Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Mobile phones u fixed lines

Question

Tista' l-Ministru tinforma jekk hemmx xi impjegati tal-gvern, inkluż is-segretarjat tal-Ministru, li għandhom iktar minn mobile wieħed u aktar minn fixed line wieħed imħallas mill-gvern? Min huma dawn il-persuni u x'inhu l-ammont li tħallas kull xahar mill-2008 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ San Nikola — skola ġdida

Question

Tista' l-Minsitru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinbena xi skola, primarja jew sekondarja fi ħdan il-Kullegg ta' San Nikola? Jekk fl-affermattiv, tista tagħti d-dettalji meħtiega?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed jiġu evalwati l-possibiltajiet kollha dwar l-iskejjel sekondarji fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola. Meta jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji dawn jiġu mħabbra lill-imsieħba kkonċernati.

għaqdiet sportivi — għajnuniet finanzjarji għal xiri ta' sistema ta' IT

Question

Tista' Ministru tindaga dwar il-possibiltà li l-għaqdiet sportivi differenti jingħataw għajnuniet finanzjarji biex ikunu jistgħu jixtru sistema tal-IT li permezz tagħha jkunu jistgħu jaqdu aħjar lill-membri tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fost l-iskemi t’assistenza li għandu l-Kunsill Malti għall-iSport teżisti equipment assistance scheme. Għaqda reġistrata mal-KMS tista’ tapplika f’dan ir-rigward.

Eks Uffiċjali li jaħdmu fuq bażi part-time — contract of service

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3602, tista' l-Ministru tgħid kemm-il uffiċjal hemm fid-direttorati tal-edukazzjoni li jaħdmu fuq Contract of Service u tindika kull wieħed/waħda minn dawn fuq liema qasam qegħdin? X'perijodu ta' żmien għandu kull kuntratt ta' kull individwu minn dawn? Meta bdew u meta jispiċċaw kull contract of service ta' kull individwu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa fid-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni m’hemm ħadd li huwa mpjegat fuq contract of service.

Health and Safety awarness fl-iskejjel primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li meta hawn tant bżonn li tiżdied l-awareness fil-Health and Safety fl-iskejjel kollha primarji, żewġ peripatetic teachers f'dan is-suġġett inbagħtu jgħallmu l-Health and Safety ġurnata fil-ġimgħa fi skola sekondarja waqt li l-erbat ijiem l-oħra jgħadduhom fl-uffiċċju, minflok ma ntbagħtu bħall-peripatetic teachers l-oħrajn jgħallmu fl-iskejjel primarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5443 fejn ingħata elenku tad-doveri li qed jaqdu ż-żewġ għalliema li qed issir riferenza għalihom.

sezzjoni tal-ġardinara tad-Direttorat tal-Edukazzjoni — Trattament kontra l-bumunqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew trattati siġar tal-palm kontra l-bumunqar aħmar mis-sezzjoni tal-ġardinara tad-Direttorat tal-Edukazzjoni mindu bdiet din il-marda li qed teqred tant siġar? Tista' tindika l-postijiet jew lokalitajiet wieħed b'wieħed fejn ġew trattati dawn is-siġar? Kemm inqerdu siġar fl-iskejjel tagħna minħabba din il-marda? Liema kienu dawn l-iskejjel waħda b'waħda u kemm tilfu siġar tal-palm f'kull skola? Għal liema entitajiet oħra sar ix-xogħol ta' trattament ta' siġar tal-palm mill-Gardening Unit matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-inventarju li juri s-sitwazzjoni tal-palm fl-iskejjel ta’ l-istat u l-entitajiet tad-direttorati li fihom sar xogħol mill-Gardening Unit matul dawn l-aħħar sentejn. Fil-bidu kien hemm 362 siġra tal-palm. Minnhom mietu 21, iridu kura kontinwa 13 u għad hemm 328 palm mhux infettat. Kif jidher, bl-intervent f’waqtu tas-sezzjoni, ħafna mill-palm ta’ l-iskejjel ġie salvat. Bħala miżura biex il-marda tibqa mrażżna, l-esperti tagħna ser ikomplu bil-bexx tas-siġar tal-palm kollu bl-istess rutina li qegħdi mexjin biha issa.

Health and Safety Representatives fl-iskejjel

Question

Jekk inqisu li kull skola hija post tax-xogħol għall-għalliema, tista' l-Ministru tgħid meta ser jitwaqqfu u jiġu organizzati l-Health and Safety Representatives f'kull skola f'Malta kif titlob il-liġi tal-Health and Safety tas-sena 2000? X'qed iżomm milli tiġi applikata din il-liġi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa kienu l-Health and Safety Officers li ħadu ħsieb jaraw li jsir analiżi tar-riskji fl-iskejjel, mhux biss għall-istudenti, imma għall-komunita’ skolastika kollha. Din l-analiżi tiġi mgħoddija għand il-Kap tal-iskola biex jittieħdu l-passi li jkun hemm bżonn. Mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tal-Health and Safety, din l-analiżi ġiet aktar strutturata u formalizzata. Il-ħatra tal- Health and Safety Representatives qed tkun ippjanata li tibda titħaddem hekk kif ikunu strutturati aktar posts specjalizzati fil-kulleġġi biex ma jkomplix jiżdied il-piż fuq il-kapijiet tal-iskejjel.

