Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kundizzjonijiet għas-sussidju tal-kera

Question

B’referenza għas-sussidju tal-kera mill-Gvern għal din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed japplika? Meta se jibdew jingħataw? Minn meta wieħed japplika sakemm tiġi pproċessata l-applikazzjoni, kemm hu l-massimu ta’ żmien li d-dipartiment jieħu? Is-sussidju jibda jingħata bl-arretrati minn meta wieħed japplika?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 8200.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook li huma amministrati mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħra jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej: L-isem tal-Paġna/Profil/Grupp fuq Facebook L-entita’ minn min qed tiġi amministrata fi ħdan l-MFCS L-URL Address ta’ kull Paġna Department of Social Security - Malta IDPO – Information Data Protection Office, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfalu Solidarjetà Soċjali https://www.facebook.com/DSSMalta/ Benefits Compliance Directorate (Paġna) Direttorat għall-Osservanza ta’ Benefiċċji https://www.facebook.com/Benefits-Compliance-Directorate-Compliance-Investigations-Division-MALTA-479540172257100/ St Vincent De Paul Long Term Care Facility Faċilita’ għal Kura Fit-Tul San Vinċenz de Paule https://www.facebook.com/svpmalta/ Social Care Standards Authority Malta Awtorita’ tal-Istandards tal-Kura Soċjali https://www.facebook.com/Social-Care-Standards-Authority-Malta-330176047770672/ Agenzija Sapport Aġenzija Sapport https://www.facebook.com/sapport.malta/ INK Project Aġenzija Sapport https://www.facebook.com/INKprojectmalta/ Commission for the Rights of Persons with Disability - CRPD Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ https://www.facebook.com/crpdmalta/ Commissioner for Children, Malta Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal https://www.facebook.com/Comm4Children Foundation for Social Welfare Services Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) https://www.facebook.com/fswsmt/ Supportline 179 Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) https://www.facebook.com/Supportline179/ Appoġġ Children’s Fund Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/appoggchildrensfund / Appogg Cottonera Community Services Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/CottoneraCommunityService/ Appogg Msida & B’Kara Community Service Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/Appogg-Msida-BKara-Community-Service-246127998929050/ Appogg Qawra Community Service Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/Appogg-Qawra-Community-Service-1417536978521406/ Appogg Valletta Community Service Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/Appogg-Valletta-Community-Service-250587148476676/ FSWS Gozo Branch Operations FSWS Gozo https://www.facebook.com/FSWSGozoBranchOperations/ Sedqa Malta Aġenzija Sedqa fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/sedqamalta/ Fostering Service - Malta Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/fosteringmalta/ Adoption Service - Malta Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/appoggadoption/ Centru Leap Punent LEAP fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/CentruLeapPunent/ LEAP North Region LEAP fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/QawraLeap/ Leap Centre - Northern Harbour Region LEAP fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/Leap-Centre-Northern-Harbour-Region-1491735167705678/ Centru Leap Ghax-Xlokk LEAP fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/Centru-Leap-Ghax-Xlokk-273352676208838/ LEAP South Region LEAP fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/leapsouthregion/ Home-Start Malta Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/Home-Start-Malta-542183622481858/ Home-Start Ghawdex Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS https://www.facebook.com/homestartgozo/

