Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #23092 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — servizzi/programmi għall-priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fis-snin 2008, 2009 u 2010, sena b'sena, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq servizzi/programmi biex jiġu riabilitati l-priġunieri? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-programmi? Kemm kien hemm priġunieri li attendew b’suċċess dawn il-programmi tant importanti għalihom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin toffri diversi programmi li jikkonsistu f'Edukazzjoni akkademika u vokazzjonali u Programmi ta' riabilitazzjoni mill-użu tas-droga. Infurmat ukoll illi l-flus li ntnefqu biex jitwettqu dawn il-programmi fis-snin imsemmija kien kif ġej:- Edukazzjoni li jinkludu l-Ħabs u s-SATU:- 2008 €42,000 2009 €42,000 2010 €42,000 Programmi Ta' Droga:- Caritas u Sedqa 2008 €260,000 2009 €290,000 2010 €325,000 SATU bejn 2008 u 2010 l-ispiża kienet ta' madwar €328,500 fis-sena. Infurmat ukoll li peress li dawn il-programmi huma fuq bażi volontarja, attendenza tvarja kontinwament bi priġunieri li jibdew, ma jkomplux u jidħlu u joħorġu għal korsijiet varji.
Leg 11 PQ #23093 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika li tressqu quddiem il-Qorti s-sena li għaddiet? F'kemm minn dawn il-każijiet il-ġudikatura ħarġet sentenzi ta’ ħabs, Ordni ta’ Trażżin, Ordni ta’ Trattament u/jew Ordni ta’ Restrizzjoni? Jekk kien hemm xi aggressuri li weħlu l-ħabs, kemm kien iż-żmien li huma weħlu l-ħabs fuq dawn ir-reati gravi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi quddiem il-Qorti tal-Familja (sede Kriminali) tressqu 682 każ fuq akkużi ta’ vjolenza domestika matul is-sena 2010. Infurmat ukoll illi matul l-istess sena ġew mogħtija tmien (8) ordnijiet ta’ protezzjoni skont l-art 412C tal-Kap 9, tliet (3) ordnijiet ta’ trattament skont l-artikolu 412D tal-Kap 9 u sentenza waħda fejn l-aggressur weħel sitt xhur priġunerija. Mhux qed jiġi eskluz li setgħu tressqu persuni oħra quddiem il-Qrati f’kawżi tad-distrett u/jew kumpilazzjoni bħala kawżi normali
Leg 11 PQ #23105 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

investigazzjonijiet ulterjuri mill-Pulizija dwar każ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in konnessjoni mal-każ li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatment, sarux investigazzjonijiet ulterjuri mill-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm indizji oħra li jistgħu jixħtu xi dawl ġdid sabiex tissokta l-investigazzjoni fuq il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Però inħeġġeġ lill-Onorevoli Interpellant sabiex jekk għandu aktar tagħrif li jista’ jgħin fl-istħarriġ, jgħaddih lill-Pulizija.
Leg 11 PQ #23126 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ingaġġ ta' gwardjani ġodda fil-Ħabs Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx fil-fatt xi forma ta' pjan sabiex jiddaħħlu gwardjani ġodda fil-Ħabs Ċivili? Jekk hemm xi forma ta' pjan, jista' jgħid meta hu mistenni li jsir tali ingaġġ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħal ma kelli okkazjoni nħabbar riċentement mal-pubblikazzjoni tal-Liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi, id-dħul fis-seħħ tal-Parole jitlob tibdil mill-għeruq tal-istrutturi organizzattivi tal-Faċilità Korrettiva kif ukoll tal-proċessi u metodoloġiji ta’ kif titmexxa l-Faċilita’. Dawn it-tibdielet huma frott tax-xogħol estensiv li qed isir mit-Task Force imqabbad apposta biex jiffoka fuq in-nuqqasijiet eżistenti u jaħseb għall-miżuri adegwati biex jindirrizzhom. Fil-fatt, bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant diġà ħabbart li saru ħatriet fi gradi ta’ managers li huma kruċjali għat-twettieq ta’ din ir-riforma u naturalment dawn huma biss parti mill-pjan ta’ tisħiħ tal-istruttura kollha li trid tissawwar pari passu mad-dħul fis-seħħ tal-Liġi u l-implimentazzjoni tagħha.
Leg 11 PQ #23127 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Gwardjani fil-Ħabs Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm attwalment gwardjani jaħdmu fil-Ħabs Ċivili? Kemm minn dawn huma nisa? Kemm minn dawn huma rġiel?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 179 Correctional Officers jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:- 3 Assistant Correctional Manager (2 rġiel, 1 mara) 3 Correctional Supervisors (2 rġiel, 1 mara) 17 Senior Correctional Officer (15 rġiel, 2 nisa) 156 Correctional Officers (132 rġiel, 24 nisa)
Leg 11 PQ #23128 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Police Negotiating Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu ma jiltaqa' l-Police Negotiating Board u jindika meta kienet l-aħħar data li fil-fatt saret l-aħħar laqgħa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-aħħar data li kien iltaqgħa l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar kienet fl-24 ta' Ġunju tal-2010.
Leg 11 PQ #23129 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Depot tal-Pulizija — Kappella

