Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex — breakdown tar-returns

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34509 u 35264 u cioè: B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34509 fejn bħala risposta rreferieni għall-mistoqsija parlamentari 34508 li jiena kont għamilt lill-Ministru għal Għawdex u li għal liema mistoqsija, il-Ministru ma tatx l-informazzjoni mitluba u allura ż-żewġ Ministri qed jitfgħu dubbji serji fuq it-trasparenza, serjetà u kontabilità tal-Gvern fl-infiq ta’ flus il-poplu, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns bi breakdown dettaljat tal-ispiża li saret fuq kull item tal-Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex li ntbagħtu lill-Budget Office fil-Ministeru tiegħu għal Diċembru 2010 u għal Diċembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija Għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 34509.

Bini ta' hanger għall-SR Teknik

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini tal-hanger għall-SR Teknik? Jekk tlesta dan, ġie mgħoddi lill-SR Teknik? Jekk iva, b'liema titolu ġie mgħoddi; dak ta' lokazzjoni jew b'emfitewsi? Jekk sar kuntratt simili ta' trasferiment, x'inhuma l-kundizzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-SR Technics Malta Limtied (SRT) qed tesplora l-potenzjal ta' espansjoni ġewwa Safi Aviation Park minn fejn din il-kumpannija diġa' qed tiġġestixxi l-operat tagħha. Dan minħabba l-infrastruttura avvanzata illi diġa' teżisti ġewwa dan il-park ta' l-avjazzjoni u anki minħabba titjib infrastrutturali ieħor illi ser jibda' jitwettaq fix-xhur li ġejjin. Għaldaqstant, l-iżvilupp tal-binja proġettata għall-espansjoni ta’ l-SR Technics Malta Limited għadu ma bediex. Il-kuntratt viġenti huwa wieħed ta’ lokazzjoni. Mhux prudenti illi jiġu żvelati t-termini u l-kundizzonijiet ta’ l-allokazzoni peress illi dawn huma meqjusa bħala kummerċjalment sensittivi għall-SRT u jista’ għalhekk ikun hemm impatt negattiv fuq l-operat ta’ l-SRT jekk din l-informazzjoni issir pubblika.

lista ta' fabbriki ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' fabbriki ġodda li nfetħu bejn 2008 u 2011? Kemm ħadmu nies f'dawk il-fabbriki l-ġodda? Kemm kien l-investiment investit minn kull fabbrika? Kemm kien l-estensjonijiet ta' fabbriki li saru bejn 2008 u 2011? Liema fabbriki kienu li effetwaw estensjonijiet? Kemm kien l-investiment f'kull fabbrika u kemm żdiedu ħaddiema f'kull fabbrika?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Kontribut ta' Malta għall-bailout jew self lill-Spanja

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm se jkun il-kontribut ta' Malta għall-bailout jew self lil Spanja? Kif se jimpatta dan il-kontribut fuq id-dejn ta' pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Spanja għadha ma applikatx għall-ebda programm t'għajnuna. Għaldaqstant, għadu ma ġie nnegozjat l-ebda programm u allura l-anqas m'hu magħruf id-daqs tal-programm. Fuq kollox, għadu mhux determinat jekk hux se jintuża l-EFSF jew inkella l-ESM f'każ ta' programm għas-settur bankarju fi Spanja. S'issa kulma hemm hija stqarrija tal-Grupp tal-Ministri taż-żona tal-ewro illi lest jikkonsidra faverovalment applikazzjoni għall-għajnuna minn Spanja. Minħabba s-sitwazzjoni kif deskritta hawn fuq, it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu mhux magħruf.