Budget 2019 — Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’benefiċċji hemm indikati għall-anzjani u għal min jieħu ħsiebhom skont l-aħħar Budget?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Budget għal din is-sena, hemm ammont sostanzjali ta’ miżuri li ser jibbenefikaw minnhom il-pensjonanti kollha, l-anzjani u l-persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna. Dawn il-benefiċċji huma kif ġej; DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA Minn din is-sena ser inżidu l-ħlas tal-Għajnuna Medika mhux kontributorja b’ħames ewro u erbatax–il ċenteżmu (€5.14) fil-ġimgħa lil dawk il-persuni miżżewġa, fejn hemm żewġ adulti li jbagħtu minn mard kroniku u li qed jirċievu din l-Għajnuna. Mill-ewwel ta’ Jannar 2019, ingħatat żieda ta’ żewġ ewro u sbatax-il ċenteżmu (€2.17) fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, cioè pensjonanti tal-Irtirar, Romol, tal-Invaliditaˋ u dawk li jirċievu l-Pensjoni tal-Etaˋ. Din iż-żieda ma tinkludix iż-żieda li kien hemm biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja. B’hekk kull pensjonant ħa żieda ta’ erba’ ewro u ħamsin ċenteżmu(€4.50) fil-ġimgħa. Pensjonanti tas-servizz, ser jerġa’ jkollhom żieda oħra ta’ mitejn ewro (€200) fl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li tiġi injorata fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtaˋ soċjali, biex b’hekk is-somma eżentata issa ser titla’ għal, elfejn, erba’ mija u sitta u sittin ewro (€2,466). Wegħda elettorali li għamilna kienet dik illi nkomplu ntejbu l-pensjonijiet tas-servizz, billi l-parti li jkunu kkomutaw biex jieħdu s-somma, tibda tkun injorata kollha għal fini ta’ pensjoni tas-sigurtaˋ soċjali. Bħala l-ewwel pass fit-twettiq ta’ din il-wegħda elettorali, minn din is-sena l-pensjonati li jirċievu pensjoni tas-servizz u li għandhom tnejn u sebgħin (72) sena jew aktar, jew illi minn din is-sena ’l quddiem jilħqu din l-etaˋ. Ser ssir irreviżjoni tal-pensjoni tagħhom tas-sigurtaˋ soċjali. Hekk minflok kif dejjem sar s’issa li jiġi injorat nofs l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz illi jkun ġie kkomutat, minn din is-sena ser jibdew jiġu injorati ħamsa u sebgħin (75) fil-mija tal-ammont ikkomutat. L-għotja ta’ tlett mitt ewro (€300) fis-sena lil dawk illi għalqu l-ħamsa u sebgħin(75) sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom se tkompli tingħata matul din is-sena wkoll. Il-bonus li beda jitħallas kull sena lil numru ta’ persuni, l-aktar nisa li ma ħallsux biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għall-pensjoni minima, mill-1 ta’ Jannar 2019, ser inkunu qed inżidu dan il-bonus b’ħamsin ewro (€50) fis-sena. B’hekk dawk illi kienu ħallsu aktar minn sena kontribuzzjoni iżda anqas minn ħames snin, il-bonus ser jiżdied għall-mitejn ewro (€200), filwaqt illi l-bonus ta’ dawk illi ħallsu aktar minn ħames snin kontribuzzjonijiet, ser jiżdied għal tlett mitt ewro (€300) fis-sena. B’din il-miżura ser jibbenefikaw madwar tnax-il elf u ħames mitt (12,500) persuna. Tlett snin ilu konna daħħalna inċentiv sabiex persuni li jibqgħu jaħdmu, minflok jirtiraw bil-pensjoni u b’hekk tiżdidilhom il-pensjoni tagħhom meta jagħlqu l-etaˋ ta’ ħamsa u sittin (65) sena. Din kienet miftuħa għas-settur privat biss. Minn din is-sena, dan l-inċentiv ser jiġi estiż ukoll għall-persuni li jibqgħu jaħdmu mas-settur pubbliku b’mod gradwali. Dan dejjem jekk ikun hemm talba mill-impjegat u l-kunsens ta’ min iħaddem. Jingħataw ħlasijiet għal anomaliji li setgħu nħolqu tul is-snin minħabba tibdiliet fis-sistema tal-pensjonijiet, jew għal raġunijiet oħra. (a) Għat-tielet