Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – Advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa fuq iljieli f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1562 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjoni oħra? Jista' jgħid minn kemm ilha li ġiet introdotta din it-taxxa sal-lum, kemm kien id-dħul minn Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa ġie investit f'Għawdex stess?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 2169.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 339 u jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw bejn l-2017 u l-2022? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 339.

Ħaddiema ttrasferiti mill-AirMalta għal RSSA — COLA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li ġew trasferiti mill-Air Malta għal mal-RSSA fis-snin bejn 2018-2019 u li kienu mwiegħda li jieħdu t-take home pay humiex sejrin ikunu intitolati għall-COLA?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kejl medju ta' temperaturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2694, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jagħti l-kejl medju ta' temperaturi għax-xhur kollha tas-sena rispettivament, għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kummissjoni Ewropea – Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Pjan ippreżentat minn Malta

Question

Wara li Malta kienet ippreżentat pjan lill-Kummissjoni Ewropea li jikkonsisti fi 17-il investiment u 30 riforma li kienu se jiġu ko-finanzjati bl-ammont ta’ €316.4 miljun f’fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi bidliet fl-investimenti u/jew ir-riformi msemmija vis-à-vis il-fondi allokati taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

MFSA – Ħruġ ta’ direct order għall-kiri ta’ uffiċini u car garage spaces

Question

Fid-dawl li l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) ħarġet direct order ta’ madwar €1.1 miljun biex tikri xi uffiċini u car garage spaces, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ġie approvat dan id-direct order minflok ma nħarġet sejħa għall-offerti biex l-MFSA tkun f’pożizzjoni li ġġib prezzijiet aktar kompetittivi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’din il-Proċedura Negozjata, intużat il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-Gvern, fejn l'Awtorità sostniet l'użu mill-Avviż Legali, 352 (2016) regolament 154 (1) (a), li jirreferi għal regolament 151 (b) (ii) li jistipula: ma jkunx hemm kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi; L’Awtorità talbet din il-Proċedura Negozjata għal dawn ir-raġunijiet: 1. L’Awtorità ilha tikri il-bini biswit, kif ukoll interkonness mal-uffiċini prinċipali tagħha, mis-sena 2017, biex tkopri l-bżonn ta’ iktar spazju maż-żieda fit-tkabbir fin-numru ta’ impjegati, u għaldaqstant l’Awtorità investiet sostanzjalment f’dawn l-istess uffiċini. 2. B’din il-Proċedura Negozjata, l’Awtorità estendiet il-kirja eżistenti għal tliet snin oħra, minn Awwissu 2023, sabiex tiżgura kontinwità fl-operat tagħha.

Kummissjoni Ewropea –Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Pjan ippreżentat minn Malta

Question

Wara li Malta kienet ippreżentat pjan lill-Kummissjoni Ewropea li jikkonsisti fi 17-il investiment u 30 riforma li kienu se jiġu ko-finanzjati bl-ammont ta’ €316.4 miljun f’fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), jista’ l-Ministru jipprovdi b’mod dettaljat l-aħħar żviluppi dwar il-progress li sar u l-proġetti li ġew implimentati vis-à-vis dawn l-investimenti u r-riformi msemmija u jekk Malta tinsabx on time fuq l-iskeda ta’ implimentazzjoni (timeline of completion) ta’ dawn l-investimenti u r-riformi maqbula mal-Kummissjoni Ewropea?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm persuna waħda li waslet għall-età tal-irtirar u qed jittieħdu l-miżuri li hemm bżonn sabiex il-ħidma tal-entità tibqa’ għaddejja.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — infiq f’reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

AirMalta – talba għal State Aid

Question

Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jinforma lill-Kamra jekk it-talba għall-iState Aid ġietx aċċettata għal-linja nazzjonali tal-ajru, Air Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet u n-negozjati bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjan ta’ Finanzjament għall-Air Malta li ġie sottomess mill-Gvern lill-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta’ April 2021 għadhom għaddejjin.

Proċess taċ-Ċensiment 2021

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess taċ-ċensiment li sar fis-sena 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li ġew ippublikati riżultati preliminari f’Awwissu 2022, l-Uffiċċju qed jipprepara it-tieni pubblikazzjoni. Din se tkun qed tinkludi figuri finali tal-popolazzjoni u karatteristiċi oħra tal-persuni. Dawn jinkludu wħud mill-karatteristiċi li kienu inklużi fir-rapport preliminari, bħal sess, età, ċittadinanza u post tar-residenza, din id-darba bil-figuri finali. Ikun hemm ukoll informazzjoni oħra dwar reliġjon, oriġini razzjali u residenzi barra minn Malta. It-tieni pubblikazzjoni hi ppjanata li tinħareġ fix-xahar ta’ Novembru 2022.

BiCal bank — pagament

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux informazzjoni meta l-BiCAL bank sejjer jagħmel il-pagament tiegħu li jmiss?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-BICAL Bank huwa għaddej minn proċedura ta’ xoljiment u stralċ ai termini tal-Att dwar Kumpanniji Kontrollati (Proċedura ta’ Stralċ) (Kap. 383 tal-liġijiet ta’ Malta). Għal dan ix-xogħol, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta appuntat kontrullur sabiex jieħu kontroll ta’ ta dan il-Bank skont l-Artikolu 29(1)(h) tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-liġijiet ta’ Malta). Kull pagament relatat ma’ dan il-Bank għandu jsir mill-kontrollur ai termini tal-liġi hawn fuq ċitata. Il-proċess ta’ xoljiment u stralċ tal-imsemmi Bank jinsab fi stadju avvanzat. Madankollu, dan għadu ma ġiex finalizzat minħabba diversi kawżi li għadhom pendenti quddiem il-qrati.

Għajnuna finanzjarja mill-Gvern fi żmien il-pandemija tal-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’għajnuniet finanzjarji ta l-Gvern fil-pandemija u kemm irċieva għajnuna mill-Unjoni Ewropea fl-istess żmien? Jista’ jinforma lill-Kamra kemm minn dawn l-għajnuniet finanzjarji tqassmu fix-xhur bejn Jannar u Marzu, 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed ngħaddi l-informazzjoni mitluba permezz tat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Gvern ħareġ iċ-ċifra globali ta’€1,665,609,000 f’għajnuniet. Minn dawn €1,515,609,000 kienu fondi nazzjonali. Fir-rigward tal-assistenza mill-Unjoni Ewropea, madwar €150 miljun mill-ispiża indikata ġiet iffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew (€38.5 miljun), u mir-REACT-EU (€111.1 miljun). Dawn ġew allokati fuq il-Wage Subsidy Scheme, speċifikament għall-perjodu bejn it-28 ta’ Settembru 2020 u t-28 ta’ Marzu 2021.