Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — tnaqqis mill-budget
Question
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant illi l-gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja wkoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi essenzjali bħas-servizzi soċjali jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod m’hu se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom ta’ professjonisti fil-qasam tal-kura tat-tfal.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31517, jista' l-Ministru jara li kopja tal-ittra tintbagħat fl-indirizz it-tajjeb liema indirizz qiegħed jintbagħat separatament peress li l-persuna inkwestjoni qiegħda tinformani li għadha ma rċevitx il-korrispondenza mid-dipartiment?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Jien infurmat li ntbagħatet ittra oħra fl-indirizz indikat mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31856 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilu u jara li tinħareġ il-kartuna r-roża tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament peress li dan ħalla kartuna biex iġibulu l-pilloli u issa infurmawh li tilfu l-kartuna?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena fl-aħħar ħames snin kemm il-gvern daħħal flus minn multi li ġew ikkundannati fil-qrati tal-maġistrati fuq reati relatati mal-kaċċa u insib?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Direttorat tal-Qrati Kriminali Malta:
Id-direttorat tal-Qrati Kriminali ma jżommx statistika separata tal-multi imposti mill-Qorti tal-Magistrati (Malta) fil-kawżi tal-Infurzar tal-Ligi Amministrattivi liema kawżi jkopru ukoll reati rigward kaċċa u insib.
L-istatistika li qed tingħata tkopri l-multi kollha li ġew imposti mill-Qorti tal-Magistrati (Malta) sena b’sena fuq reati dwar l-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva irrispettivament jekk il-multi imposti kenux reati fuq kaċċa u insib.
SENA
MULTI IMPOSTI
2007
€57,884.93
2008
€59,622.47
2009
€115,162.00
2010
€137,110.00
2011
€130,733.00
Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex):
Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) ma tinżammx statistika separarata dwar it-tip ta’ reat li għalih il-qorti tkun ikkundannat multa.
Jista' l-Ministru jispjega fid-dettal fil-prattika xi jfisser Artiklu 5 intitolat sigħat annwalizzati f'dan l-Avviż Legali 46 tal-2012 u cioè: "5. (1) F'kull settur, kemm jekk dawn is-setturi jkunu koperti b'Ordni tal-Kunsill tal-Pagi biex jirregola l-Pagi u kemm jekk mhumiex, il-prinċipal jista' jintroduċi skemi għall-banking ta' sigħat, fejn sa massimu ta' 376 siegħa normali ta' xogħol annwali f'kull sena kalendarja jistgħu jiġu banked, u għalhekk sigħat żejda minbarra s-sigħat normali ta' xogħol f'ġimgħa jitħallew jinħadmu f'perjodu ta' attività ta' xogħol aktar intensiva illi jiġu mfidija f'perjodi ta' attività ta' xogħol anqas intensiva billi jkun hemm sigħat ta' xogħol anqas mis-sigħat normali ta' xogħol fil-ġimgħa."?
Dan se jkun ifisser li per eżempju li:
a) mara tal-familja li tant qed inħeġġu biex tkompli fid-dinja tax-xogħol, se jkollha tiffaċċja perjodi ta' attività ta' xogħol b'sigħat straordinarji, jiġifieri aktar minn dak li tkun ftehmet fil-bidu ta' impjieg;
b) raġel tal-familja li jkollu part-time job bħala secondary employment minħabba ċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-familja tiegħu, se jkollu perjodi ta' attività ta' xogħol b'sigħat straordinarji, fejn imbagħad ma jkunx jista' jkompli bil-part-time job?
Jista' l-Ministru jispjega jekk dan l-artiklu hux jieħu in konsiderazzjoni l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, li jistgħu jiġu mġegħla jaħdmu sigħat ta' xogħol straordinarji a detriment ta' saħħithom? Jekk qed jieħu in konsiderazzjoni dan l-aspett ta' saħħa u sigurtà, jista' jispjega kif?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Tajjeb li jigi iccarat li l-Avviz Legali 46/2012 ma jżidx siegħat ta' xogħol maħdumin tul sena. Il-prinċipal xorta jibqa' obbligat josserva l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol skont il-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mil-liġi. Dan l-avviż legali li għamel hu li daħħal il-kunċett ta’ sigħat annwalizzati. B’ hekk, filwaqt li n-numru tas-sigħat normali maħdumin f’sena ma nbidlux, ingħatat il-possibilità, dejjem jekk il-prinċipal iħoss li hu utli għall-operat aħjar tal-intrapriża tiegħu, li tali siegħat ta’ xogħol li jkun hemm bżonn li jinħadmu jiġu imfassla b’mod aħjar biex jindirizzaw kemm perjodi ta’ xogħol iktar kwieti minn normal kif ukoll perjodi fejn ikun hemm iktar xogħol mill-medja.
