Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-applikazzjonijiet għar-Residenza San Vinċenz de Paul tal-koppja anzjana li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament li jgħixu waħidhom u li t-tnejn huma dipendenti, iżda ukoll għaliex hemm problemi ta' saħħa mentali u għaldaqstant ir-risku għal saħħithom ikompli jikber?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ġew approvati mill-Bord tal-Ammissjoni għar-Residenza ta’ San Vincenz. B’hekk l-applikazzjoni tal-imsemmija anzjani ġew imqiegħedha fil-lista ta’ stennija għal din ir-residenza.

Qtar tal-Għajnejn Hylo-comod u Allergo Comod

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-qtar tal-għajnejn Hylo-comod u Allergo Comod mhumiex fil-lista tal-mediċini li jingħataw b'xejn? Hemm xi ħsieb li dawn jidħlu f'din il-lista?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-qtar Allergo Comod® (sodium cromoglycate) jintuża għat-trattament tas-sintomi relatati mal-għajnejn tal-konġuntivite allerġika u l-Hylo-Comod® (sodium hyaluronate) jintuża għat-trattament t’għajnejn xotti. Il-Konġuntivite allerġika mhux waħda mill-kundizzjonijiet ta’ Skeda V fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).

Helpers f'djar privati tal-anzjani — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32729 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk persuni li jinteresshom jaħdmu bħala helpers fid-djar privati tal-anzjani għandhomx bżonn isegwu xi kors partikolari?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Infezzjonijiet tal-għajnejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-inċidenza tal-infezzjonijiet tal-għajnejn matul is-sena 2011? Jista' jgħid jekk kienx hemm żieda ta' infezzjonijiet tal-għajnejn minn pazjenti li jkunu qed jagħmlu visita jew inkella li qed ikunu ospitati fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid x'mekkaniżmu qed jintuża biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-inċidenza tal-infezzjonijiet tal-għajnejn matul is-sena 2011 kienet ta’ 37 pazjent, waqt li fis-sena 2010 kien hemm 23 pazjent. Dan l-informazzjoni qed tinġabar mill-Hospital Activity Analysis Register. L-informazzjoni dwar iż-żieda ta' infezzjonijiet tal-għajnejn minn pazjenti li kemm ikunu qed jagħmlu viżta jew inkella li qed jkunu ospitati fl-Isptar Mater Dei ma tistgħax tinġabar.

Residenza San Vinċenz de Paul — sala Patri Piju - ilment

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir peress li fis-sala Patri Piju fir-Residenza San Vinċenz de Paul, lill-pazjenti u lir-residenti ma jħalluhomx joqgħodu fil-kuritur tas-sala?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-swali l-ġodda, fosthom il-Blokka ta’ Padre Piju, hemm spazju ddedikat magħrufa bħala atria, fejn l-anzjani jistgħu jqattgħu ftit siegħat flimkien. F’dawn l-atria, l-anzjani jistgħu joqgħodu madwar mejda, flimkien mal-familjari tagħhom, u fl-istess ħin ma jkunux qegħdin idejqu Anzjani oħra li forsi jkunu jridu jistrieħu. Għalhekk, kemm jista’ jkun l-anzjani huma mħeġġa sabiex jużaw dawn l-atria minflok joqgħodu fil-kuritur.

Medical Lab scientists

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32060 u jgħid kemm applikaw għall-medical lab scientists mal-Isptar Mater Dei wara s-sejħa li saret f’Jannar 2012? Meta mistennija jsiru l-interviews? Kemm mistennija jimtlew postijiet battala?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sejħa li għaliha qed issir referenza hija għal medical laboratory technologists fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, u li għal din is-sejħa ntlaqgħu 21 applikazzjoni. Ġie kkonfermat illi sar xogħol preparattiv sabiex ikunu jistgħu jsiru l- interviews . Il-postijiet battala jimtlew skont l-esġenzi tas-Servizz Pubbliku u skont kif approvat mill-Public Administration HR Office u l-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.