Rapport Regolatorju tal-MFSA — BOV LA Vallette Multi Manager Property Fund

Question

B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jista’ l-Ministru javza lill-Kamra għaliex l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta: a) wara li diġa fit-23 ta’ Awwissu 2011 kienet stqarret f’Media Release tagħhom li “ it has arrived at its conclusions on this matter ”; b) wara li fit-3 ta’ Novembru 2011 f’Media Release oħra, l-istess Awtorità stqarret li “ the investigations on misselling of the Fund to inexperienced investors it also at an advanced stage and the MFSA shall be communication its final position on this matter to Bank of Valletta by the end of the year ” bla spjegazzjoni u bl-ebda sens ta’ kontabilità bħala awtorità pubblika, għadha tkarkar saqajha u ttawal biex wara dawn ix-xhur kollha r-Rapport għadu ma ħariġtx waqt li l-investituri mġarrba jkomplu jbatu emozzjonalment u materjalment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Rapport Regolatorju tal-MFSA — Investment protection lill-min kellu La Vallette Multi Manager Property Fund

Question

B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jaf il-Ministru li statutorjament l-Awtorità twaqqfet bl-iskop, espressament msemmi taħt Artiklu 4 – Funzjonijiet tal-Awtorità - li tipprovdi investment protection liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż u li tissodifa l-aspettativi leġittimi ta’ konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji, iżda minflok qiegħda taqdi dan id-dmir, qiegħda minflok, għaliex trid jew inkella għaliex toqgħod għall-pressjonijiet esterni, sservi ta’ tarka minn deċiżjonijiet oħra kontra l-istess Bank of Valletta u l-kapijiet protetti tiegħu wara li dawn diġà instabu mill-istess MFSA ħatja ta’ nuqqasijiet l-aktar serji f’Ġunju 2011 u Jannar 2012 dwar it-tmexxija tal-La Valette Multi Manager Property Fund u bejgħ ta’ prodotti preferred perpetual bħal ta’ Lehman u oħrajn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

BOV — ingaġġ ta' skrivani

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma kemm kienu l-impjegati li applikaw biex jidħlu l-BOV dan l-aħħar bħala skrivani? Kemm minnhom ġew short listed? Kemm ġew intervistati? Kemm minnhom mistennija jiġu ngaġġati u meta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bank of Valletta hija entità kummerċjali privata bis-sehem tal-Gvern. Il-Gvern ma jindaħalx fl-operat tal-Bank u għaldaqstant it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant la tinġabar u lanqas m’hu magħruf.

pubblikazzjoni -B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippubblikati u kemm ġew jiswew dawn il-pubblikazzjonijiet - B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp tal-Budget 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Awtorità Marittima ta' Malta — Gozo Channel - Marine Escape System

