA 9516/18 ġiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern fis-7 ta’ Novembru 2018. Dan iffisser illi l-ewwel perjodu ta’ 30 ġurnata, li jwassal għall konklużjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni u fl-istess ħin jagħti ċans għall-kummenti tal-pubbliku, għalaq fis-7 ta’ Dicembru 2018. Id-Direttorat ta’ l-Ippjanar, f’isem ic-Chairperson Eżekuttiv, irid jifli l-każ sew issa li ngħata ċans lill-entitajiet kollha illi jagħtu sehemhom fid-deliberazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Irid jieħu wkoll konjizzjoni tal-kummenti kollha li ntbghatu mill-pubbliku. Dawn kienu numerużi, aktar minn elf u sebgħa mija. Il-proċess jista’ jinkludi wkoll fażi fejn l-applikanti u l-periti ikollhom jissottomettu informazzjoni ulterjuri. Dan jista’ jiskatta t-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Meta l-proċess ikun sħiħ u komplut, id-Direttorat jikteb ir-rapport finali li jkun jinkludi rakkomandazzjoni sħiħa dwar il-każ. Ikun f’dan l-istadju li l-Awtorita’ jkollha l-fatti kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddelibera u tagħmel rakkomandazzjoni favur jew kontra dan il-proġett. Dan ir-rapport imsemmi għandu jitlesta u jintbgħat għand il-Kummisjoni għall-Ippjanar sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Frar 2019, sakemm ma jkunx hemm talba mill-perit sabiex jissospendi l-applikazzjoni. Il-Ministru, minn naħa tiegħu, jista’ biss jiżgura ruħu mill-fatt illi l-process isir tajjeb u bi sħiħ, u jieħu konjizzjoni ta’ l-eżitu tal-proċess meta tittieħed deċizjoni mill-Awtorita’, u dan billi josserva u jirrispetta l-awtonomija assoluta illi għandha din l-istess Awtorita’. Madankollu, mingħajr preġudizzju għal dak li jista’ jirri¿żulta fir-rapport finali, u għad-deċizjoni li għad trid tittieħed mill Awtorita’, il-Ministru diġa ħa konjizzjoni tal-fatt illi prima facie, il-proposta ta’ żieda ulterjuri fl-għoli tal-bini eżistenti jista jkollha mpatti negattivi fuq dan il-bini storiku u fuq l-“Area of High Landscape Value” illi fiha tinstab is-Saqqajja. Għaldaqstant, anke f’dan l-istadju hekk bikri, jidher car illi din l-applikazzjoni sabiex jiżdied l-għoli tal-binja eżistenti ma tikkwalifikax bħala waħda minn dawk illi tista’ tisfrutta il-Policy imsemmija hawn fuq.

Awtorità tal-Ippjanar – siti/binjiet fil-Belt – avviżi ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-siti/binjiet fil-Belt Valletta fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-lum? Għal kull każ jista’ l-Ministru jagħti: · id-dettalji ta’ fejn jinstab is-sit fejn hemm l-avviż ta’ infurzar; · it-tip ta’ użu tas-sit/bini; · ir-raġuni tal-infurzar; · id-data meta nħarġet l-ordni tal-infurzar; · jekk l-ordni ta’ infurzar għadux fis-seħħ illum; u · jekk itteħdietx azzjoni mill-Awtorita dwar il-każ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument mitlub qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.

Awtorità tal-Ippjanar – siti/binjiet fil-Marsa – avviżi ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-siti/binjiet fil-Marsa fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-lum? Għal kull każ jista’ l-Ministru jagħti: · id-dettalji ta’ fejn jinstab is-sit fejn hemm l-avviż ta’ infurzar; · it-tip ta’ użu tas-sit/bini; · ir-raġuni tal-infurzar; · id-data meta nħarget l-ordni tal-infurzar; · jekk l-ordni ta’ infurzar għadux fis-seħħ illum; u · jekk ittieħdetx azzjoni mill-Awtorità dwar il-każ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument mitlub qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.