Pubblikazzjoni tal-Politika Nazzjonali dwar is-saħħa sesswali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28584, jista' l-Ministru jgħid jekk il-politika nazzjonali dwar is-saħħa sesswali ġietx pubblikata jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'ħidma qed issir biex din ma tibqax biss fuq il-karta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Politika Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali għall-Gzejjer Maltin kienet varata f’Novembru 2010. .Kif kien ippjanat fil-Politika Nazzjonali, f’Novembru 2011 kienet imneddija l-istrateġija Nazzjonali li elenkat il-miżuri li jridu jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet tal Politika Nazzjonali. F’din l-istrateġija hemm numru ta’ miżuri li diġà qed jiġu mwettqa jew li hu pjannat li jiġu mwettqin fis-snin li ġejjin. Fl-estimi nazzjonali għal din is-sena hemm vot speċifiku li huwa ddedikat għall-implimentazzjoni ta’ miżuri minn din l-istrateġija. Minn mindu ġiet imnedija l-istrateġija f’ Novembru tas-sena l-oħra dawn l-inizjattivi ġew jew qed jiġu implimentati: Twaqqif ta’ Kumitat biex jissorvelja l-implimnetazzjoni. Seminar ta’ tlett ijiem għat-taħriġ tal-professjonisti minn oqsma differenti. Inizjattivi għall-promozzjoni tas-saħħa sesswali. Bidu ta’ ricerka dwar l-attitudnijiet sesswali u il-prattiċi fl-adulti ( Frar 2012). Preparazzjoni ta’ pakkett informattiv għal kull min jaħdem fil-qasam tal-midja. Inħarġet tender li bħalissa qed tiġi evalwata biex jiġi imwaqqaf sit elettroniku interattiv fuq is-saħħa sesswali. Inbdiet sistema ta sorveljanza ta’ infezzjonijiet bil-Chlanidya bil-parteċipazzjoni ta numru ta’ tobba tal-familja. Wasal biex jiġi finalizzat ix-xogħol meħtieg biex il-klinika Ġenito-Urinarja li hemm fl-Isptar Sir Paul Boffa tiċċaqlaq lejn l-isptar Mater Dei Qed jitfasslu pjanijiet biex isir aktar taħriġ għall-professjonisti.

qasam tal-kura tal-anzjani — impjieg ta' social assistants

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32466 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu impjegati social assistants fil-qasam tal-kura tal-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ingaġġ kollu mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jsir skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tas-Servizz Pubbliku, kif ukoll skont kif maqbul mal-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u l-Public Administrtion HR Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Pazjenti li jbatu bid-dementia

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31964 u jgħid kemm-il pazjent bid-dementia se jingħata kura b'xejn matul din is-sena? Kemm huma vvutati flus għal dan il-għan? Jekk mhemmx biżżejjed flus ivvutati fuq liema kirterju se jintgħażlu l-pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kien imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2012, hemm fondi ta’ mitejn elf Ewro (€200,000.00) sabiex jibdew jingħataw il-pilloli tad-dimenzja b’xejn. Mediċini li bħalissa qegħdin fil-Formularju tal-Gvern se jibdew jingħataw għall-kura tad-dimenzja. Il-liġi li temenda l-iSkeda V tal-Att tas-Sigurtà Soċjali (AH 1/2012) għaddiet mill-Parlament fit-3 ta’ Frar 2012, u se tiġi fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu. F’dan l-istadju bikri mhuwiex possibli li wieħed ikun ċert kemm se jintnefqu flus. Kull min għandu d-dimentia huwa intitolat għal xi forma ta’ mediċini li jinstabu fuq il-formolarju tal-gvern.

Ħal Qormi — informazzjoni dwar il-health centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-catchment tal-Health Centre ta' Ħal Qormi, jiġifieri Ħal Qormi, Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ, hux jinkorpora lokalitajiet oħra? Veru li qed jintbagħtu nies għal servizzi f'din il-health centre minn lokalitajiet oħra? Jekk iva għaliex u x'impatt qed ikollu fuq s-servizzi li diġà jingħataw minn din il-health centre, jiġifieri fuq ir-residenti ta' Ħal Qormi, Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ u fuq ir-riżorsi umani li jagħtu s-servizz? Jista' jgħid jekk ġiex studjat jekk jistgħux per eżempju jinħolqu waiting lists għas-servizzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi jieħu ħsieb jagħti xi servizzi lil-lokalitajiet ta’ barra l-catchment area tiegħu. Dawn is-servizzi huma: 1. Visti mit-tabib tal-familja fid-djar Barra Ħal-Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, it-tabib imur ukoll jinvista n-nies ta’ Ħal-Luqa, Ħal-Kirkop, Hal-Safi, iż-Żurrieq, l-Imqabba u il-Qrendi li jaqgħu taħt il- catchment area tal-Furjana. Din il-miżura ittieħdet minn meta infetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi minħabba l-attivita’ baxxa u l- catchment area żgħira ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa ikkomparata ma’ dik tal-Furjana. Barra minn hekk huwa aktar prattikabli għax dawn l-irħula jinstabu aktar viċin Ħal-Qormi. 2. Visti tal-għajnejn (oftalmoloġija) Minħabba li n-numru ta’ speċjalisti f’dan il-qasam huwa limitat, dan qiegħed jingħata minn tlett ċentri tas-saħħa biss, li wieħed minnhom hu dak ta’ Ħal-Qormi. Għalhekk pazjenti mil- catchment area ta’ Raħal Ġdid qed jattendu f’dan iċ-ċentru tas-saħħa. 3. Tehid ta’ demm lill-pazjenti Barra Ħal-Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, pazjenti mill- catchment area tal-Furjana u B’Kara qiegħed jiġu offruti li jinqdew minn dan iċ-ċentru fejn l-attivita’ hi ferm anqas u għalhekk iż-żmien biex jinqdew il-pazjenti jkun qasir. Dawn is-servizzi mhux qiegħed joħolqu impatt hażin fuq l-istaff jew iċ-ċittadini tas- Siġġiewi, Ħal-Qormi u Ħaż-Żebbuġ. Dan l-arrangament qiegħed issir biex ma jkunx hemm waiting lists hu għalhekk il-pazjenti jinqdew aktar malajr għall-ħtieġijiet mediċi tagħhom.

