Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissarju tal-Pulizija – laqgħa mal-Kummissjoni Taljana tal-Anti Mafia

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Kummissarju tal-Pulizija ma sabx ħin, imqar għal ftit minuti, biex jiltaqa' mal-Kummissjoni Taljana tal-Anti-Mafia mmexxija mill-Membru Parlamentari Taljana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament waqt iż-żjara li l-imsemmija Kummissjoni għamlet f'pajjiżna nhar it-Tnejn 23 u t-Tlieta 24 ta' Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fil-jiem meta kien hawn uffċċjali tal-Kummissjoni Taljana tal-Anti Mafia f'Malta, u cioe fit-23 u l-24 ta' Ottubru, 2017, il-Kummissarju tal-Pulizija kien lest kif dejjem għamel, li jiltaqa’ separatament ma’ kollegi tiegħu, Uffiċċjali tal-Pulizija Taljana li setgħu kienu parti mill-istess Kummissjoni, meta dawn kienu hawn u fl-ebda ħin ma rrifjuta.

Ta’ Kandja – proġett tax-shooting range

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett tax-shooting range f'Ta' Kandja huwiex proġett privat jew bi sħab bejn l-Armata u l-privat, jew totalment tal-armata? Fl-eventwalità li huwa proġett mal-privat, jista’ jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-proġett, u jekk intgħażlitx il-kumpanija li ser twettaq il-proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ta’ Kandja – shooting range

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-shooting range f’Ta’ Kandja hijiex ser tintuża biss mill-armata jew ser tkun tista' tintuża ukoll mill-pubbliku?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Non violent cannabis related offences – sentenza ta’ ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jgħaddu sentenza l-ħabs minħabba non violent cannabis related offences? Jista’ jgħid kemm hu l-persentaġġ ta’ dawn il-persuni meta mqabbel mal-popolazzjoni ta’ persuni li qegħdin il-ħabs?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jispjega eżatt u fid-dettall x’qed jitlob.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjoni — Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi : fl-2014 l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernati kienet ta’ €2,124.70 fl-2015 l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernati kienet ta’ €1,634.58 fl-2016 l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernati kienet ta’ €2,080.11

Korp tal-Pulizija – membri li huma mħarrġin fil-Close Protection

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li huma mħarrġin fil-Close Protection?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija li huma mħarrġin fil-Close Protection ivarja skont l-attivitajiet li jkunu previsti li jsiru Malta minn żmien għal żmien, bħalma sar waqt il-laqgħat ta' CHOGM fis-snin 2005 u 2015 u attivitajiet oħra, inklużi dawk relatati mal attivitajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill. Kien hemm żmien fejn dawn kienu madwar 250. Hemm ukoll numru ferm iżgħar ta' Close Protection Officers li t-taħriġ tagħhom hu kontinwu minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom.

Protezzjoni tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min jiddeċiedi li persuna tingħata l-protezzjoni tal-Pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bħalma dejjem kienet il-prassi, meta jkun hemm rakkomandazzjoni jew talba, ikun il-Kummissarju tal-Pulizija li jiddeċiedi meta persuna tingħata l-protezzjoni mill-Pulizija u l-mod ta' protezzjoni.

Korp tal-Pulizija – Bodycams

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb li lill-membri tal-Korp tal-Pulizija jissupplixxihom bil-bodycams? Jekk iva, sa meta hu stmat li kull membru tal-Korp ikollu bodycam?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korp tal-Pulizija ħadem u qed ikompli bil-pjanijiet tiegħu sabiex jiġu determinati il-proċeduri opportuni sabiex Membri tal-Korp, ikunu jistgħu juzaw 'bodycams'.

