Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li għandu l-gvern għal bypass li se tgħaddi minn ġewwa r-raħal tal-Iklin? Huma minnu li qabel l-Elezzjonijiet Lokali tal-2012 ingħatat lura plot ta' art lis-sidien u li qabel kienet maħsuba għall-istess proġett?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li Transport Malta m'għandhiex fil-pjan tagħha proġett għall-bypass li tgħaddi minn ġewwa r-raħal tal-Iklin.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rilaxx ta' art ma' jaqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-Biometric ID Cards peress li ftit tal-ġimgħat ilu meta kien hemm min ċempel l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità ngħataw t-tweġiba li l-proċess kien se jibda dan ix-xahar, tant li min beda jmur biex iġeddidha bagħtuh lura d-dar u qalulhom li fi ftit żmien kienu se jibdew jibagħtu għan-nies kollha, iżda meta kien hemm min reġa' staqsa dwar dawn l-iżviluppi f’dawn l-aħħar jiem qalulhom li ma kienu jafu xejn u li żgur il-proċess mhuwiex se jibda għalissa? Jista' ġentilment jgħarraf il-Kamra dwar l-aħħar żviluppi ta’ dan il-proċess kif wkoll dwar id-date lines involuti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Minsitru jgħid meta se jiġi ppubblikat id-direttorju tat-telefon peress li l-aħħar ħarġa kienet tmien snin ilu?
Response (GATT, AUSTIN)
Fid-deċiżjoni ta' April 2010, l-MCA stabilixxiet li l-provizjoni tad-direttorju tat-telefon tal-linja fissa stampat għandu jiġi meqjus bħala wieħed mis-Servizzi Universali. Bħal kif jiġri fil-każ ta' Servizzi Universali kollha, l-Awtorita' ipprovdiet l-opportunita' lil dwak l-entitajiet li xtaqu jipprovdu wieħed minn dawn is-servizzi biex jippreżentaw 'espression of interest' sat- 30 ta' Ġunju 2010 fuq kriteriji stabbiliti.
L-MCA irċeviet tliet applikazzjonijiet li kienu evalwati minn kumitat ta' aġġudikazzjoni li ġie maħtur speċifikament għal dan il-għan. Wara proċess kemmxejn kumpless, f'Ġunju ta' 2011, tnejn mill-applikanti ġew eliminati, u f'Awwissu tal- 2011, waqt l-aħħar stadji tan-negozzjati, l-aħħar applikant ġie wkoll diskwalifikat minħabba ċerti kundizzjonijiet li xtaq jimponi u li ma kienux jissodisfaw il-kriteriji stabbiliti.
Minħabba l-fatt li d-deċiżjoni msemmija kienet stabbilit li jekk ma jkunx hemm '
Expression of Interest'
jew xi applikazzjoni li ma kienitx tissodisfa l-kriteriji stabbiliti, GO plc għandha tkun awtomatikament maħtura biex tipprovdi s-servizz universali, b'hekk ġie stabbiliet li d-direttorju tat-telefon tal-linja fissa stampat għandu jiġi provdut minn GO plc. L-MCA infurmat lil GO plc fuq dan l-iżvilup f'Settembru ta' l-2011.
Minn dakinhar l-Awtorità iltaqghat ma' GO plc biex tiddiskuti l-implikazzjonijiet finanzjarji, loġistiċi u tekniċi sabiex jiġi stampat dan id-direttorju. Ta' min isemmi li minn l-aħħar id-direttorju tat-telefon tal-linja fissa li ġie stampat, kien hemm żviluppi sostanzjali fis-suq tat-telefonija, fejn issa hemm iżjed minn operatur wieħed. Dan ifisser li l-informazzjoni li għandhom id-diversi operaturi fuq l-abbonati tagħhom għandhom jiġu ntegrati u irrkoncilljati fi ktejjeb wieħed.