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li meta ħarġu l-vapuri l-ewwel darba dawn kienu ngħataw dispensa mill-Awtorità Marittima ta' Malta biex joperaw b'marine escape system (MES) waħda meta l-oħra kienet tkun l-art għas-service? Veru li wara l-2005, l-Awtorità Marittima ta' Malta ma tagħtix permess iżjed li vapuri fil-Gozo Channel ma joperawx b'marine escape system? Veru li l-Gozo Channel xtrat marine escape system u sett life rafts spare minħabba din is-sitwazzjoni? Kemm qamet l-ispiża tax-xiri tagħhom għal Gozo Channel? Mill-2005 kien hemm xi bdil f'din il-posizzjoni min-naħa tar-regulatur (illum Transport Malta) dwar operat mhux permess b'marine escape system waħda? Hekk le, wieħed jifhem li l-management kien jaf b'dan kollu li operat dan it-tip mhux permess, alura x'kienet ir-raġuni li l-management tal-kumpanija fit-30 ta' April 2012 ma ordnax lil Kaptan iwaqqaf lill-vapur milli jopera peress li kellu apparat ta' salvataġġ skadut?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li meta bdew joperaw il-vapuri l-ġodda tal-Gozo Ferries ma kienx hemm spare MES u spare life rafts. Dawn inxtraw iktar tard sabiex il-manutenzjoni meħtieġa ta’ kull sena issir bl-inqas xkiel possibli fis-servizz ipprovdut. Fil-kaz imsemmi waħda mill-MES tal-Gaudos waslet biex tinbidel mal-ispare MES ħalli tiġi mantenuta u ċċertifikata għal sena oħra (li tista tiġi estiża għal 17-il xaħar f’każijiet partikulari) . Id-data meta din l-MES kienet ittellgħat abbord kien fit-30 ta’ April tal-2011 kif jidher fiċ-ċertifikat mehmuż. Fl-istess ċertifikat hemm id-data tat 28 ta’ April 2011 meta din l-MES ġiet l-aħħar mantenuta. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ dan iċ-ċertifikat. Manoel Island Yacht Yard huma l-aġenti tal-Viking, li jimmanifatturaw dawn l-MES u huma responsabbli wkoll li jagħmlu manutenzjoni u joħorġu ċertifikat għal dan l-apparat. Manoel Island ġew ikkuntattjati dwar dan is-servizz fil-bidu ta’ April u mgħarrfa li bejn 29 ta’ Marzu u l-10 ta’ April it-tlett vapuri jkunu fis-servizz u jkun faċli li l-Gaudos jieqaf għal madwar sagħtejn biex tinbidel l-MES. Manoel Island Yacht Yard infurmaw lil Gozo Channel li ma setgħux jagħmlu dan is-servizz minħabba xogħol ieħor. Il-Gozo Channel kienet ser tinforma ir-regulatur dwar dan biex tingħata konċessjoni għal tiġdid taċ-ċertifikat għal data oħra, pero, wara, Manoel Island Yacht Yard qablet li l-MES tinbidel fil-25 ta’ April. Gozo Channel reġghet ġiet infurmata minn Manoel Island Yacht Yard li xorta ma laħqetx tipprepara l-ispare MES biex tintrama fuq il-Gaudos. Imma huma qalu wkoll li dan ix-xogħol jkun lest sat-Tnejn,30 ta’ April. Għalhekk tmexxew il-pjanijiet biex l-MES tinbidel kif fil-fatt seħħ fit-30 ta’ April 2012. Fl-2004 kienet inxtrat MES li ġiet tiswa Euro 231,137.

Għawdex — enerġija mill-photovoltaic panels

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ammont ta' enerġija qed tiġi prodotta minn photovoltaic panels istallati f'Għawdex? X'ammont fi flus ingħataw lis-sidien bħala għajnuna f'xi skema? Kemm minn din l-enerġija qed tiġi trasferita mill-Korporazzjoni Enemalta u kemm tħallas kumpens lis-sidien fl-2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — żarmar tal-istallazzjoni fil-Qajjenza

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25092 u 35211 dwar iż-żarmar tal-istallazzjoni tal-impjant tal-Korporazzjoni Enemalta mill-Qajjenza, jista' l-Ministru jgħid x’inhuma l-iskedi biex isir dan kif ukoll it-timelines tal-korporazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi kif imwieġeb fil-Mistoqsija Parlamentari numru 35211 ir-responsabbiltà taż-żarmar tal-impjant tal-Gass huwa f’idejn il-Gasco. Il-Korporazzjoni Enemalta tinsab infurmata li l-Gasco qegħda fil-proċess tal-applikazzjoni mal-MEPA għal dan iż-żarmar. Għalhekk diment li l-permess għadu ma ħariġx għad m’hemm l-ebda skedi u timelines stabbiliti. Ta’ min wieħed jinnota li bħalissa l-impjant għadu qed jiffunzjona normali.

kontijiet li qed joħorġu l-Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35213 u 35029 u jgħid x’inhi r-raġuni li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed joħorġu f’mod haphazard anki għall-perjodi li jvarjaw peress li hemm kontijiet fejn l-ewwel kien hemm min ġie invoiced mill-24 ta' Awwissu 2011 sal-10 ta' Marzu 2012 biex ftit wara irċieva kont ta' xahar biss mill-11 ta' Marzu 2012 sat-13 ta' April 2012 meta l-konsumatur huwa regolari ħafna fil-ħlas lill-ARMS Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li sabiex jiġi rregolarizzat il- billing cycle fuq perijodu ta’ kull xaharejn , uħud mill-konsumaturi qegħdin jirċievu kontijiet għal-perijodu ta’ konsum iqsar minn dak ta’ xahrejn.