B’din is-sistema ta’
banking
il-prinċipal huwa obbligat li jagħti lill-ħaddiema bil-miktub
roster
ta’ sigħat ta’ xogħol għal erba’ ġimgħat bil-quddiem, liema
roster
jispeċifika x’se jkun in-numru ta’ siegħat normali li jkunu se jinħadmu f’dak il-perjodu. Dawn is-sigħat normali ta’ xogħol jistgħu jvarjaw f’perjodi differenti u li jista’ jkunu jkopru sigħat aktar jew inqas minn erbgħin siegħa fil-ġimgħa f’perjodu partikulari. Però, il-ħaddiem jibqa’ jirċievi l-istess ammont ta’ paga ekwivalenti għal erbgħin siegħa fil-ġimgħa irrispettivament minn jekk ikunx ħadem inqas jew iktar siegħat.
Għaldaqstant il-prinċipal jista’ jippjana b’mod flessibbli l-ħin normali tax-xogħol skont l-eżigenzi tal-volum ta’ xogħol li jkun hemm bżonn f’perjodi differenti tas-sena.
F’dak li jitratta saħħa u sigurtà, l-Avviż Legali, fir-regolament 1(2) jagħmilha ċara li l-istess regolamenti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regolamenti tal-2003 dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol. Ghaldaqstant il-protezzjoni li l-liġi diġà tipprovdi biex tipproteġi lill-ħaddiema ma ġietx affettwata u tipprevali fuq dan l-avviż legali. Fir-regolamenti tal-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol, il-ħaddiem għandu dritt li jagħżel hu jekk iridx li jaħdem aktar minn medja ta’ erbgħin siegħa xogħol fil-ġimgħa. U dan ma nbidilx.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni għall-post alternattiv tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ipproċċessat l-applikazzjoni tal-individwu in kwestjoni u qiegħda nkluża mal-applikanti l-oħra li għandhom bżonn akkommodazzjoni alternattiva.
Fil-prezent l-Awtorità tad-Djar għandha 405 kaz li huma
sharing
accomodation.
Sakemm l-awtorità taghti post alternattiva, l-applikant huwa mħeġġeg biex jikri mis-settur privat taht l-iskema R fejn tapplika għall-sussidju fuq il-kera (Skema R).
Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar ta' drogi — lakuna fil-liġi
Question
Peress li fl-1996 Malta rratifikat il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar ta' drogi narkotiċi tal-1988 u l-Istat aċċetta li ssir distinzjoni bejn ikkultivar għall-użu personali u kkultivar għal traffikar, iżda fil-liġi Maltija kull kultivazzjoni hija meqjusa bħala traffikar, anke meta jkun ċar li dan sar għall-użu personali, jista' l-Ministru jgħid kif beħsiebu l-gvern jirranġa din il-lakuna fil-liġi?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-United Nations Convention against Illicit Traffic in Narcotic Drugs and Psychotropic Substances, Vienna, 1988’, ma timponi ebda obbligu fuq Stati Firmatarji sabiex issir distinzjoni bejn kultivazzjoni ta' droga għall-użu personali u kultivazzjoni ta' droga għal skopijiet ta' traffikar.
L-artikoli rilevanti li qed jigu riprodotti fit-test originali, jindikaw b'mod cjar li l-obbligu fuq Stati Firmatarji hu dak li l-kultivazzjoni ta' droga għall-użu personali ghandu jsir reat kriminali:
"Article 3
1. Each Party shall adopt such measures as may be necessary to establish as criminal offences under its domestic law, when committed intentionally
a)... ii) the cultivation of opium poppy, coca bush or cannabis plant for the purpose of the production of narcotic drugs contrary to the provisions of the 1961 Convention and the 1961 Convention as amended;......
2. Subject to its constitutional principles and the basic concepts of its legal system, each Party shall adopt such measures as may be necessary to establish as a criminal offence under its domestic law, when committed intentionally, the possession, purchase or cultivation of narcotic drugs or psychotropic substances for personal consumption contrary to the provisions of the 1961 Convention, the 1961 Convention as amended or the 1971 Convention.
