Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dokument Konsultattiv — Feedback

Question

Jista’ l-Ministru jindika x' kien it-tip ta' feedback li irċieva l-Ministeru fir-rigward tad-Dokument Konsultattiv li ġie ppubblikat f' Ottubru 2023? Jista’ wkoll iqiegħed din l-informazzjoni miġbura fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Dipartiment għas-Saħħa u t-Trattament Xieraq tal-Annimali irċieva total ta’ 137 feedback fir-rigward tad-Dokument Konsultattiv li ġie ppubblikat f' Ottubru 2023. Dan il feedback kien riċevut minn individwi, NGO’s li jaħdmu mal-annimali, groomers, pet sitters u dog breeders u kienu imqassma kif ġej: • 36 permezz tal-portal tal-konsultazzjoni pubblika tal-OPM • 65 permezz tal-indirizz elettroniku tal-konsultazzjonijiet tad-Dipartiment • 6 kienu sottomissjonijiet ikkomunikati b’imejls oħra • 30 mill-attendenza għall-konsultazzjonijiet pubbliċi Din l-informazzjoni tinsab fir-rapport tar-riżultat li jista’ jiġi aċċessat mill-portal tal-konsultazzjonijiet pubbliċi.

Dokument Konsultattiv — Deċiżjonijiet

Question

Fid-dawl li d-Dokument Konsultattiv li ġie ppubblikat f' Ottubru 2023 jindika li wara li jiġi studjat sewwa l-feedback miġbur mill-istess dokument, allura deċiżjonijiet importanti ser jiġu mittieħda f'dan ir-rigward, jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir, issa li diġà għaddew tliet xhur mill-għeluq tal-konsultazzjoni pubblika?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rispons ġie analiżżat, ġew mittieħda d-deċiżjonijiet meħtieġa u qiegħed isir ix-xogħol neċessarju.

Sajjieda li mhumiex full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li min għandu opra tal-baħar imma mhuwiex sajjied full-time għax ix-xogħol full-time tiegħu huwa fuq l-art, ingħata d-dritt li jgħolli l-opra tal-baħar tiegħu minn MFB għall-MFA?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull min hu rreġistrat bħala sajjied full-time ma’ l-entita’ kkonċernata u għandu bastiment fir-Reġistru Professjonali tas-Sajd, għandu dritt li ilu fis-seħħ għexieren tas-snin li jirreġistra l-bastiment fil-kategorija MFA (full-time).

Sajd għat-tonn — Żieda fil-kwota

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal għaż-żieda fil-kwota tat-tonn għal pajjiżna mill-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT) u jekk pajjiżi oħra bbenfikawx ukoll minn żieda fil-kwoti tat-tonn tagħhom? Jekk iva, liema huma dawn il-pajjiżi? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet iż-żieda fil-kwota li kellha Malta u x’żieda kellhom pajjiżi oħra u jagħti din l-informazzjoni f’persentaġġi separatament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwota ta’ pajjiżna żdiedet mill-Unjoni Ewropea u mhux mill-ICCAT, għaliex l-ICCAT iżżid biss lill-Unjoni Ewropea, peress li hi l-istess EU Contracting Party fl-ICCAT, kif maqbul fil- Trattat ta’ Adeżjoni ta' Malta fl-UE. Iż-żieda fil-kwota tat-tonn hija riżultat ta’ dak li jissejjah Scientific Advice mill-SCRS, fejn iddetermina li l-istokk tat-tonn huwa b’saħħtu biżżejjed, tant li jippermetti żieda fil-qbid tiegħu. L-aħħar żieda ta’ kwota tat-tonn mill-ICCAT kienet fis-sena 2022, għas-sena 2023 u kienet ekwivalenti għal 4,570 tunellata, filwaqt li ż-żieda totali għall-UE kienet ta’ 10.49%, ekwivalenti għal 2,043 tunellata. L-allokazzjoni għhal Malta hija fissa u stabbilita fil-livel ta’ 2.01% mill-kwota Ewropea, li kienet ekwivalenti għal 44.11 tunellata.

Koperattiva tas-Sajjieda – Laqgħat mal-Ministru/Segretarju Parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret minnu u/jew mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali mal-Koperattiva tas-Sajjieda tul l-2023? X'ġie diskuss f’dawn il-laqgħat? X'kienu t-talbiet tal-Koperattiva tas-Sajd u liema kienu dawk it-talbiet mill-Koperattiva tas-Sajd li ġew milqugħin mill-Gvern? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta' dawn il-laqgħat?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2023 saru 10 laghqat mal-Koperattiva tas-Sajjieda li kienu jitrattaw diversi temi.