Korp tal-Pulizija – membri – taħriġ ta’ self defence u prattika bl-arma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba fil-ġimgħa l-membri tal-Korp tal-Pulizija jkollhom taħriġ fis-self defence u prattika bl-arma?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi dwar taħriġ fl-użu tal-armi minn membri tal-Korp, hemm skedi differenti ta' taħriġ li huwa wkoll relatat mad-doveri tal-istess membri. Membri tal-iSpecial Intervention Unit ikollhom taħriġ ta' kuljum fl-użu tal-armi kif ukoll self defence u physical training. Uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit ukoll jingħataw taħriġ fl-użu tal-armi b’mod regolari. Il-Membri tal-istess skwadra jingħataw taħriġ ukoll f'self defence. Infumat ukoll illi t-taħriġ f'self defence (Control and restrain) jingħata lir-rekluti waqt il-kors tagħhom. Nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 1462 u 1463 ta’ din is-sena, li huma relatati ma’ taħriġ fl-użu tal-armi.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1755 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari huma segwenti: 2012 6 talbiet 2013 21 talba 2014 11-il talba 2015 2 talbiet 2016 9 talbiet 2017 - sal-lum 14-il talba It-talbiet saru minn: Times of Malta 8 talbiet Standard Publications 5 talbiet Maltatoday 2 talbiet Union Press 1 talba Malta Police Association 1 talba Ċittadini privati 46 talba B’kollox kien hemm 37 talba li ġew milqugħa, 4 li ġew milqugħa parzjalment, 19 irrifjutati u 3 talbiet għadhom pendenti. Mid-19 irrifjutati r-raġunijiet li ngħataw kienu segwenti: 12-il talba ġew irrifjutati peress li l-informazzjoni mitluba kienet eżenti skont diversi artikli fl-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. 4 talbiet ġew irrifjutati peress li ntalbet data personali suġġetta għall-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data. 2 talbiet ġew irrifjutati peress li l-informazzjoni mitluba kienet diġà pubblika Talba oħra kienet irrifjutata peress li l-informazzjoni mitluba taqa’ taħt il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku

ACCA – qualified accountant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm qualified accountants (ACCA jew tal-istess livell) fl-Economic Crimes Unit u l-Money Laundering Unit kull sena bejn is-snin 2013 u 2017 u kemm minnhom irriżenjaw kull sena? Preżentament kemm hemm impjegati li huma kwalifikati fid-dixxiplina tal-Financial/Economic Crime?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2013 u l- 25 ta' Novembru 2017, kien hemm erba’ (4) membri tal-Korp li kienu stazzjonati fl-Economic Crime Unit / Money Laundering Unit, li kellhom kwalifiki differenti fl-Accounts, wieħed minnhom bl-ACCA. Kien hemm persuna waħda li rreżenjat f'Diċembru tas-sena 2014. Persuna oħra ġiet trasferita f'Settembru 2013, filwaqt li persuna oħra ġiet promossa għal grad ta' Spettur f'Ottubru ta' din is-sena. Bħalissa hemm uffiċċjal wieħed illi huwa stazzjonat fit–taqsima tal-Economic Crimes Unit / Money Laundering Unit u li huwa gradwat fl-Accountancy. Ma’ dan inżid illi diversi uffiċċjali stazzjonati f'din it-Taqsima jingħataw taħriġ regolari relatat max-xogħol u r-responsabilitajiet tagħhom, kemm f’Malta u anke barra minn Malta. Matul l-2018 din il-unit se tkun imsaħħa b’ħafna aktar riżorsi umani.

Economic Crimes Unit – Expertise dwar il-cryptocurrency

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-expertise li hemm fl-Economic Crimes Unit dwar il-cryptocurrency u x’taħriġ ingħata jew se jingħata lill-ħaddiema ta’ dan il-unit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar snin numru ta' uffiċċjali mill-Economic Crimes Unit attendew numru ta' korsijiet kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta, li fost suġġetti oħra dawn il-korsijiet kienu jinkludu wkoll l-investigazzjonijiet ta' crypto currencies. L-istess skwadra diġa kellha xi investigazzjonijiet fuq dan is-suġġett u hija konxja bl-isfidi li dawn il currencies jimponu. Infurmat illi s-sena d-dieħla, bħala parti mill-aġġornament kontinwu li qiegħed isir fl-iskwadra, se jsir ukoll taħriġ iktar speċjalizzat fuq dan is-suġġett.

Economic Crimes Unit – riżorsi teknoloġiċi, finanzjarji u umani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-miżuri li ħa l-Kummissarju tal-Pulizija preżenti biex isaħħaħ ir-riżorsi teknoloġiċi, finanzjarji u umani tal-Economic Crimes Unit? X’inhuma l-pjanijiet futuri biex dan il-Unit jissaħħaħ? X’inhuma t-timelines?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Kummissarju tal-Pulzija għandu pjanijiet u ser jieħu l-passi neċessarji biex malajr kemm jista’ jkun isaħħaħ b'kull mezz possibli l-Economic Crime Unit fi ħdan il-Pulizija. Ma’ dan inżid ukoll illi diversi uffiċjali stazzjonati f’din it-Taqsima jingħataw taħriġ regolari relatat max-xogħol u r-responsabbiltajiet tagħhom, kemm f’Malta u anke barra minn Malta. Matul l-2018 din il-unit se tkun imsaħħa b’ħafna aktar riżorsi umani. Irid jingħad ukoll illi l-Korp ħejja strategija ta’ fejn qed jara li għandha tmur l-Economic Crimes Unit u din qed tiġi diskussa internament.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – qligħ mill-prodotti li jinxtraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ikunx hemm qligħ mill-prodotti li jinxtraw mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jekk iva, għand min imur dan il-qligħ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi ma jsir l-ebda qliegħ mill-prodotti li jinxtraw mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Forzi Armati ta’ Malta – security clearance ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif fizzjal partikolari ngħata security clearance wara li fl-2013 kellu promozzjoni għall-Lt Col backdated sal-2003 meta dan l-istess individwu ma setax jingħata security clearance f’għaxar snin minnhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għal min qed jirreferi.