żjajjar fl-iskejjel minn Education Officer tal-Health and Safety

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il vista saret mill-Education Officer tal-Health and Safety lill-iskola ta' Santa Monika tal-Mosta u lill-iskola ta' St. Joseph ta' Blata l-Bajda matul dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena? X'inhi r-raġuni li pariri fil-Health and Safety qed jingħataw biss lil dawn l-iskejjel tal-knisja biss? Jekk dan is-servizz qed jingħata b'xejn lil dawn l-iskejjel, tħoss li dan is-servizz għandu jiġu estiż għall-kumplament tal-iskejjel tal-knisja u dawk privati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Education Officer (Health and Safety) imur kull fejn ikun mistieden u jagħti pariri, bla distinzjoni, lil kull min jitolbu. Għaldaqstant żar ħafna skejjel tal-Knisja u Indipendenti, imma dejjem fuq l-istedina tagħhom. L-Education Officer (Health and Safety) qatt ma ġie mistieden iżur l-iskola ta Santa Monika fil-Mosta u żar l-iskola ta’ St. Joseph tal-Blata l-Bajda darba meta ġie mistieden jara x’għamlet l-iskola fil-programm Ewropew “Shape Up”. L- Education Officer (Health and Safety) ma jarax differenza bejn tfal fl-iskejjel tal-istat u dawk privati. Huma kollha tfal indaqs u għalhekk ma jiċħad lil ħadd. S’issa l-lista tal-iskejjel mhux tal-Istat li żar jinkludu dawn l-iskejjel: · San Andrea, l-Imselliet · San Anton, l-Imselliet · St Michaels Foundation, San Gwann · St Catherine’s, Pembroke · De la Salle College, Cottonera · Immaculate Conception, Tarxien · Mater Boni Consiglii, Paola · St Albert College, Valletta · St Dorothy’s, Zebbug · St. Francis, Sliema · St. Francis, Cospicua · Savio College, Dingli · St. Joan Antide, Gudja · St. Joseph, Blata l-Bajda · St. Joseph, Sliema · St. Monica, Gzira · St. Monica, Fleur de Lys, B’Kara · Stella Maris, Gzira

Pubblikazzjoni "l-Edukazzjoni sesswali" — tqassim lill-għalliema

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4850, tista' l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li tkun lesta l-pubblikazzjoni 'L-edukazzjoni sesswali' biex titqassam lill-għalliema kollha fis-settur tal-PSD? Jidhrilha li jkun jagħmel aktar sens kieku din il-pubblikazzjoni tiġi mqassma lill-għalliema kollha u mhux tal-PSD biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-għan tad-Dipartiment hu li l-pubblikazzjoni tkun f’idejn l-għalliema tal-P.S.D. fis-sena skolastika li ġejja. L-edukazzjoni sesswali hija tema sensittiva. Il-pubblikazzjoni ser titqassam biss lil dawk l-għalliema speċjalizzati f’dan il-qasam, li huma l-għalliema tal-P.S.D.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — bordijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7654 u tgħid liema huma il-bordijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tagħha li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — kumitati

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7662 u tgħid liema huma l-kumitati li jaqgħu taħt l-uffiċċju tagħha li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Wied il-Għajn — Skola Primarja - illiteriżmu

Question

Tista l-Ministru tgħid kemm hemm studenti fl-Iskola Primarja ta' Wied il-Għajn li huma identifikati bħala illitterati jew għandhom diffikultajiet fil-qari u fil-kitba? Qed isir xi programm individwali jew lezzjonijiet fil-litteriżmu fi gruppi għal dawn l-istudenti? Jekk iva, kemm-il darba jsiru? Qed isiru programmi fuq il-ħiliet bażiċi bħal fil-matematika u fl-ICT?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn popolazzjoni ta’ l’fuq minn 620 student, hemm: Tlett studenti bi bżonnijiet speċjali li huma lliterati u jsegwu Programm Individwali Edukattiv (IEP). Tnejn u ħamsin student li għandhom livell differenti ta’ diffikulta’ fil-qari u fil-kitba u li jingħataw is-servizz tal- Complementary Teachers . Fl-ICT inħossu li m’għandniex tfal li għandhom problemi bażiċi marbutin ma’ dan is-suġġett; xhieda ta’ dan huwa l-involviment f’diversi proġetti u fil-wirja annwali li ttellgħet bejn l-20 u t-22 ta’ Mejju 2009. Fir-rigward tal-matematika, l-għalliema jħaddmu l-prinċipju tat-tagħlim differenzjat fejn ikun hemm bżonn, ħalli t-tfal kollha jintlaħqu fid-diversita’ tagħhom.