Infrastructure Malta – toroq għall-manutenzjoni f’Raħal il-Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li għalihom Infrastruttura Malta hija responsabbli għall-manutenzjoni ġewwa l-lokalità ta' Raħal Ġdid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq indikati huma: Vjal Santa Luċija Vjal Sir Paul Boffa Triq Il-Perit Dom Mintoff Triq Giuseppe Garibaldi Triq Għajn Dwieli Triq Ħal Luqa Triq L-Isqof Buħagiar Triq li tagħti għal Ras Ħanżir

Infrastruttura Malta — L-Imqabba - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq se jkunu qegħdin isiru mill-Aġenzija Insfrastruttura Malta matul is-sena 2019 fil-lokalità tal-Imqabba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, aktar kmieni din is-sena din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġa ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. F’din l-ewwel lista hemm Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq Ġdida fi Triq Innocenzju, fl-Imqabba. Sejħiet għall-offerti oħra għall-bini ta’ aktar toroq fl-2019 ser jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjoni għal bini ta’ lukanda u appartamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hiex qed tħares b’mod favorevoli l-applikazzjoni PA 5909/17 li tikkonsisti f’bini ta’ lukanda b’għoli ta’ tmien sulari flimkien ma’ numru ta’ appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtoritá tal-Ippjanar b’referenza għall-applikazzjoni PA5909/17, l-Awtoritá tal-Ippjanar qegħdha tistenna sottomissjonijiet rikjesti biex b’hekk tkun tista tingħalaq l-aħħar fażi tal-konsultazzjoni. L-art in kwistjoni tinsab f’żona residenzjali kif ukoll f’ lokalita turistika, għaldaqstant, Policies li jirregolaw it-tali żoni japplikaw.

Avviżi b’mod elettroniku fit-toroq – użu tal-lingwa Maltija

Question

Nirreferi għal avviżi li qed jirreklamaw informazzjoni edukattiva u li jidhru b’mod elettroniku fit-toroq għall-attenzjoni tas-sewwieqa, imma qed ninnota li mhux dejjem qed jitħares l-Ilsien Malti, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid liema awtorità juża d-Dipartiment tat-Toroq biex jintuża Malti tajjeb?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-awtorità użata hija Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, saħansitra fil-paġna uffiċjali li qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra hemm ukoll standardizzazzjoni għas-senjaletika direzzjonali u informattiva.

Mellieħa – sit f’Ta’ Masrija — dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6482 u ċjoè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5123, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mas-sit f'Ta' Masrija fil-Mellieħa (biswit il-bypass tal-Mellieħa) li jitrattaw l-applikazzjonijiet PC 62/16 u PC 25/17?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6645 f’Seduta 137.

Il-Mellieħa – applikazzjoni għal tliet sulari għal lukanda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hiex qed tħares b’mod favorevoli l-applikazzjoni 10178/18 li tirrigwardja fost l-oħrajn żieda ta’ tliet sulari oħra fuq li hemm għal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fil-Mellieħa? (Applikazzjoni li jekk tiġi approvata se tkun tfisser aktar qerda tal-karatteristiċi uniċi tal-Mellieħa).

Response (BORG, IAN)