Article 14
2. Each Party shall take appropriate measures to prevent illicit cultivation of and to eradicate plants containing narcotic or psychotropic substances, such as opium poppy, coca bush and cannabis plants, cultivated illicitly in its territory. The measures adopted shall respect fundamental human rights and shall take due account of traditional licit uses, where there is historic evidence of such use, as well as the protection of the environment."
Jekk wieħed iqabbel il-figuri tal-ispejjeż totali tal-gwerra kontra d-droga f'dawn l-aħħar 30 sena kontra l-figuri ta' konsum ta' reati konnessi ma' drogi, jaħseb il-Ministru li din il-gwerra qed tirnexxi? Jista' jkun li għandna bżonn nevalwaw rapporti bħad-Drug Commission Report u nħarsu lejn stejjer ta' suċċess bħal tal-Portugal? Id-drug policies tagħna qegħdin jirnexxu jew qegħdin jistigmatizzaw u jkabbru l-problema ta' min juża jew jabbuża mid-drogi?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemmx dubju li f’dawn l-aħħar tletin sena, minkejja li l-importazzjoni, t-traffikar, il-pussess u l-konsum tagħha huma illegali, id-droga ħalliet għadd ta’ vittmi kemm fis-sens ta’ nies dipendenti minnha bil-konsegwenzi kollha li ġġib magħha d-dipendenza , kemm bħala vittmi ta’ reati kommessi minħabba d-droga, u kemm fl-imwiet traġiċi kawża ta’ overdose.
Iżda meta wieħed jiġi biex jevalwa jekk “il-gwerra kontra d-droga’’ kellhiex suċċess jew le, irid iqis ukoll kemm kien ikun hemm aktar problemi soċjali u mwiet li kieku d-droga kienet disponibbli b’mod legali. L-esperjenza tal-alkoħol turina li sustanza (droga) legali taħsad ħajjiet iktar minn dawk is-sustanzi illegali, u toħloq diffikultajiet soċjali kbar ħafna.
Madankollu, id-Drug Commission Report u l-esperjenza Portugiża ġiegħlu lil dawk li jaħdmu f’dan il-qasam f’diversi pajjiżi li jirriflettu fil-fond fuq il-kwistjoni tal-illegalità ta’ ċerti sustanzi. Jidher li f’Malta hawn kunsens favur id-dekriminilzzazzjoni ta’ ċerti sustanzi. B’dekriminilizzazjoni wieħed jifhem li waqt li s-sustanza tibqa’ illegali u reat, ma tkunx punibbli b’habs biex b’hekk min hu dipendenti minnha jintbagħat għall-kura u mhux il-ħabs.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32561, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Tenut kont li l-Kummissjoni Ewropea sabet li l-liġi lokali li permezz tagħha l-gvern inaqqas mill-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali (two-thirds pension) lil dawk il-pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-Servizz (service pension) tmur kontra l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u tenut kont li l-gvern fil-budget tal-2007 kien diġà parzjalment ipprova jitratta din il-kwestjoni billi beda jinjora €465 mill-pensjoni tas-servizz meta jigi biex jikkalkula l-pensjoni tat-two-thirds, tenut kont li issa l-Kummissjoni Ewropea qalet lill-gvern biex ibiddel il-liġi nostrana biex il-pensjonanti li jircievu l-pensjoni tas-servizz ma jkollhomx tnaqqis mill-pensjoni tat-two-thirds u fin-nuqqas jiġi intavolati proċeduri kontra Malta quddiem l-ECJ, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħmel kif ġie indikat lilu mill-Kummissjoni Ewropea jew inkella hux se jibqa' ma jbiddilx il-liġi nostrana u jiġġieled dik il-pozizzjoni quddiem l-ECJ? Għaliex? Kemm hemm service pensioners f'pajjizna?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lil Onor Interpllant li l-Opinjoni Raġunata tal-Kummissjoni Ewropeja bażikament qed tgħid li r-rata tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Malta m’għandhiex tkun ikkalkulata billi jiġi kkunsidrat xi pensjoni oħra li ġejjin minn skemi tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra.
Kif ġie spjegat fl-istqarrija maħruġa għall-Istampa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fis-27 ta’ Frar, 2012 (PR 0447), l-Gvern jsostni li Malta qegħda tapplika korrettament ir-Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar il-koordinament tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali.