sena konsekuttiva se nallokaw €11 miljun ewro f’fondi biex jiġu ndirizzati dawn l-inġustizzji tal-imgħoddi li jolqtu aktar minn sitt elef (6,000) benefiċjarju, jew l-eredi tagħhom. (b) Matul din is-sena wkoll, ser jiġi fi tmiemu l-proċess biex jitħallsu l-arretrati tal-pensjonijiet lill-eks-ħaddiema tal- Malta Electricity Board jew l-eredi tagħhom. Tejjibna l-ħlasijiet lil dawk illi jieħdu ħsieb l-anzjani fid-djar tagħhom. Dan sar permezz tar-riforma fl- Allowance Miżjuda għal Carers illi telgħet għal mija u erbgħin ewro (€140) u kif ukoll l- Allowance għal Carers illi telgħet għal disgħin ewro (€90). (a) Minn Jannar 2019,l-eżenzjoni mit-test tal-mezzi sertibda tgħodd għaż-żewġ allowances . B’hekk aktar anzjani ser tingħatalhom il-possibilitaˋ li jibqgħu jgħixu f’darhom u fil-komunitaˋ, għax il-qraba li jieħdu ħsiebhom ser jibdew jibbenefikaw huma wkoll. B’din il-miżura, anke persuni miżżewġa sal-età pensjonabbli li jkunu jgħixu taħt l-istess saqaf mal-anzjan jew anzjana, ser jibdew ikunu eleġibbli għall- Allowance għal Carers . (b) Minn din is-sena, meta persuna tapplika sabiex tieħu ħsieb anzjan jew anzjana, li jkunu laħqu l-etaˋ ta’ ħamsa u tmenin (85) sena, mhux ser tibqa’ ssir evalwazzjoni medika, mill-bord multi-dixxiplinarju u l- allowance titħallas awtomatikament, jekk il- carer u l-anzjan jew anzjana jkunu jgħixu fl-istess dar. Bil-għan illi titneħħa diskriminazzjoni li teżisti fl-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, Kapitlu tlett mija u tmintax (318), ser issir emenda biex persuni li kienu mpjegati f’entita` fejn il-Gvern kien is-sid jew kellu l-maġġoranza tal-ishma, u aċċettaw illi jibbenefikaw minn skema ta’ rtirar kmieni qabel l-1 ta’ Jannar tal-2008, ser ikunu jistgħu igawdu minn titjib fil-pensjoni tagħhom. Dan ser ikun possibli, għaliex il-pensjoni tkun tista’ tinħadmilhom fuq is-snin illi kienu jaħdmu fl-ażjenda tal-Gvern, u mhux bilfors fuq il-paġi li kellhom wara li rtiraw kmieni, minħabba proċess ta’ ristrutturar jew privatizzazzjoni tal-azjenda. S’issa, l-provedimenti tal-liġi japplikaw biss għal dawk l-impjegati li rtiraw kmieni, għal raġunijiet imsemmija wara l-1 ta’ Jannar tal-2008. Minn din is-sena, dawn il-provedimenti ser ikunu japplikaw ukoll għal dawk illi rtiraw kmieni, wara l-1 ta’ Jannar 2003. Għadd ta’ pensjonanti li fl-imgħoddi ħadmu l-Libja, kienu ġew affetwati negattivament minn tibdil illi kien sar fl-1988, fi Ftehim Bilaterali bejn Malta u l-Libja. Dan it-tibdil kien ħallihom esposti u mingħajr kontribuzzjonijiet imħallsin f’Malta, bil-konsegwenza li affetwalhom bil-kbir il-pensjoni tagħhom. Għalhekk kif wegħdna fil-manifest elettorali, b’effett minn Jannar 2019, ser nagħmlu ġustizzja wkoll ma’ dawn il-persuni, billi jirregolarizzaw irwiehom mad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali, bil-għan illi jibdew huma wkoll igawdu minn pensjonijiet ogħla u li jixirqilhom. Huma qed jingħataw l-opportunita` li, jekk jippreżentaw provi tal-kontribuzzjonijiet illi kienu ħallsu fil-Libja, dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkonvertiti f’kontribuzzjonijiet Maltin, skont is-sistema l-antika. F’każ illi ma jkollhomx provi x’juru, dawk milquta ser jingħataw l-opportunita` li jħallsu sa massimu ta’ għaxar (10) snin kontribuzzjonijiet nieqsa, skont ir-rati kurrenti. Persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb il-ġenituri u jirċievu l- Allowance Miżjuda għal Carers jew l- Allowance għal Carers ser jibdew ikunu kkunsidrati bħala kap ta’ familja fil-kalkolu tal-Għajnuna Medika, dejjem jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi.

