Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Tarxien – Triq iż-Żejtun — xogħol

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5399, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba Triq iż-Żejtun f’Ħal Tarxien ġietx ippjanata li ssir tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern qed iwettaq pjan biex gradwalment it-toroq kollha, anke dawk li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali, jinbnew mill-ġdid kif meħtieġ minn Infrastructure Malta. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla, bħala parti mill-investiment bla preċedent ta' €700 miljun li l-Gvern qed jalloka għal infrastruttura ta' kwalità fit-toroq Maltin. Sadanittant, sakemm triq tinbena mill-ġdid, il-kunsilli lokali ser jibqgħu jieħdu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswijiet meħtieġa biex jiġu evitati perikli jew diffikultajiet oħra.

Pitturi restawrati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema pitturi qed jiġu preżentement restawrati mill-kollezzjoni li għandna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-laboratorju tar-restawr tal-pitturi ta’ Heritage Malta jirrestawra kostantement pitturi mill-mużewijiet kollha amministrati minnha. Madankollu l-enfasi tvarja skont il-proġetti ewlenin li jkunu għaddejjin. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol fuq il-kollezzjoni ta’ pitturi li se tkun esibita fil-mużew ġdid il-MUZA, filwaqt li fis-snin li ġejjin l-enfasi se tkun fuq il-kollezzjoni ta’ pitturi tal-Palazz tal-Gran Mastru, fost l-oħrajn.

Esebizzjoni tal-pitturi li jinsabu fl-Arkivji

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li l-pitturi kollha li jinsabu fl-arkivji tagħna, jiġu esebiti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ebda mużew ma jesibixxi l-pitturi kollha fi ħdan il-kollezzjoni tiegħu, għal għadd ta’ raġunijiet, li fost oħrajn jinkludu spazju, kwalita’ ta’ studju, konservazzjoni, u rotazzjoni ta’ opri skond wirjiet temporanji skond il-każ.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu jew jekk ġewx permessi li jinġabru tips mill-events, u jekk iva, dawn kif ser jiġu jew ġew imqassma? Jista' jgħid xi proċedura qiegħda tiġi jew li ġiet addottata bħalissa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li tips mhux se jkunu permessi li jinġabru. F’każ li jingħataw tips dawn jidħlu bħala donazzjonijiet lill-Mużew jew sit.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol kollu relatat mal-HMSL isir jew sar b'mod voluntarju u jingħata jew ingħata biss lil min jixtieq jaħdmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Iva.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Union li tirrapreżenta l-ħaddiema ta' Heritage Malta kenitx ikkonsultata fuq din il-kwistjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat mill-Aġenzija li r-risposta hi fin-negattiv għaliex, wara kollox, il-parteċipazzjoni hija fuq bażi volontarja, anka jekk bi ħlas.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema interessati humiex se jitħallsu u jekk tħallsux mill-payroll system jew humiex se jiġu mitluba jew ġew mitluba jirreġistraw bħala self-employed u jużaw il-ktieb tal-VAT? Jista' jgħid kif se jassigura li ma jinħoloqx xi tip ta' xogħol tal-prekarjat ġdid fi ħdan Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dawn il-ħaddiema ser jitħallsu b’mod normali mill-payroll. L-Aġenzija mhux ħa toħloq l-ebda tip ta’ prekarjat. Il-pagi skont l-expression of interesthuma fit-tabella ta' hawn taħt. Job Title Rate/hour 1 Event Curator / Manager € 20 2 Head Waiter / Event Supervisor (F) € 17 3 Waiter (bar tender) Electrician / Assistant (F) Event € 13 4 Dish Washer/Cleaner/ Handyman (F) €10.50c

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest - Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-'event manager, curator or delegate', ħa jagħżel jew għażel lis-staff complement?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-event manager, curator or delegat se jagħżel lis-staff complement fuq kriterji ta’ esperjenza, kwalifiki, sales u customer care skills.

Heritage Malta – Expression of Interest Taste of History and Events

Question

B'referenza għall-internal memorandum ta’ Heritage Malta - Expression of interest -Taste of History and Events, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema ta' Heritage Malta li jaħdmu Malta hux se jkollhom jagħmlu u jekk hux diġà għamlu xogħol f’Għawdex? Jekk fil-pożittiv, jista' jgħid hux se jiġi pprovdut u jekk ġiex provdut trasport u akkomodazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija iżżomm kull dritt li tiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn jitilgħu nies min Malta għal Għawdex jew viċi versa għal attivitajiet kummerċjali jew attivitajiet oħra, kif dejjem kien il-każ. Trasport u akkomodazzjoni tingħata jekk u meta jkun hemm il-bżonn bħal ma sar fil-passat.

Ħal Tarxien – Triq il-Kbira — xogħol

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5398, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba Triq il-Kbira f’Ħal Tarxien ġietx ippjanata li ssir tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li Triq il-Kbira ħa ssir sa tmiem din is-sena.

Raħal Ġdid – Triq Ħaż-Żabbar — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5773, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk it-trattattivi biex jagħtu bidu għax-xogħlijiet fi Triq Ħaż-Żabbar Raħal Ġdid ġewx konklużi jew le?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern qed iwettaq pjan biex gradwalment it-toroq kollha, anke dawk li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali, jinbnew mill-ġdid kif meħtieġ minn Infrastructure Malta. Fil-fatt, diġà tħabbru l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li se jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla, bħala parti mill-investiment bla preċedent ta' €700 miljun li l-Gvern qed jalloka għal infrastruttura ta' kwalità fit-toroq Maltin. Sadanittant, sakemm triq tinbena mill-ġdid, il-kunsilli lokali se jibqgħu jieħdu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswijiet meħtieġa biex jiġu evitati perikli jew diffikultajiet oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ghaldaqstant tingħata f’xi seduta oħra.

Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra – xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6053, jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa dwar il-Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra, Għawdex? Jista' jgħid jekk il-kunsill għamilx proċess ta' konsultazzjoni pubblika u jekk iva x’kien l-eżitu ta' din il-konsultazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra qiegħed fil-fażi preparatorja biex jagħmel din il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Master Plan tal-pjazza tax-Xagħra Għawdex.

Inkjesta ta’ kumpanija – kopja tal-proċess verbali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa u mhux ċensurata tal-proċess verbali tal-inkjesta dwar il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li tħejja mill-Maġistrat Inkwirenti Aaron M. Bugeja u li kopja tiegħu ntbagħtet lill-Ministru mill-Avukat Ġenerali kif l-istess Avukat Ġenerali kkonferma bil-ġurament nhar il-25 ta' Settembru 2018 quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali) kif ippreseduta mill-Imħallef Robert G. Mangion fil-kawża fl-ismijiet l-Onor. Dottor Adrian Delia vs L-Avukat Ġenerali (Rikors Nru 81/2018)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-pubblikazzjoni jew le tad-dokument imsemmi fl-interpellanza illum tifforma l-mertu ta’ kawża pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Civili (Sede) Kostituzzjonali.

Inkjesta ta’ kumpanija – dettalji ta’ persuni li għandhom aċċess għall-proċess verbali tal-inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni kollha li għandhom aċċess għall-proċess verbali tal-inkjesta dwar il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li tħejja mill-Maġistrat Inkwirenti Aaron M. Bugeja u li kopja tagħha ngħatat lill-Ministru mill-Avukat Ġenerali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf li l-informazzjoni mitluba fl-interpellanza m’ hijiex fil-pussess tiegħi.

Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid – żamma fi stat tajjeb tal-pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jfisser x’arranġament qed jagħmel il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid biex jiġi żgurat li jsir il-manteniment kontinwu tal-pjazza l-ġdida ta’ Raħal Ġdid ħalli din tinżamm fl-aqwa stat li tista’ tinżamm fih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt sabiex l-informazzjoni tingabar.

Monument tal-Assedju l-Kbir — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol ta' restawr li sar fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li twettaq mid-Direttorat tar-Restawr, b’konsultazzjoni teknika ta’ Heritage Malta, kien jiffoka fuq il- bażi tal-monument u kien jinkludi: tindif ġenerali, trattament fuq il-biological soiling, tindif minn tbajja ta’ xemgħa u żejt, tikħil ta’ fili miftuħin u tiswija ta’ żoni deterjorati bil-metodu ta’ plastic repair. Dan ix-xogħol twettaq fuq perijodu ta’ tlett ġimgħat u ġie jiswa €1,600. Sar ukoll xogħol ieħor minn Heritage Malta li trattat u naddfet l-istatwa tal- bronż. Issa tidhol fis-sehh it-tieni fazi fejn, bl-ghajnuna ta' entitajiet ohra, se jkun qed isir ukoll xogħol ta’ tisbiħ li jinkludi titjib u tranġar tas-sistema tad-dawl u tal-paviment fil-madwar tal-monument.

Ħal Tarxien – Triq Santa Marija — xogħol

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5396, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-bidu ta’ Triq Santa Marija ma’ Triq is-Sorijiet Ħal Tarxien, ġie ppjanat li ssir tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern qed iwettaq pjan biex gradwalment it-toroq kollha, anke dawk li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali, jinbnew mill-ġdid kif meħtieġ minn Infrastructure Malta. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla, bħala parti mill-investiment bla preċedent ta' €700 miljun li l-Gvern qed jalloka għal infrastruttura ta' kwalità fit-toroq Maltin. Sadanittant, sakemm triq tinbena mill-ġdid, il-kunsilli lokali ser jibqgħu jieħdu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswijiet meħtieġa biex jiġu evitati perikli jew diffikultajiet oħra.

MCCAA — Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur - każijiet ta’ kanċellament ta’ titjiriet bl-ajru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti d-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward ta’ każijiet ta’ kanċellament ta’ titjiriet bl-ajru u dan billi jelenka l-kumpaniji konċernati u n-numru ta’ ilmenti magħmula fir-rigward ta’ kull kumpanija tal-ajru mill-bidu tal-2018 sa kemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kien hemm 22 ilment reġistrati dwar kanċellament ta’ titjiriet bejn Jannar 2018 u t-30 ta’ Settembru, 2018 skont Regolament APR 261/2004. Qed nannetti tabella iktar dettaljata bl-informazzjoni mitluba. January Turkish Airlines 1 X Cancelled February Lufthansa 1 X Cancelled March Easy Jet 1 X Cancelled Lufthansa 1 X Cancelled Ryan Air 2 X Cancelled April Ryan Air 1 X Cancelled May Lufthansa 1 X Cancelled Ryan Air 2 X Cancelled June Ryan Air 2 X Cancelled Lufthansa 1 X Cancelled July Ryan Air 1 X Cancelled August Ryan Air 3 X Cancelled Lufthansa 1 X Cancelled September Ryan Air 3 X Cancelled Lufthansa 1 X Cancelled

Kirjiet Kummerċjali Protetti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm hawn kirjiet kummerċjali protetti li se jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili u li l-protezzjoni tagħhom tintemm fis-sena 2028? Jista’ jqassam dawn bil-lokalità fejn jinsabu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.