Forzi Armati ta’ Malta – promozzjonijiet backdated

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk huwiex minnu li kien hemm membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, li ġew mogħtija promozzjonijiet backdated meta lanqas biss kienu fil-pussess tal-kwalifiċi neċessarji? F’każ partikolari f’Għawdex saħansitra membru tal-G Command viċin ħafna tal-ex Ministru l-Onor. Anton Refalo ingħata żewġ promozzjonijiet backdated u li għall-ebda waħda ma kien ikkwalifikat għaliha imma madankollu xorta ngħata promozzjoni għal surġent?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm każijiet fejn l-appuntat Bord tal-Inġustizzji sab li membri tal-FAM sofrew inġustizzji fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista billi ma tħallewx iġibu l-kwalifiċi neċessarji sabiex wieħed jiġi eliġibbli għall-promozzjoni. F’dawn il-każijiet il-Bord, wara li aċċerta li l-involuti membri jkunu ġabu l-kwalifiċi rikjesti, irrakkomanda li jingħataw promozzjonijiet b’lura anke meta kienu għadhom mhux kwalifikati wara li aċċerta li l-kwalifiċi ma tħallewx iġibuhom b’inġustizzja u sempliċiment biex jiġu aġevolati membri oħra. L-imsemmi Bord sab ukoll illi fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista ngħataw ukoll promozzjonijiet lil membri li ma kinux kwalifikati anke jekk ma kien hemm l-ebda Bord tal-Inġustizzji u anke jekk ma kien hemm l-ebda inġustizzja mal-persuna/involuti.

Forzi Armati ta’ Malta – promozzjoni ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif Chief Clerk fil-Forzi Armati ta’ Malta ħa promozzjoni għal WO1 minn WO2 u promozzjoni oħra ta’ Logutenent minn WO1 fl-istess ġurnata, meta f’dak il-perijodu l-individwu kien jaqdi dmirijiet ta’ Chief Clerk fl-Ewwel Reġiment? Din l-istess persuna, hija wkoll involuta fl-investigazzjonijiet tal-Bord tal-Inġustizzji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jidentifika għal min qed jirreferi.

Forzi Armati ta’ Malta – spiża tal-pagi wara li ngħataw il-promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm żdiedet l-ispiża relatata mal-pagi tal-Forzi Armati ta’ Malta b’konsegwenza tal-promozzjonijiet li ngħataw ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni li għaddiet? Jista’ jagħti l-ispiża totali relatata ma’ pagamenti ta’ backdated promotions kemm ta’ membri li għadhom iservu kif ukoll ta’ oħrajn irtirati mis-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1600 u 1601.

Forzi Armati ta’ Malta – promozzjoni ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra huwiex minnu li l-Uffiċjal Kmandant tal-Air Wing li sa ftit xhur ilu kien l-assistent personali tal-Brigadier u li ngħata promozzjoni għal Lt Col fejn qabeż numru kbir ta’ fizzjala oħra aktar kwalifikati u ta’ esperjenza minnu, ma għandu l-ebda kwalifika jew esperjenza fis-settur li huwa ntbagħat imexxi? Xi kwalifiki għandu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċjal li għalih qed jirreferi ħa lpromozzjoni indikata wara proċess ta’ selezzjoni. L-Onor. Interpellant għandu jagħraf ukoll id-differenza bejn kariga ta’ kmand u kariga teknika. Il-kariga okkupata mill-Uffċċjal imsemmi hija kariga ta’ kmand.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — ħabsin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Ottubru 2017? Jista’ jindika kemm minnhom kienu qed jiskontaw sentenza tal-Qrati? Kemm minnhom qed jistennew li jingħataw il-libertà proviżorja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nhar il-31 ta’ Ottubru 2017 il-popolazzjoni fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin kienet ta’ 588, li minnhom kien hemm 432 issentenzjati u 156 taħt arrest preventiv.