Fl-opinjoni preliminari tal-Gvern mhemmx ksur tal-Liġi tal-Kommunità għar-raġunijiet msemmija fl-istqarrija stess, cioè li :
i. Is-sitwazzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward ma tistax tkun mqabbla ma’ sitwazzjonijiet oħra trattati fir-rigward tal-moviment ħieles ta’ ħaddiema peress li fil-maġġoranza tal-każi ta’ persuni li qed jirċievu pensjoni tas-servizzi inglizi f’Malta, dawn qatt ma telqu minn Malta u għalhekk qatt ma kkontribwew għal skema tas-sigurtà soċjali Ingliza . Infatti d-dritt tagħhom għal din il-pensjoni akkwistawaha permezz tax-xogħol tagħhom fis-servizz Ingliz hawn Malta biss; u/jew
ii. Ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar il-ko-ordinament tal-iskemi tas-sigurtà soċjali qatt ma kienu ntenzjonati li jirregolaw is-sitwazzjonijiet storiċi u kostituzzjonali tal-gzejjer Maltin taħt ir-Renju Unit fis-sekli preċedenti u wisq qabel Malta ssieħbet mal-Unjoni. Anzi l-istess Regoli jirrikonoxxu, li sitwazzjonijiet storiċi m’għandhomx ikunu affettwati bl-istess Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja ;
iii. Ir-Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar is-Sigurtà Soċjali jistabilixxu sistema ta’ ko-ordinament ta’ l-iskemi tas-Sigurta’ Soċjali u li fil-każ inkwistjoni l-istess Renju Unit ma jirrikonnoxix dawn l-iskemi partikolari bħala skemi tas-sigurtà soċjali. Għalhekk Malta m’għandhiex tiġi obbligata tinjora d-dikjarazzjoni tar-Renju Unit f’dan ir-rigward. Aħna nħossu li kieku l-Pajjiżi Membri ta’ l-Unjoni Ewropeja jibdew jinjoraw d-dikjarazzjonijiet ta’ Pajjiż Membru ieħor dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-iskemi tagħhom dan idagħajjef l-istess Regoli ta’ l-Unjoni dwar il-ko-ordinament ;
iv. Il-Kummissjoni ma tistax tistenna li Malta kellha ddaħħal l-iskemi tagħha fl-Annex IX, Taqsima D tar-Regolament 1408/71 jew Annex IX tar-Regolament 883/2004 biex tkun eżentata mill-obbligu msemmi fl-Opinjoni Raġunata tagħha u dan minħabba li Stat Membru jista’ jagħmel din l-entratura fl-Annessi msemmija sakemm ir-rati tal-pensjonijiet fl-iskemi tas-sigurtà soċjali ma jkunux jiddependu mit-tul ta’ l-assigurazzjoni tal-persuna. Fil-każ ta’ Malta, r-rata tal-pensjoni li titħallas tiddependi mill-perjodu ta’ kontribuzzjoni tal-persuna kkonċernata u għalhekk Malta ma setgħetx tagħmel entratura fl-Annessi msemmija.
Minkejja l-argumenti li qed jissemmew fl-Istqarrija Uffiċċjali, Malta qed tistudja fid-dettal l-Opinjoni Raġunata tal-Kummissjoni u ser tipprezenta il-veduti finali tagħha lill-Kummissjoni Ewropeja fil-ġimgħat li ġejjin.
Statistika riċenti li tindika n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-pensjoni tas-servizz kemm minn Malta kif ukoll barra minn Malta hija din li ġejja:
2012
Tip ta' Pensjoni
Pensjonanti€
Pensjonijiet tas-Servizz Ingliż
970801,268
Gvern ta' Malta
10,73964,088,892
Skemi Oħrajn
1,0426,585,450
Totali
12,75171,475,610
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32562 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta l-gvern se jressaq quddiem il-Kamra liġi li tirregola l-IVF? X'għandu f'moħħu l-gvern li jkun fiha in linea ġenerali din l-liġi?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jara risposta għall-mistoqsija parlamentari 31904.
Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — allowances lill-Impjegati fuq xogħol f'Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu allowances l-impjegati tal-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom xi xogħol Għawdex mill-2011 sal-lum?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
- Kummissarju ghal Vjolenza Domestika – nil
- Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità – nil
- Kummissjoni għall-Għaqdiet Volontarji - nil
- Qrati tal-Guztizzja ta’ Malta- nil
- Qorti ta’ Ghawdex- nil
- Kummissjoni Nazzjonali ghall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza - nil
- Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg – €326.14 (
allowance
għall-provvista tal-ikel)
- Fondazzjoni għall-Harsien tas-Servizzi Soċjali – nil
- Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali – nil
- Kummissjoni għat-Tfal – nil
- Awtorità tad-Djar – €1,124 għall-ikel Jannar – Diċembru 2011
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tgħix f'faqar estrem peress li r-relief tagħha mhux iwassal sabiex tħallas l-kera u l-kont tad-dawl u l-ilma oltre sa jaqtgħu l-provvista tal-elettriku tal-fond fejn tabita minħabba pendenza appartenti lil terza persuna li kienet tabita fil-fond qabilha u li konsegwenza tal-qaghda finanzjarja tagħha kellha tpoġġi lil uliedha f'istituzzjoni?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata dwar il-każ tagħha.