Fuq binarju differenti, hemm entita' li nfurmat lill-Awtorità li qiegħdha tikkonssidra li tippublika d-direttorju tat-telefon tal-linja fissa stampat. Fil-jiem li ġejjin l-MCA ser ikollha iktar informazzjoni fuq dan l-iżvilup li jkun jista' jfisser li hemm possibilita' li dan id-direttorju ma jkunx iktar ikkunsidrat bħala Servizz Universali għax ikun qiegħed jiġi provdut.
Minħabba f'hekk l-MCA sejra tkun f'pożizzjoni aħjar biex tikkomunika data meta d-direttorju tat-telefon tal-linja fissa stampat sejjer jigi ppublikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-gvern ta' sussidju jew għajnuna u fuq xiex ta susidju jew xi tip ta' għajnuna oħra lill-kumpanija tat-transport Arriva kemm ilha topera sal-aħħar ta April 2012?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Billi fil-bypass tan-Naxxar (bejn t'Alla u Ommu u l-Iklin) qed ikun hemm numru ta' inċidenti tat-traffiku, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fuq iż-żewġt naħat tat-triq ikun hemm crash barriers li jifirdu l-bypass mit-toroq ta' quddiem ir-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34422, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jiġu awtorizzati joperaw minn xi lokalità partikulari dawn l-istess attendants?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li car park attendants jistgħu joperaw f’post ta’ parkeġġ skedat jekk ikollhom liċenzja maħruġa minn Transport Malta. Din il-liċenzja tinħareġ taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-regolament 65 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur (L.S. 65.11). Kopja ta’ dan ir-regolament qed tiġi annessa ma’ din it-tweġiba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet ġodda għall-bus shelters/bus stops fil-lokalitajiet tas-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali? Jekk iva fejn hemm dawn it-talbiet pendenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'programm ta' manutenzjoni qed isir fuq it-toroq il-ġodda li saru fl-aħħar snin, b'mod partikolari t-toroq li saru bil-fondi tal-Protokol Taljan li ilhom bejn 7 u 8 snin lesti? Jista' jgħid kemm hemm flus allokati fuq il-manutenzjoni tat-toroq u dawn kif qed jintefqu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex waqaf ix-xogħol fit-toroq id-Dawr u l-Istrinġell fil-Mosta? Liema xogħol kien beda mill-kunsill preċidenti u twaqqaf mill-kunsill ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Billi dawn it-toroq m'humiex responsabbiltà ta’ Transport Malta nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Mosta — Triq id-Dawr u triq l-Istrinġell - tkomplija ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol ġewwa t-toroq Dawr u l-Istrinġell fil-Mosta, liema toroq qed jikawżaw ħafna inkonvenjent lil għexieren ta' familji minħabba t-trabijiet li hemm bħalissa għaliex ix-xogħol tħalla nofs leħja u peress li r-residenti qed ikollhom ibatu konsegwenzi koroh għaliex it-torba li hemm f'dawn it-toroq qed jikkawżaw ħafna problemi lir-residenti biex jżommu d-djar u l-karozzi tagħhom nodfa barra mill-problemi respiratorji u allerġiji li dan it-trab jista' jikkawża?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 34458.