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tiġi tiswa l-kappella fid-Depot (Kwartieri Ġenerali) tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija ilu għal dawn l-aħħar għaxar snin impenjat bis-sħiħ biex itejjeb u jsebbaħ l-ambjent tad-Depot u tal-Għasses li jservu għas-servizz tal-poplu u l-post tax-xogħol għal-membri tal-istess Korp. Infurmat ukoll illi x-xogħol ta’ rennovazzjoni tal-kappella ġewwa il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, bħal ma’ jsir fil-kumplament tad-Depot u kull xogħol ieħor simili li jsir fl-Għasses u bini ieħor użat mill-Korp tal-Pulizija, qed isir kollu mit-Taqsima tas-Snajja fi ħdan l-istess Korp. Għalhekk l-ispejjesż involuti huma dawk biss tal-materjal użat u xi sigħat f’sahra mill-istess ħaddiema fi ħdan il-Korp. Irid jingħad ukoll li dawn l-ispejjeż isiru kollha mill-budget annwali allokat għal Korp.
Leg 11 PQ #23130 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — Administrative Law Enforcement

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm fiha membri t-taqsima tal-Administrative Law Enforcement tal-Korp tal-Pulizija? Kif inhuma mqassma dawn il-membri fi gradi differenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri tal-Korp fit-Taqsima tal-Administrative Law Enforcement tal-Pulizija mhux wieħed fiss u jvarja minn żmien għal żmien skont l-eżiġenzi tal-Korp u l-ħtiġijiet tal-kommunità.
Leg 11 PQ #23131 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn immigranti illegali f'pajjiżna fl-1 ta' Jannar tas-sena 2011? Kemm minn dawn kienu fid-detention centres? Kemm minn dawn kienu fl-open centres?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-1 ta’ Jannar 2011 huwa stmat li kien hawn madwar 3649 immigrant illegali. Infurmat ukoll illi minn dawn 57 kienu jinsabu f’Ċentri Magħluqa filwaqt li 2240 oħra kien residenti f’Ċentri Miftuħa.
Leg 11 PQ #23185 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li tressqu l-Qorti fuq tlajjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar tliet snin kemm kienu l-persuni li tressqu l-Qorti akkużati li kienu qed jitlajjaw f'Triq Testaferrata, Msida?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tliet snin kien hemm 74 persuna li bejniethom tressqu l-Qorti 385 darba fuq akkużi ta’ tlajjar f’ Triq Testaferrata, Msida, għal skop ta’ prostituzzjoni.
Leg 11 PQ #22788 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — inkjesti/investigazzjonijiet u stħarriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru inkjesti/investigazzjonijiet/stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Jista' jgħid in-natura tal-każ? Jista' jgħid id-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti, jekk itteħdux passi dixxiplinarji/legali u jekk ġew sospiżi xi nies?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress illi l-kumpilazzjoni ta’ l-informazzjoni biex tiġi mwieġba fid-dettall kollu miktub din id-domanda tinvolvi d-dedikazzjoni ta’ ammont sproporzjonat ta’ ħin u ta’ rizorsi pubbliċi, ma jkunx użu għaqli tar-rizorsi pubbliċi li d-Dipartimenti tal-Gvern jitqabbdu jagħmlu r-riċerka fuq din id-domanda. Jekk l-Onorevoli Membru trid tistaqsi dwar xi inkjesti jew investigazzjonijiet partikolari li setgħu saru hija ġentilment mitluba sabiex tiffoka d-domanda tagħha fuq is-suġġett partikolari.
Leg 11 PQ #22906 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Compensation to Victims of Crime

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm intnefqu flus bħala Compensation to Victims of Crime matul is-snin 2001 sal-2010 u lil min tħallsu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #22928 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti Kostituzzjonali — kawżi deċiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kawża ġiet deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali sena b'sena mill-1 ta' Jannar 2000 sal-lum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Leg 11 PQ #22943 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

logħob tal-flus fuq l-idejn — nies il-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm treqqsu l-qorti persuni li ġew misjuba li qegħdin jilagħbu flus fuq l-idejn minn Jannar sa Novembru tal-2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru tal-2010 kien hemm 44 persuna li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom quddiem il-Qorti b'konnessjoni ma' logħob illegali.