L-Applikazzjoni PA 10178/18 ġiet ipubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fil-21 ta’ Novembru 2018. Dan iffisser illi l-ewwel perjodu ta’ 30 ġurnata, li jwassal għall-konklużjoni ta’ l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni u fl-istess ħin jagħti ċans għall-kummenti tal-pubbliku, jagħlaq fil-21 ta’ Dicembru 2018. Id-Direttorat ta’ l-Ippjanar, f’isem ic-Chairperson Eżekuttiv, irid jifli l-każ sew wara li jkun ingħata ċans lill-entitajiet kollha illi jagħtu sehemhom fid-deliberazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Irid jieħu wkoll konjizzjoni tal-kummenti kollha li jistgħu jintbgħatu mill-pubbliku. Il-proċess jista’ jinkuldi wkoll fażi fejn l-applikanti u l-periti ikollhom jissottomettu informazzjoni ulterjuri. Dan jista’ jiskatta it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Meta l-proċess ikun sħiħ u komplut, id-Direttorat jikteb ir-rapprot finali li jkun jinkludi rakkomandazzjoni sħiħa dwar il-każ. Ikun f’dan l-istadju illi l-Awtorita’ ikollha l-fatti kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddelibera u tagħmel rakkomandazzjoni favur jew kontra dan il-proġett. Dan ir-rapport imsemmi għandu jitlesta’ u jintbgħat għand il-Kummisjoni għall-Ippjanar sa mhux aktar tard mill-11 ta’ April 2019, sakemm ma jkunx hemm talba mill-perit sabiex jissospendi l-applikazzjoni. Għaldaqstant, id-Direttorat ta’ l-Ippjanar iħoss illi f’dan l-istadju hekk bikri, mingħajr ma għandu l-evidenza, l-informazzjoni, u l-kummenti esterni kollha neċessarji sabiex ikun jista jagħti rakkomandazzjoni fuq il-progett, mhux fil-pożizzjoni illi jikteb ir-rapport finali; min-naħa tagħha, l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar, mingħajr dan ir-rapport, li bil-liġi trid tistenna qabel tieħu deċizjoni ben infurmata, tħoss illi jkun prematur illi tippronunċja ruħa favorevoli jew kontra dan il-proġett. Madankollu, mingħajr preġudizzju għal dak li jista’ jirriżulta fir-rapport finali, u għad-decizjoni li għad trid tittieħed mill Awtorita’, id-Direttorat diġa ħa konjizzjoni tal-fatt illi prima facie, il-proposta ta’ ieda ulterjuri fl-għoli tal-bini ta’ din il-lukanda partikolari ma tikkonformax ma l-Policy bit-titolu “Height Limitation Adjustment Policy for Hotels”, approvata f’Ġunju ta’ l-2014, u dan billi: a) Is-sit tal-lukanda jinstab fil-limiti taż-Żona ta’ l-Iżvilupp, adjaċenti ma Żona Rurali filwaqt li mhux f’żona Turistika; u b) Is-sit jinstab ukoll fix-xifer ta’ l-irdum tal-Mellieħa. Għaldaqstant, anke f’dan l-istadju hekk bikri, jidher car illi din il-lukanda fuq dan is-sit partikolari ma tikkwalifikax bħala waħda minn dawk illi tista tisfrutta il-Policy imsemmija hawn fuq sabiex tkabbar in-numru ta’ kmamar billi tibni b’għoli li jeċċedi dak stipulat fil-Pjan Lokali.

Żona ta’ Masrija/Bypass Mellieħa — dokumenti

Question

Ġaladarba l-Ministru ma sab l-ebda oġġezzjoni li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti relatati mal-PC 46/13 (Żona Ta’ Masrija/Bypass Mellieħa), jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument simili għall-istess żona li però jġib in-numru PC 42/15?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li informazzjoni mitluba qiegħda hawn taħt; Dipartiment / Entita' / Agenzija: l-Isem ta' kull konsulent Hlas ta' kull Konsulent Planning Authority Bonnici Hermann 18,050.00 Borg Brian 12,390.00 Grech & Ghaznavi 1,994.20 Grech Joe 446.40 Novargo Ltd 10,030.00 Pricewaterhousecoopers 3,776.00 Striped Sox 14,159.90 Land Registry Profs Saviour Formosa Euro36,000 Excluding VAT BICC NIL BRO NIL Property Malta NIL Infrastructure Malta XYZ Architecture and Design €30,000 excl. VAT Lands Authority Dr Stefano Filletti €16,949.0 Mr Edmund Tabone €4,980.0 Mr Denis Camilleri €7,000.0 Dr Edward Zammit Lewis €14,830.0 Dr Vincent Galea €9,000.0 Dr Vincent Marmara' €15,400.0 Rosario Galea €5,727.0 Vince Gilson €5,090.0 Dr Cory Greenland €3,500.0 Mr Luke Dalli €21,000.0 Dr Joe Cilia €6,000.0 John Sevasta €2,949.0 Dr Robert Musumeci €5,000.0 Transport Malta PWC €287 per month Christian Larsson €2100 (inclVAT) monthly (48hrs per month) + €250 per day for travel (20 days) Stephen John Oddy €500 per day including travel dates / Travel Expenses €50 each way (UK travel expenses) Small FTO €50 per hr based on 12 hours/ Final report €200 / Admin work €50 per hour / Meals €50 up to 12 hrs in Malta / €100 if more than 12 hrs in Malta Victor Anthony Vella €45,000 annual fee €10,000 annual office allowance €480 annual communication allowance Carmel Grech Mon to Fri €14 per hr - 90 hrs per month Sat €25 per hr Sun & PH €30 Anand Dayal €20 per hr - 80 hrs per month EM Architects Junior Architect €20 per hour excl VAT 15 to 20hrs per week. Traffic Engineer /Transport Planner at €40 per hour excl VAT approx 10 hours per week Odette Lewis Consultancy - €35 per hr / Jun Arch Civil Eng €20 per hr / Draftsperson €12 per hr effective 1st August 2016 Karl Stagno Navarra €1,500 per month excluding VAT Dr Ishmael Psaila €50 per hour excluding VAT KPMG €4,500 excluding VAT