Għawdex – Ir-Rabat – Taċ-Ċawla – bini ta’ housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ bini ta’ Housing ġdid ġewwa Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex? Ħarġu l-permessi u jekk le x’inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux? Meta hu ppjanat li joħorġu t-tenders u jibda x-xogħol infrastrutturali u kemm hu ppjanat li ħa jiġu jiswew dawn il-units tal-Housing ġodda ġewwa Għawdex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li, dwar il-proġett ta’ bini ta’ Housing Soċjali ġdid, f’Taċ-Ċawla r-Rabat, Għawdex, għaddejjin id-diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex.

Djar Residenzjali tal-Gvern — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ ilmenti ta’ kull Dar Residenzjali tal-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx indirizzati u x’rakkomandazzjonijiet meħtieġa ngħataw lil dawn id-Djar biex jiġu segwiti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Aġenzija Sappport – benefiċjarji tas-servizzi mogħtija

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6428, jista’ l-Ministru jindika fid-dettal kemm huwa n-numru ta’ benefiċjarji ta’ kull servizz mogħti mill-Aġenzija Sapport u jekk hemmx lista ta’ stennija fuq kull servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej muri ; Servizzi offruti mill-Aġenzija SAPPORT Numru ta’ benefiċjarji (sat-30 ta’ Jannar 2019) Lista ta’ stennija (sat-30 ta’ Jannar 2019) Servizzi ta’ Ħidma Soċjali 720 143 Servizzi fil-Komunità 337 102 Servizz ta’ Sharing Lives (Volontarjat) 51 93 Servizzi ta’ Matul il-Jum 532 120 Servizzi Residenzjali 58 269 Servizz ta’ Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali 83 0 Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, n-numru ta’ benefiċċjarji indikati fit-tabella t’hawn fuq, għal kull servizz, ma jistax jiġi mgħaddud biex jinħareġ total wieħed, hekk kif individwu jista’ jkun qiegħed jibbenefika minn aktar minn servizz wieħed fl-istess ħin.

Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità – identifikar ta’ bankini qodma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità hijiex tiddentifika dawk il-bankini qodma bi problemi ta’ aċċess biex fejn hu possibbli jiġu indirizzati? Jekk iva, ta’ liema lokalitajiet ġew identifikati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, identifikat 64 triq f'21 lokalità u żewġ żoni industrijali li għandhom bankini li qed joħolqu problemi ta' aċċessibilità. Dawn ġew identifikati kemm permezz ta' rapporti li rċeviet il-Kummissjoni, kif ukoll permezz ta' interventi diretti min-naħa tal-Kummissjoni, bħal surveys li jsiru mill-uffiċċjali tekniċi tagħha. Il-Kummissjoni qiegħda tikkollabora kemm mal-Kunsilli Lokali kif ukoll ma' Infrastructure Malta sabiex ikunu riżolti l-problemi ta' aċċessibilità marbuta mal-bankini. Il-lokalitajiet identifikati huma, il-Belt Valletta, l-Imdina, Ħaż-Żabbar, Ħ’Attard, Ħal-Lija, Birkirkara, l-Fgura, l-Furjana, Ħal Għargħur, il-Ħamrun, Marsaskala, l-Mellieħa, l-Mosta, L-Imsida, n-Naxxar, Tal-Pieta, l-Qrendi, r-Rabat, San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba, Santa Venera, Tas-Sliema, s-Swieqi, Ħal-Far u l-Imrieħel.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — TV advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5570 u 2314 u jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul il-perjodu msemmi kien hemm din in-nefqa ; Fl-2015 - €6,211.69 Fl-2016 - €5,301.40 Fl-2017 - €2,035 Fl-2018 - €99,669 Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din in-nefqa saret, sabiex setgħu jsiru diversi kampanji bi skop soċjali fosthom dwar, l-vjolenza domestika, l-kampanja edukattiva Onfoq bil-Għaqal, dwar il-Fostering, kampanja edukattiva dwar il-vizzju tax-xorb alkoħoliku, l-kampanja Nikru biex Nassistu u l-kampanja Soċjeta` Ġusta.