Sptar Karen Grech — infermiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jġib l-infermiera għas-sala l-ġdida li se tinfetaħ fl-Isptar Karen Grech, in vista tan-nuqqas ta' infermiera li s-settur tas-saħħa għandu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li qed jiġu ngaġġati infermiera mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità mir-riżultati li ġew ippublikati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fit-23 ta’ Frar 2012, wara sejħa għal infermiera. Parti mill-infermiera ingaġġati qed jiġu allokati għall-Isptar Karin Grech.

settur tas-saħħa — impjegati li se jitnaqsilhom l-overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jitnaqqas l-overtime li jingħata lill-impjegati fis-settur tas-saħħa minħabba l-miżura tat-tnaqqis ta' €8.5 miljuni mill-vot tas-settur? Jekk iva, liema huma l-impjegati u l-oqsma milquta fis-settur tas-saħħa u b'kemm? Jekk iva, jista' jgħid jekk hux se jintroduċi xi sistema ta' xogħol ġdida biex isir ix-xogħol li kien isir minn impjegati waqt il-ħin tal-overtime?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li, kif rikjest mill-Public Service Management Code (Sezzjoni 3.2.1.) l-overtime għandu jiġi utilizzat biss b’mod eċċezzjonali u li perjodikament għandu jiġi revedut l-overtime li qed isir, bil-għan li jiġi ekonomizzat l-overtime u tiżdied il-produttività b’mezzi oħrajn. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-Ministeru, b’mod regolari, jagħmel moniteraġġ tal-overtime li qed jiġi utilizzat u jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex issir ekonomija mill-overtime kif rikjest mill-istess Public Service Management Code, u anke sabiex tintlaħaq il-miżura tat-tnaqqis ta’ €8.5 miljun.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32513 u 32249 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-entitajiet pubbliċi li jagħmlu parti mid-dekasteru tal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità huma l-Awtorità tas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Fondazzjoni Għas-Servizzi Mediċi (FMS). Iċ-chairperson tal-OHSA għandha remunerazzjoni ta’ €13,976.00, filwaqt li l-kap eżekuttiv għandu remunerazzjoni ta’ €35,216, performance bonus sa’ 15 fil-mija, użu ta’ karozza u telephone ċellulari, health insurance, life insurance u expenses allowance. Iċ-chairperson tal-FMS għandu remunerazzjoni ta’ €16,305, użu ta’ karozza u telephone ċellulari, u konnessjoni tal-internet. Il-kap eżekuttiv għandu remunerazzjoni ta’ €58,000.00, u l-użu ta’ karozza u telephone ċellulari. Il-Head Health Services għandu remunerazzjoni ta’ €40,575.00, allowance għat-trasport u l-użu ta’ telephone ċellulari. Il-financial controller għandu remunerazzjoni ta’ €42,000.00, allowance għat-trasport u l-użu ta’ telephone ċellulari. Il-Head Procurement and Contracts għandu remunerazzjoni ta’ €40,575.00, allowance għat-trasport u l-użu ta’ telephone ċellulari.