Winch rooms — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol li sar fuq il-winch rooms lokalità b’lokalità matul l-2023?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022, id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura għamel xogħolijet sostanzjali fil-winch rooms kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Għaldaqstant ninsab infurmat li fl-2023 ma kien hemm bżonn ta’ l-ebda intervent meqjus sostanzjali jew maġġuri li jista’ jiġi rrapurtat. Spejjeż minuri jsiru skont il-bżonn sabiex wieħed iżomm dawn il-kmamar jiffunzjonaw kif suppost.

Bord tas-Sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min huwa kompost il-Bord tas-Sajd, jagħti d-dettalji relattivi għal kull membru li ġie maħtur u jgħid x'inhuma l-kwalifiki ta' kull membru relatat mas-settur tas-sajd?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bordijiet maħtura jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Speċifikament, il-Bord tas-Sajd ġie maħtur u ppubblikat skont (Kap. 425) tal-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tas-Sajd. Ninfurmah ukoll li kemm iċ-Chairperson, kif ukoll il-membri ta’ dan il-Bord ġew maħtura skont it-termini tas-sub-artikolu 5 (2) ta’ dan l-istess Att.

Għawdex u Kemmuna — Bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa, full-time u part-time, mis-sena 2013 sas-sena 2023 maqsuma sena b’sena, ġewwa Għawdex u Kemmuna u kemm minnhom huma irġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti. Ninfurmah ukoll li m’għandniex informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex full-time jew part-time. Tali informazzjoni għandha tintalab mill-Ministeru kkonċernat. SENA KUMPANIJI JEW FOROM OHRA NISA IRĠIEL TOTAL 2013 3 196 1,190 1,389 2014 3 205 1,401 1,609 2015 4 220 1,422 1,646 2016 4 228 1,515 1,747 2017 4 244 1,600 1,848 2018 3 253 1,642 1,898 2019 3 271 1,753 2,027 2020 4 312 1,961 2,277 2021 4 362 2,199 2,565 2022 4 418 2,346 2,768 2023 4 449 2,458 2,911

Santwarji reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' santwarji differenti reġistrati f'Malta u Għawdex? Jista’ wkoll jiddentifika liema tip ta' annimali jospita fih kull santwarju hekk kif titlob il-Leġislazzjoni Sussidjarja “Regolamenti dwar Standards Minimi għal Santwarji tal-Annimali” L.S.439.14?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hawn 11-il santwarju tal-annimali reġistrati mad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja. It-tabella segwenti hija lista ta’ santwarji differenti reġistrati f’Malta u Għawdex, li huma identifikati skont l-ispeċi ta’ annimali li jospitaw, skont il-L.S.439.14. Santwarji f’Malta Numru ta’ reġistrazzjoni Isem tas-Santwarju Speċi li jinżammu AS01 Island Sanctuary Klieb AS02 Stray Animal Support Group Qtates AS03 Animal Care Malta Qtates AS04 National Cat Society Qtates AS05 Carers for stray and Abondoned felines Qtates AS07 Malta SPCA Klieb u qtates AS09 Noah’s Ark Klieb AS10 Association of Abaondoned Animals Klieb AS12 Love for Strays Qtates AS14 Cats and Dogs Shelter Klieb u qtates Santwarju f’Għawdex Numru ta’ reġistrazzjoni Isem tas-Santwarju Speċi li jinżammu AS06 Gozo SPCA Klieb u qtates

Kliniċi magħżula biex jagħtu servizz/trattament mediku għall-annimali midruba miġbura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12163, fejn intqal li ġew magħżula ħames kliniċi biex fl-assenza tal-operat tal-isptar tal-annimali APH jagħtu servizz/ trattament mediku għall-annimali midruba miġbura, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-kliniċi jagħtux l-istess servizzi u trattamenti ta' sptar liċenzjat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kliniċi magħżula joffru servizzi skont kif tippermetti l-liġi sussidjarja 437.106, fejn jiġi offrut servizz kliniku u kirurġiku bażiku jew servizz speċjalizzat.

Liċenzja ta' klinika u liċenzja ta' sptar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma d-differenzi fl-operat bejn liċenzja ta' klinika u liċenzja ta' sptar?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d–differenzi fl-operat bejn liċenzja ta’ klinika veterinarja u sptar veterinarju huma ta’ natura strutturali, teknika u amministrattiva, hekk skont kif deskritt fil-LS 437.106.