Residenza San Vinċenz de Paul – kumpanija – xogħol ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif u fuq liema kriterji ntgħażlet il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament biex tagħmel xogħol ta’ tindif fir-Residenza San Vinċenz de Paul, jgħid jekk intgħażlitx wara sejħa għall-offerti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, r-Residenza San Vinċenz de Paul, kienet ħarġet sejħa għall-offerti fis-sena 2015, fejn irċeviet 3 kwotazzjonjiet minn 3 kumpaniji differenti. X-Clean kienet il-kumpanija bl-iżjed offerta finanzjarjament vantaġġjuża, f’dik is-sejħa. Dan il-kuntratt huwa ta’ natura kummerċjali u sensittiva.

Residenza San Vinċenz de Paul – direct order lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ngħatat direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq xogħlijiet konnessi mar-Residenza San Vinċenz de Paul, ipoġġi lista ta’ dati meta ngħataw dawn id-direct orders u jgħid għal liema perjodu u n-natura tax-xogħol?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, dawn ix-xogħlijiet ingħataw b’Negotiated Procedure u mhux b’Direct Order.

Residenza San Vinċenz de Paul – kumpanija tat-tindif — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset xahar b’xahar il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mir-Residenza San Vinċenz de Paul mill-1 ta’ April 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – kumpaniji tat-tindif — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet li ngħataw lill-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu minn Marza 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija u li tinkludi n-natura tax-xogħlijiet, liema entità tat ix-xogħol, b’liema mod (sejħa għall-offerti, quotations, direct orders) u l-ħlasijiet li ngħataw s’issa għal kull xogħol u servizz li ngħata?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma saru l-ebda xogħlijiet mill-kumpanija Crystal Clean Limited minn Marzu 2013 s’issa. Fir-rigward tal-kumpanija X-Clean nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari numru 7765.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali -nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 2419 u 7535 waqt is-seduti ta' nhar is-6 ta' Ġunju 2018 u ta' nhar it-28 ta' Novembru 2018 rispettivament, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li, m’għandi xejn aktar x’inżid mat-tweġibiet illi ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 2419 u 7535.

Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar — servizz ta' home help u telecare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar (lokalità b’lokalità) li qed jistennew li jingħataw is-servizzi tal-Home Help u Telecare (b’mod separat)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, n-numru ta’ anzjani li qed jistennew is-servizz tal-Home Help fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar (inklużi wkoll il-Qawra u Buġibba) u n-Naxxar huwa kif ġej : Mellieħa 15-il anzjan/a San Pawl il-Baħar 9 anzjani Qawra 8 anzjani Buġibba 2 anzjani Naxxar 6 anzjani In-numru ta’ anzjani li qed jistennew l-installazzjoni tas-servizz tat-Telecare Plus fil-lokalitajiet imsemmija huwa kif ġej : Mellieħa 4 anzjani San Pawl il-Baħar 2 anzjani Naxxar Xejn

Residenza San Vinċenz de Paul – kuntrattur – xogħol ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kuntrattur/i qed jagħmlu xogħol konness ma’ tindif fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kuntrattur li qed jagħmel xogħol konness ma’ tindif fir-Residenza San Vinċenz de Paul huwa, X-Clean.

Residenza San Vinċenz de Paul – xogħol ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta (data) l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bdiet tagħmel xogħol ta’ tindif ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fit-30 ta’ Marzu 2015, il-General Contracts Committee (GCC) approva l-offerta magħżula. Il-Kuntrattur beda bix-xogħol tiegħu ġewwa r-Residenza f’April 2015.