Residenza San Vinċenz de Paul — talba għal sodda partikolari

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31354, filwaqt li l-familja japprezzaw dak kolli li l-istaff jagħmel, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir peress li hija x-xewqa tal-pazjent li jkollu sodda kif kellu d-dar mogħtija b'self mill-Community Chest Fund li kienet bir-remote control?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-assessments li saru mit-terapisti li jieħdu ħsieb il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, fl-opinjoni tagħhom, din il-persuna m’hijiex sejjer tibbenifika minn electrical bed (remote control bed). Kif intqal f’risposta preċedenti, qegħda tittieħed kull miżura possibbli sabiex il-persuna tkun komda u tingħata l-kura bl-aħjar mod fl-interess tagħha. M’hemm l-ebda oġġezzjoni jekk il-familjari iridu jagħmlu talba mall-Community Chest Fund għal sodda.

informazzjoni dwar suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm attentati ta’ suwiċidju fl-2007, 2008, 2009, 2010 u 2011? X’etajiet kellhom il-persuni li ppruvaw jagħmlu dawn l-attentati ta’ suwiċidju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31850.

talba għal home help

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet li jiżdiedu s-sigħat tal-home help peress li l-qagħda tagħha marret għall-agħar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Bord tal-Allokazzjoni tas-Servizz tal-Home Help reġa ra l-każ imsemmi fit-23 ta’ Frar 2012 u approva żieda ta’ siegħa fil-ġimgħa.

mediċini għal pazjenti bid-dimentia

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'huma l-proċeduri li issa baqa' biex il-mediċini għall-pazjenti li jbatu bid-dimentia jkunu aċċessibli għall-użu tagħhom? Tħejja xi protokol għal dan ir-rigward u jekk huwa l-każ, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kien imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2012, hemm fondi ta’ €200,000 biex jibdew jingħataw il-pilloli tad-dimenzja b’xejn. Mediċina li bħalissa qiegħda fil-Formularju tal-Gvern ser tibda tingħata għall-kura tad-dimenzja kif tiġi ntrodotta uffiċjalment r-riforma ta’ Skeda V, jiġifieri mis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Applikazzjonijiet ta’ mediċini ġodda li mhux fil-Formularju għall-kura tad-dimenzja jibdew jiġu evalwati u kkunsidrati għall-inklużjoni fil-Formularju tal-Gvern.

strateġija nazzjonali tad-dimentia

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani fiex wasal il-pjan għall-istrateġija nazzjonali tad-dimentia? Kemm-il laqgħa saret dwar dan il-pjan matul l-2011 u bejn min u għal liema aspett tad-dimentia saru dawn il-laqgħat ? Kemm rapporti ġew konklużi sabiex jiġu attwati f'din l-istrategija u meta ġew konklużi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pjan għall-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimentia qiegħed fi stat avvanzat. Saret konsultazzjoni wiesgħa u se jitressaq quddiem il-kabinett.

Footballer li weġġa' waqt partita

Question

B'referenza għall-footballer li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, ta' nazzjonalità Indjana imma li trabba f'pajjiżna mit-tfulija, li ttieħed l-isptar bl-ambulanza wara li weġġa' u sofra concussion waqt partita tat-tielet diviżjoni tal-BOV league tal-Malta Football Association (Mdina K vs Marsaskala), jista' l-Ministru jara jekk dan iż-żagħżugħ - in vista tat-trobbija tiegħu f'Malta miċ-ċkunija tant li jitkellem b'Malti perfett u jqis ruħu bħala Malti, jistax jiġi eżonerat milli jħallas il-kont li ntbagħat lilu mill-Isptar Mater Dei tal-kura li rċieva fis-sigħat ta' wara l-partita de quo sa ma telaq mill-Isptar dakinhar stess?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant inħariġlu kont li jammonta għal €691.74. Għalkemm hu għadu joqgħod mall-ġenituri tiegħu, la għandu 'l fuq minn 18-il sena jiġi indipendenti minnhom. Biex l-ammont dovut ikun jista’ jiġi kkanċellat, il-pazjent irid ikun jaħdem u jħallas il-bolla hawn Malta. Biex dan ikun jista’ jiġi kkonfermat, il-pazjent ikun irid jipprezenta l-aħħar payslip jew inkella jkun jattendi ġo istituzzjoni edukattiva tal-Gvern bħall-MCAST/Universita eċċ. F’dan il-każ tkun trid tiġi ppreżentata ittra minn din l-istituzzjoni fejn tkun ikkonfermata l-attendenza tal-pazjent. Jekk din il-persuna la taħdem u lanqas taddendi ġo xi stituzzjoni edukattiva tal-Gvern, l-ammont dovut ikun irid jiġi mħallas.