Kumpanija li takkwista ishma jew titoli fuq art tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34495 u jgħid jekk is-soċjetà Estera Benetti Spa uritx interess li takkwista ishma jew titoli fuq art li hi proprjetà tal-gvern jew f'idejn aġenziji tal-gvern f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Kont tad-dawl u ilma — units

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun ċċekkjat sewwa l-ammont tal-kont tad-dawl tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li fuq l-istess perjodu ta' sitt xhur bejn kont u ieħor, it-tnejn attwali hemm differenza ta' aktar minn 2,000 unit?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

proġett tal-bini ta’ hangar ġdid tal-SR Technik

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hix għaddejja korrispondenza bejn Malta Enterprise/Malta Industrial Parks u l-Malta International Airport fir-rigward tal-kuntratt dwar trasferiment tal-art li kien għadda minn dan il-Parlament in konnessjoni mal-proġett tal-bini ta’ hangar ġdid tal-SR Technik, li issa qed jingħad li mhux se jsir? Jista’ jikkonferma jekk Malta Enterprise/Malta Industrial Parks hux qed issostni li l-kuntratt dwar art ġie kkanċellat? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex għadu ma nfurmax lil Parlament? Jekk le, x’tgħid din il-korrispondenza? Jista’ jippubblika din il-korrispondenza?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-uniku kuntratt viġenti bejn il-Malta International Airport u l-Malta Industrial Parks li jirrigwarda l-proġett ta’ l-SRT m’għaddhiex mill-Parlament minħabba li dan huwa ta’ natura kummerċjali. Għalhekk mhux prudenti illi tiġi ppublikata korrispondenza bejn l-Malta International Airport u l-Malta Industrial Parks.

Enemalta — tower ladders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha tower ladders il-Korporazzjoni Enemalta fl-2010, 2011 u 2012? Jista' jagħti lista, ġimgħa b'ġimgħa għas-sena 2010, 2011 u sa Mejju 2012 kemm kien hemm tower ladders tal-korporazzjoni weqfin għat-tiswija?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta kellha fuq il-kotba tagħha 34 tower ladder fl-2010, 42 fl-2011 u 39 fl-2012. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni li tinkludi lista ta’ dati, ġurnata b’ġurnata, għal kull tower ladder individwali meta kien wieqaf matul l-2010, l-2011 u l-2012 (sal 25 ta’ Mejju 2012). Din il-lista tinkludi biss dawk li kienu weqfin minħabba ħsarat mhux mistennija u ma tinkludix dawk għal weqfin relatat ma’ services li jsiru, testijiet ta’ VRT u testijiet skont ir-regolamenti tal-Health & Safety relatati mal-hydraulic platforms tat-tower ladders. Kull Tower Ladder għamel medja ta’ 8.1 ġranet wieqaf fl-2010, 8.4 ġranet wieqaf fl-2011 u 4.4 ġranet fl-2012 (sal-25 ta’ Mejju 2012).

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata seduta oħra.

fast service bil-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35018 u jgħid jekk il-gvern għandux ipproġettat li jkun hemm fast service bil-baħar bejn Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x’sar x’issa fuq dan il-proġett?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li din hija waħda minn diversi proposti li jinsabu għand il-Gozo Channel, liema proposti qed jiġu evalwati.

Għawdex — swimming pools

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm swimming pools reġistrati f'Għawdex u kemm hi l-kapiċità f'metru kubi tagħhom kollha? Kemm minn dawn huma privati u kemm huma f'postijiet li jinkrew lit-turisti?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.