Kliniċi magħżula biex jagħtu servizz/trattament mediku għall-annimali midruba miġbura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12163, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema tip ta' bażi ntgħażlu l-ħames kliniċi minn oħrajn biex fl-assenza tal-operat tal-isptar tal-annimali APH jagħtu servizz/ trattament mediku għall-annimali midruba miġbura?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħames kliniċi intgħażlu skont l-esiġenzi tas-servizz inkluż in-natura tal-emerġenza, jew kliniċi fejn issir tiswija ta’ annimali jew żjarat ta’ segwitu.

Kliniċi magħżula biex jagħtu servizz/trattament mediku għall-annimali midruba miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħames kliniċi li ġew magħżula għat-trattament mediku tal-annimali misjuba għadhomx jintużaw sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk dawn ikunux operati 24/7 minn tabib veterinarju kwalifikat biex f'kull ħin li l-ambulanza tiġbor annimal midrub tingħatalu l-assistenza rikjesta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mhux il-kliniċi veterinarji kollha jkunu miftuħin 24/7. Meta jinġabar annimal midrub tingħatalu l-assistenza veterinarja u jsiru arranġamenti dak il-ħin stess biex tali annimal jiġi assistit immedjatament. Skont il-leġislazzjoni Sussidjarja 437.106 Regolamenti dwar il-Liċenzjar ta’ Stabbilimenti Veterinarji Privati, kull klinika għandha tipprovdi, jew tkun parti minn, servizz ta' emerġenza ta' erbgħa u għoxrin siegħa.

Annimali miġbura li ttieħdu fil-kliniċi li ġew magħżula għat-trattament mediku – Break down

Question

Jista’ l-Ministru jagħti stampa ċara u jagħti break down ta' kemm annimali ġew miġbura u ttieħdu fil-kliniċi li ġew magħżula għat-trattament mediku tal-annimali misjuba sabiex jingħataw trattament minn Awwissu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew trattati annimali f’dawn ix-xhur f'kull klinika?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti. Qtates Klieb Oħrajn Happy Paws Ammissjonijiet tal-Pazjenti (L-Ewwel Vista) Visti ta’ Segwitu tal-Pazjent 4 2 N/A 229 39 N/A Zoomangi Ammissjonijiet tal-Pazjenti (L-Ewwel Vista) 544 240 16 Visti ta’ Segwitu tal-Pazjent 13 9 N/A Tiswija ta’ Qtates 1,725 N/A N/A Quality Vet Clinic Tiswija ta’ Qtates 82 N/A N/A Best Friends Clinic Tiswija ta’ Qtates 213 N/A N/A Vets 4 Pets Health Clinic Tiswija ta’ Qtates 89 N/A N/A

Ministeru/Dipartiment tas-Sajd — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti impjegati mal-Ministeru u/jew id-Dipartiment tas-Sajd u fiex inhu l-expertise tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13979 għal-impjegati mal-Ministeru tiegħi bħala konsulenti.

ICCAT – Rappreżentanti Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat mal-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT) li r-rappreżentanti Maltin jattendu għalihom? Jista’ jgħid ukoll x'kienu l-interventi tar-rappreżentanti Maltin waqt dawn il-laqgħat fir-rigward tas-sajjied Malti u Għawdxi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Party fl-ICCAT hi l-Unjoni Ewropea u mhux Malta, għaldaqstant fil-plenarja ma jistgħux isiru l-ebda interventi mill-ebda Stat Membru. Dan b’differenza għall-laqgħat ta’ koordinament bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Minuti tal-laqgħat isiru b’mod uffiċjali mis-segretarjat tal-ICCAT u jkunu aċċessibli mis-sit tal-istess organizzazzjoni.

Bycatch tat-tonn għas-sena 2022

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn kemm-il sajjied iddaħħal il-bycatch tat-tonn tas-sena 2022 u f’kemm żmien intlaħqet din il-kwota tal-bycatch?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 kien hemm 23 sajjied li daħħal bycatch, li intlaħqet fi ftit inqas minn jumejn.

Kwoti għall-qbid tat-tonn – Kriterji għat-tqassim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li qed jiġu użati biex titqassam il-kwota tat-tonn u liema kategoriji ta' sajjieda qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-kwoti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa ma hemm l-ebda kriterji li qed jiġu użati għaliex l-istaġun huwa magħluq u d-diskussjonijiet għall-istagun 2024 għadhom għaddejjin.