Wied il-Għajn — Skola primajra - klassijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il klassi hemm fl-Iskola Primarja ta' Wied il-Għajn u kemm hemm studenti f'kull klassi, bniet u subien separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ klassijiet fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn huwa ta’ 20. In-numru ta’ studenti f’kull klassi, bniet u subien huwa kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — permess għall-użu ta' crane

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'assigurazzjoni ngħatat lil-ministeru mill-kumpannija ta' kostruzzjoni li qegħda tuża crane fejn il-bieb ta' entratura tal-Iskola Primarja f'Tal Pietà? Ġiet konsultata l-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabel ma nħareġ il-permess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-crane li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie żarmat fuq insistenza tal-Ministeru. L-iżviluppaturi ntalbu, u qegħdin, ifittxu alternattivi għax-xogħol tagħhom.

Żejtun Junior Lyceum — Ground ta' nine aside

Question

Tista' l-Ministru tara li fiż-Żejtun il-grawnd tan-nine aside tal-Junior Lyceum (bniet) jkun jista' jintuża miż-Żejtun Corinthians wara l-ħinijiet ta' l-iskola bħalma jiġri f'irħula oħrajn bħal Ħal Kirkop u Bormla taħt l-iskemi ta' sħubija bejn il-klabbs tal-futbol u l-iskejjel tal-Gvern? Stante li ż-Żejtun Corinthians għandhom proġetti biex itejbu dan il-ground u ż-Żejtun ingħaqad biex jagħti spinta lill-qasam sportiv, tista' l-Ministru tara li din l-isħubija bejn l-iskola tal-bniet u l-Corinthians issir malajr kemm jista' jkun, idealment qabel it-13 ta' Lulju meta jibda t-training ta' qabel is-season li jmiss? In oltre, iż-Żejtun Corinthians jeħtiegu wkoll l-użu tat-track li hemm fl-iskola tal-bniet tal-Junior Lyceum għall-finijiet ta' pre-season. Tista' l-Ministru tara li dan l-użu jkun jista' jsir fil-ħinijiet ta' filgħaxija bla diffikultajiet ta' xejn, kif isir f'irħula oħra bħal per eżempju Ħal Kirkop?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8525.

Għaqdiet sportivi reġistrati

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm kien hemm għaqdiet sportivi, skont id-dixxiplini differenti li fil-fatt irreġistraw mal-Kunsill Malti Għall-Isports, minn mindu sar obbligatorju li dawn l-għaqdiet jirreġistraw mal-Kunsill?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

dixxiplini sportivi — għajnuna finanzjarja

Question

Billi numru sostanzjali ta' clubs tal-football u ta' dixxiplini sportivi oħra fil-fatt għandhom problemi finanzjarji, jew għandhom nuqqas ta' sponsorships, tista' l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isports jikkonsidrax li taħt regolamenti stretti imposti mill-istess kunsill, dawn l-għaqdiet sportivi jingħataw għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7593.

Studenti li qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm kien in-numru ta' żgħażagħ mis-7, mid-9 mill-11 u mit-12-il distrett, lokalità lokalità li qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Health and Safety — suġġett kurrikulari

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3839, tista' l-Ministru tgħid għaliex tqis li l-Health and Safety m'huwiex suġġett kurrikulari bħall-oħrajn meta lezzjonijiet fis-suġġett isiru bħalma jsiru f'suġġetti oħra? Il-Health and Safety ma tarahx bħala suġġett cross curricular bħall-PSD u li dan żviluppa tali li għandu jkollu sillabu rikonoxxut bħal ta' suġġetti oħra? Jekk kif qalet fir-risposta tagħha is-suġġett tal-Health and Safety m'huwiex suġġett kurrikulari, għaliex qed jiġi mgħallem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa l-Health and Safety kien meqjus bħala servizz li jingħata lill-iskejjel u għalhekk jaqa’ taħt id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Nixtieq infakkar li bħalissa għaddejja il-Curriculum Review li qed tħares lejn edukazzjoni wiesgħa għal pajjiżna u fid-diskussjonijiet il-Health and Safety hu inkluż.

Sezzjoni tat-trasport — rapport

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3820, tista' l-Ministru tgħid meta hu mistenni li r-rapport ikkommissjonat mill-Ministeru tagħha dwar is-sezzjoni tat-trasport fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni ikun lest? Tista' tgħid min kien ikkommissjonat biex jagħmel dan ir-rapport u meta? Kemm se jiswa dan ir-rapport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport kkummissjona lis-Sur David Spiteri Gingell biex janalizza s-sitwazzjoni u jagħti r-rakkommandazzjonijiet dwar it-trasport tal-iskejjel statali. Dan ir-rapport ġie ppreżentat fl-aħħar ta’ Diċembru. Il-konsultazzjonijiet, l-analiżi tas-sitwazzjoni u r-rapport ġew jiswew €7500.