Public Service Obligation — kumpanija Gozo Channel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34503 u jgħid kemm intnefqu flus kull sena mill-2004 ‘l hawn fuq il-Public Service Obligation li l-gvern għandu mal-kumpanija Gozo Channel? Kemm hu mistenni li jintnefqu din is-sena? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont liema passiġġieri u servizzi huma koperti b’dan il-Public Service Obligation?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet pendenti quddiem Transport Malta biex toroq fil-lokalitajiet, ikollhom speed limits inqas minn dawk li huma permissibli fil-liġijiet Maltin? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tali talbiet li ġew aċċettati minn Transport Malta, u jekk iva, liema kienu l-każijiet fejn tali limitu ġie aċċettat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm talba waħda pendenti għall-limitu tal-veloċità liema talba qed tiġi pproċessata minn Transport Malta. Hemm talba oħra li saret minn kunsill lokali fejn tali talba ġiet ipproċessata minn Transport Malta u ntbagħtu l-proposti lill-kunsill lokali rispettiv. Sa minn Jannar 2011 kien hemm 29 talba għall-limitu tal-veloċità tas-sewqan u għall-miżuri oħra simili li ġew ipproċessati w approvati kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jitlob lil Transport Malta biex jirrevedu t-tip ta' sinjal (sinjal sħiħ tul il-kareggjata kollha) li hemm fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa, partikularment f'dik il-parti tat-triq li tinsab bejn iż-żewġ daħliet tal-Mistra, b'tali mod li dan is-sinjal jibda jippermetti li jkun hemm overtaking f'din il-parti tat-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'żamm sa mindu Diċembru 2010 u x'għadu jżomm lill-MITA milli jiġi fis-seħħ il-programm IHIS2?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-programm IHIS2 jinkludi numru ta’ komponenti ta’ I-informatika li jkomplu jibnu fuq dawk introdotti f’Mater Dei, kemm bħala modalitajiet kliniċi kif ukoll sabiex ikompli fuq il-programm kurrenti li qed jagħti aċċess għar-riżultati ta’ testijiet u nformazzjoni oħra lit-tobba u lill-professjonisti barra l-Isptar, kif ukoll direttament lic-ċittadin.
Wara proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti tekniċi, qegħdin f’lis-stadju ta’ evalwazzjoni ta’ l-offerti finanzjarji. Wara li tiġi identifikata dik il-kumpanija li tirriżulta li tefgħet l-aħjar offerta, għandu jibda proċess ta’
technical due diligence
qabel ma jsir il-kuntratt.
F'dan l-istadju ma' tistax tingħata nformazzjoni ulterjuri sabiex ma tiġix affettwata l-integrità tal-proċess.
Korporazzjoni għar-Riabilitazzjoni tal-Port il-Kbir — bini ta' underground car park
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'żamm u x'għadu jżomm il-Korporazzjoni għar-Riabilitazzjoni tal-Port il-Kbir milli tibda twettaq il-progett ta' bini ta' underground car park fit-taraġ fuq in-naħa ta' Triq Sarria tal-Arena tal-Indipendenza (Ix-Xagħra) tal-Furjana? Tapprezza l-Korporazzjoni li d-dewmien tagħha qed iżomm il-facilitajiet sportivi fl-inħawi fi stat primittiv - u dan l-istat ta' abbandun ftit metri biss 'il boghod minn żewġ lukandi tal-ogħla livell u l-proġetti fid-daħla tal-Belt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-car park fi Triq Sarria tal-Arena tal-Indipendenza, l-Furjana, mistennija jibdew ftit ġimgħat oħra, dejjem jekk ma' jinqala' xejn imprevvist, wara li ftit ġranet ilu ġie mogħti t-tender.
Jista' l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol biex ġiet irranġata t-triq li minn ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok fil-Marsa, twasslek sa ħdejn ir-roundabout fil-parti ta' isfel nett ta' Triq l-Imdina f'Ħal Qormi? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża oriġinali fuq dan ix-xogħol u kemm kienet l-ispiża finali? Jista' jgħid min wettaq dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tad-disinn fuq it-triq il-ġdida li tagħti għal Smart City, meta se jinħarġu t-tenders u meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta lestiet id-disinni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-MEPA fuq din it-triq. It-tenders jinħarġu u x-xogħol ikun jista’ jinbeda ladarba Transport Malta jkollha l-permessi meħtieġa mingħand il-MEPA.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31720, jista' l-Ministru jara fiex wasal u meta se jibda x-xogħol ta' rranġar ta' Triq Ġistakor f'Ħal Għaxaq? Jista' jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li taħt ordni tiegħi il-kuntrattur li kien ingħata x-xogħol, jiġifieri Alfred Schembri & Sons Ltd, ġie sospiż wara investigazzjoni dwar abbużi, fil-futur qarib ser tinħareġ sejħa ġdida għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet in kwistjoni.