Residenza San Vinċenz de Paul – sejħa għall-offerti – kuntratt ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid (data) meta l-aħħar li ħarġet sejħa għall-offerti għall-kuntratt ta’ tindif ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul u jpoġġi kopja tas-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-aħħar sejħa għall-offerti għall-kuntratt ta’ tindif ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul ħarġet fil-21 ta’ Diċembru 2018. Is-sejħa għall-offerti kienet ser tagħlaq fil-31 ta’ Jannar 2019. Din is-sejħa fit-23 ta’ Jannar 2019 ġiet estiża sal-14 ta’ Frar 2019. Kopja ta’ din is-sejħa tista’ tiġi pprovduta online minn fuq www.etenders.gov.mt.

Residenza San Vinċenz de Paul – kundizzjonijiet u standards

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru biex jiżgura li l-kundizzjonijiet u l-istandards stipulati fit-tenders għall-provvediment tal-ikel lir-residenzi tal-anzjani ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul u residenzi u djar tal-anzjani oħra, fosthom dawk imħaddma bħala PPP u djar tal-knisja, kif ukoll is-servizz tal-Meal on Wheels qed jiġu osservati minn min ifornihom? Jista' ġentilment jgħid id-dati matul dawn l-aħħar sitt xhur meta u fejn saru tali aċċertamenti u x'kien l-eżitu? Jista’ jgħid jekk il-Ministeru waslulux ilmenti dwar id-deterjorament sinjifikanti kemm fil-kwalità kif ukoll fil-kwantità tal-ikel li preżentament qed jitwassal lill-anzjani? Jekk fl-affermattiv jista' ġentilment jgħid x'passi ttieħdu biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tas-Servizz tal-Meals on Wheels, ilmenti dwar deterjorament sinjifikanti fil-kwalità u l-kwantità tal-ikel servut, kienu remoti. Madanakollu, kull ilment jiġi mgħoddi lill-kuntrattur sabiex jiġi investigat. Barra minn hekk, uffiċjali mid-Dipartiment għall-Anzjanita` Attiva u Kura fil-Komunita` ħadu ħsieb illi jżuru numru ta’ anzjani li jinqdew minn dan is-servizz, sabiex jisimgħu l-ilmenti u jaraw il-kwalita` tas-servizz mogħti. Matul l-aħħar sitt xhur kien hemm tnejn minn dawn iż-żjarat, fit-2 ta’ Awwissu, 2018 u fl-14 ta’ Novembru, 2018. Isiru wkoll laqgħat regolari mal-kuntrattur illi jagħti dan is-servizz. Rigward l-ikel pprovdut ġewwa d-djar residenzjali tal-Gvern, id-Dipartiment ma kellux ilmenti li jindikaw deterjorament sinjifikanti fil-kwalita’ u l-kwantita tal-ikel. Matul is-sena 2018, kien hemm 58-il ilment u dawn kollha ġew mgħoddija lill-kuntrattur b’mod immedjat biex tiġi ratifikata s-sitwazzjoni. Barra minn hekk, jinżamm kuntatt kontinwinu mal-kuntrattur, kemm permezz ta’ korrispondenza u kemm permezz tal-laqgħat, fejn jiġu diskussi diversi miżuri sabiex jittieħdu azzjonijiet, hekk kif jixtiequ l-anzjani. Rigward kuntratti ta’ xiri ta’ soddod, il-kuntratturi huma obligati li jipprovdu dan is-servizz u li jswegwu l-kwalita` tal-ikel illi jingħata. Il-kuntratturi huma obligati li jindirrazaw l-ilmenti fil-ħin u jirratifkaw is-sitwazzjoni. Dawn il-kuntratturi huma segwiti mill-Quality and Assurance Team tad-Dipartiment għall-Anzjanita` Attiva u Kura fil-Komunita`, sabiex ikun żgurat illi l-kuntratt qed jiġi onorat u l-ikel huwa ta’ kwalita` għolja kif mitlub. Il-kuntratturi huma mitluba wkoll li jżommu samples tal-ikel illi jiġu ittestjati skont il-ħtieġa u f’kull audit illi jsir, l-anzjani jiġu mistoqsijia dwar l-ikel. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, qed jittieħdu diversi provedimenti sabiex l-ikel jasal għand ir-residenti bl-aktar mod sigur, u bl-għola livell ta’ iġene possibli. Il-kuntrattur jagħmel eżamijiet frekwenti tal-ikel li jingħata, f’laboratorju akkreditat. Kopja ta’ dawn, kif ukoll checklists, illi jisru sabiex jiġi assigurat dik li tissejjaħ ‘Hazard Analysis and Critical Control Points’ jiġu pprovduti lil San Vinċenz, dan hekk kif huwa rikjest mill-Food Safety Act (Cap 449 of the Laws of Malta). Barra minn hekk issir laqgħa ta’ kumitat konġunt bejn il-kuntrattur u l-amminstrazzjoni tar-Residenza San Vinċenz, sabiex jiġu diskussi problemi u jsiru tibdiliet u rakkomandazzjonijiet skont il-bżonn. Darba kull sitt xhur, issir analiżi minn riċerkaturi terzi sabiex ir-residenti jiġu mistoqsija fuq il-kwalita` tal-ikel. Kopja ta’ din ir-riċerka tintbgħat lir-Residenza San Vinċenz. Is-sezzjoni tal-Customer Care u tal-Quality Assurance ukoll isaqsu lir-residenti u anke` isir stħarriġ magħhom fuq il-kwalita` tal-ikel. Il-kuntrattur jagħti taħriġ lill-impjegati tar-Residenza fuq ‘Hazard Analysis and Critical Control Points’ u anke` l-liċenzja tal-ikel. Qed isiru wkoll tasting sessions mar-residenti, organizzati mill-kuntrattur u r-Residenza San Vinċenz de Paule, sabiex ir-residenti jagħtu rispons immedjat fuq il-kwalita` tal-ikel. Il-kuntrattur jagħmel spezzjonijiet lill-fornituri tagħhom sabiex jistabilixxu li dawn għandhom proċessi ta’ iġene u sigurta` tal-ikel. L-impjegati tal-kuntrattur jiġu suġġetti għal testijiet frekwenti minħabba l-iġjene u l-bakterja li tista’ tiġi trasmessa mill-impjegati waqt il-preparazzjoni tal-ikel. Is-sistema tat-tqassim tal-ikel hija waħda immoniterata, fejn l-ikel jintbgħat fi ‘trolleys’ apposta. Dawn ikunu immonitorjati bl-internet mill-kumpanija sabiex l-ikel jasal fis-sala fit-temperatura adegwata. Anke l-van li jintuża fit-tqassim għandu temperatura kontrollata. Uffiċjali minn San Vinċenz de Paule jagħmlu spezzjonijiet fis-swali sabiex tiġi ċċekjata il-kwalita` tal-ikel illi jkun qiegħed jitqassam. Teżisti kommunikazzjoni kontinwa bejn it-taqsima tal-ikel ġewwa r-Residenza u l-kuntrattur, sabiex l-ikel lir-residenti dejjem ikun wieħed ta’ kwalita`. Ġiet introdotta sistema kompjuterizzata bil-għan illi l-għażla tal-ikel tar-residenti tiġi rispettata, kif ukoll sabiex l-ordinijiet jiġu proċessati b’sistema aktar effiċjenti.

Anzjani — ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux kontrolli biex jaċċerta li meta anzjani tad-day centers u anzjani oħra mir-residenzi joħorġuhom ġurnata, jiġi almenu żgurat li ma jingħatawx junk food bħal pastizzi u pizez minflok ikel addattat għalihom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Carers

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ moħħ numru ta' qraba ta' anzjani residenti ġewwa l-isptarijiet, residenzi u djar għal-anzjani li mhux minnu li numru ta' carers femminili qed jirrifjutaw jaħslu sew anzjani rġiel minħabba li r-reliġjon li jħaddnu ma tippermettilhomx jagħmlu dan?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kif ukoll ir-Residenza San Vinċenz de Paule, qatt ma’ kellhom jew ġiet irraportata lilhom din it-tip ta’ problema.