Mitjar Internazzjonali ta’ Ħal Luqa – Near Misses bejn drones u ajruplani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il near miss kien hemm bejn drones u ajruplani li kienu qed jagħmlu inżul jew take-off fil-mitjar internazzjonali ta’ Ħal Luqa f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar sentejn ġew irrapurtati lill-pulizija żewġ każijiet ta’ near miss min-naħa ta’ Malta Air Traffic Services (MATS). Nitlob wkoll lil Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6666 li nagħtat fis-Seduta 142.

Topographical Surveys tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu topographical surveys tat-toroq li jkun se jsir xogħol fuqhom qabel ma jibda x-xogħol u jekk hux qegħdin jinħadmu l-formation levels ħalli t-toroq ma jiġux iżommu ilma tax-xita u jkollhom pendil adekwat biex l-ilma tax-xita ma jidħolx ġo proprjetajiet privati?

Response (BORG, IAN)

Meta tkun qed tippjana żviluppi infrastrutturali fit-toroq, Infrastructure Malta twettaq l-istudji u t-tħejjijiet tekniċi kollha meħtieġa sabiex jiġi adottat l-aħjar disinn u pjanijiet għax-xogħol li jkun ser jitwettaq. Minbarra l-aġġustamenti sabiex jevitaw diffikultajiet minħabba l-ilma tax-xita, il-proċess tal-ippjanar tekniku qabel il-bini ta’ toroq ikun irid iqis il-kundizzjonijiet, bini u servizzi li jkun hemm taħt u madwar l-istess triq, kif ukoll miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq jew jgħixu u jaħdmu madwarhom. Il-livelli tat-toroq jiġu stabbiliti mill-Awtorità tal-Ippjanar qabel ma jinbnew għall-ewwel darba. Dawn il-livelli jinkludu wkoll obbligi tekniċi fuq l-iżviluppaturi li jkunu ser jibnu propjetajiet mal-ġnub tal-istess toroq.

Ħaż-Żabbar — Triq Hompesch - asfaltar

Question

JIsta' l-Ministru jara li jsir xogħol ta' asfaltar neċessarju viċin ir-roundabout fi Triq Hompesch, kantuniera ma' Triq is-Sur, il-Fgura, wara li parti mill-asfalt jidher li ċeda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entità kompetenti responsabbli mit-tiswijiet u l-manutenzjoni ta’ din it-triq hija l-kunsill lokali tal-lokalitá konċernata. Infrastructure Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex iqisu dan l-ilment u jwettqu t-tiswijiet meħtieġa. Sadanittant, Infrastructure Malta, l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta, qed taħdem fuq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun sabiex fis-snin li ġejjin gradwalment tirranġa u tibni mill-ġdid it-toroq f’kull lokalità. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista ta’ toroq li ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fl-2019. Aktar toroq li ser jitranġaw fl-istess sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Il-Fgura — Triq il-Liedna - parti tat-triq li sfrondat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex investigat u x'passi se jittieħdu wara li jidher li sfrondat parti minn Triq il-Liedna kantuniera ma' Triq il-Ġiżi ġewwa l-Fgura, biswit sit li qed jinbena, u konsegwenza t'hekk anke intilfu diversi parkeġġi f'din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-entità kompetenti responsabbli mit-tiswijiet u l-manutenzjoni ta’ din it-triq hija l-kunsill lokali tal-lokalitá konċernata. Infrastructure Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex iqisu dan l-ilment u jieħdu l-passi għat-tiswijiet meħtieġa. Sadanittant, Infrastructure Malta, l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta, qed taħdem fuq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun sabiex fis-snin li ġejjin gradwalment tirranġa u tibni mill-ġdid it-toroq f’kull lokalità. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista ta’ toroq li ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fl-2019. Aktar toroq li ser jitranġaw fl-istess sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.