sezzjoni tal-Pulizija ta' kontra d-drogi u l-armi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm personnel fis-sezzjoni tal-Pulizija li tieħu ħsieb is-sezzjoni ta' kontra t-traffikar tad-droga u armi? Ma' liema organizzazzjoni Ewropea u internazzjonali din is-sezzjoni hija affiljata biex permezz ta' hekk tkun tista' twettaq il-ħidma tagħha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 18420.
Leg 11 PQ #22732 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Buġibba u Qawra — Żieda ta' patrol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibbli li l-Pulizija żżid il-patrols tagħha f'ċertu nħawi ta' Buġibba u l-Qawra (fost l-oħrajn) minħabba l-fatt li numru ta' residenti qed jilmentaw minn sitwazzjonijiet li qed idejquhom b'mod partikolari bil-lejl?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel ronda fl-inħawi tal-Qawra/Buġibba/San Pawl il-Baħar, kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl. Infurmat ukoll illi dan isir kemm mill-Pulizija tad-Distrett kif ukoll minn dawk tal-Iskwadra tal-Mobile.
Leg 11 PQ #22819 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

rapporti ta' vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' vjolenza domestika s-sena l-oħra? Jista' jgħid kemm aggressuri f'dawn il-każijiet ġew arrestati u kemm minnhom instabu ħatja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra l-Pulizija resqet 682 każ ta' vjolenza domestika quddiem il-Qorti tal-Familja, filwaqt li kien hemm 98 każ li ġie deċiż u misjuba ħatja.
Leg 11 PQ #22837 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni l-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna fil-ħabsijiet tagħna rġiel taħt l-età ta' 18-il sena u nisa taħt l-età ta' 18-il sena? F'kull każ, kemm hi l-età tagħhom? F'kull każ, f'liema parti tal-ħabs huma miżmumin dawn il-ħabsin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sal-24 ta' Jannar ta' din is-sena, fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien 5 persuni taħt it-18-il sena, li huma kollha rġiel, wieħed ta' 16 li qiegħed miżmum fil-Forensic Unit, tnejn ta' 17 u tnejn ta' 18 li qegħdin miżmuma fil-YOURS.
Leg 11 PQ #22847 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni arrestati — strip search

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema ċirkostanzi persuni arrestati fil-perkors ta' investigazzjoni jistgħu jiġu mneżżgħin kompletament biex issir tfittxija fuq il-persuna tagħhom (strip-searched)? Huwa minnu li kunsillier jew għadd ta' kunsilliera li jifformaw parti mill-gvern lokali ta' Tas-Sliema ġew strip searched fil-kwartieri ġenerali tal-Furjana skont kif rapportat fil-ġurnal Malta Today tas-16 ta' Jannar, 2011 wara li ġew arrestati fuq suspett ta' reat relattivament minuri (użu ħażin ta' laptop tal-kunsill)? Jekk huwa minnu, għaliex sar dan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Kapitolu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta, fl-artikolu 65(2) jistabbilixxi li l-uffiċjal tal-kustodja jista’ jaqbad kull ħaġa, inklużi lbies jew affarijiet personali li jkunu fuq il-persuna arrestata jekk ikollu tassew għaliex jissuspetta li dik il-ħaġa tkun prova dwar xi reat jew jekk jidhirlu li tista’ tintuża minn dik il-persuna biex tikkaġuna danni fiżiċi lilha nfisha jew lil ħaddieħor jew li tagħmel ħsara lill-proprjetà jew li tfixkel il-provi jew li tagħmilha iktar faċli li taħrab. Sabiex dan jista’ fiżikament isir, il-proċedura li tiġi segwita mill-pulizija hija dik li ssir tfittxija fuq il-persuna li tkun ser tinżamm fil-lock up tal-pulizija. Dan isir prinċipalment sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm xejn fuq il-persuna li tkun ser tiġi miżmuma fil-lock up u fil-kustodja tal-pulizija li biha tista’ tweġġa’ lilha nnifisha jew lill-uffiċjali. Irid jingħad li din it-tfittxija ssir fil-privatezza ta’ kamra dedikata għal dan il-għan.
Leg 11 PQ #22872 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: PHILIP MIFSUD To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħaż-Żebbuġ — serqiet minn ħwienet u stabbilimenti kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rappurtati serqiet minn ħwienet u stabbilimenti kummerċjali li jaqgħu fil-konfini ta’ Ħaż-Żebbuġ? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b’xahar għas-snin 2008, 2009 u 2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Inerpellant.