Awtorità tad-Djar — talba lill-inkwilini biex jistallaw il-pannelli fotovoltaiċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar qadtx irċeviet talba minn inkwilini f'appartament tagħha biex jistalla pannelli fotovoltaiċi fuq il-bejt tal-blokka? F'każ li jkun hemm talba simili, din tiġi aċċettata peress li s-saqaf mhux propjetà ta' inkwilini jew tal-komun iżda huma tal-Awtorità?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'każ li x'inkwilini jkunu jridu jistallaw xi pannelli fotovoltaici fuq bejt ta' xi blokka, jkunu jridu jagħmlu talba lill-Awtorità tad-Djar, li fid-deskrizzjoni tagħha tweġibha.
Awtorità tad-Djar — skemi għall-għotja ta' għajnuna għat-tiswija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskemi tal-Awtorità tad-Djar għall-għotja bħala għajnuna għat-tiswija tad-djar kemm li kienu ta' kera kif ukoll jekk okkupati mis-sid għadhomx fis-seħħ?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha skema fejn tagħti sussidju fuq ix-xogħlijiet ta' irranġar u titjib fir-residenzi okkupati kemm minn sidien kif ukoll minn inkwilini.
Jista' l-Ministru jara x'sar mill-applikazzjoni ta' koppja miżżewwġa, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikaw mal-Awtorità tad-Djar?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tas-Sinjuri msemmija daħlet għand l-Awtorità tad-Djar fid-9 ta’ Frar 2012 u għadha fil-fażi inizjali. Bhħlissa, qed issir ir-riċerka sabiex jiġu stabbiliti x-xogħlijiet neċessarji, kif ukoll tinġabar informazzjoni dwar l-assi u d-dħul tal-applikanti biex b’hekk jiġi deċiż jekk l-applikanti jikkwalifikawx taħt il-kundizzjonijiet tal-iskema u kemm huwa l-persentaġġ tal-għajnuna li jikkwalifikaw għalih.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li kellu jidher quddiem il-bord għall-għajnuna soċjali u għalkemm ċempel u ġew it-tobba jarawh id-dar, irċieva karta li se jaqgħtuh għax ma attendiex mingħajr ma avża, liema avviż huwa żbaljat? Jista' l-Ministru jara l-każ u jinħareġ iċ-ċekk għax dan jinsab bla dħul?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-persuna ikkonċernata se tiġi infurmata permezz ta’ ittra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31798 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, fejn din qed titlob li tbiddel id-dar għal post ieħor li ma jkunx isfel?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni ġiet allokata l-fond fejn toqgħod nhar il-25 ta’ Jannar, 2010. Għaldaqstant l-Awtorità tad-Djar ma tistax tikkunsidra t-talba tagħha għat-tpartit peress li għadhom m’għaddewx tliet snin mid-data tal-kuntratt.
Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali — audited accounts
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts tat-tliet aġenziji li jagħmlu parti mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali mis-sena 2008 sal-aħħar accounts li ġew awditjati?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rabat — Djar ta' Għeriexen - lift li mhux qed jintuża
Question
Jikkonferma l-Ministru li lift fi blokk 4 u 5 fil-qasam tad Djar ta' Għeriexem ir-Rabat ilu lest aktar minn sena iżda r-residenti ma tħallewhx jużawh? Ma jħossx il-Ministru li huma x'inhuma ċ-ċirkustanzi dan mhux trattament sewwa lir-residenti li għandhom bżonn jużaw dan il-lift? Jekk fl-affermattiv jista' jara li jawtorizza immedjatament li dan il-lift jitħalla jintuża mir-residenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-lift ilu numru ta’ xhur lest izda sa llum ir-rezidenti ta’ dawn iż-żewġ blokki qeghdin jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom illi jipparteċipaw fl-ispejjeż tal-lift kif għamlu reżidenti ta’ blokki oħra. Għaldaqstant ma jistax jitwettaq il-handover. Sakemm isir dan il-handover, l-awtorità hija obbligata bil-liġi illi iżżommu mitfi.
Jista' l-Ministru jara li tiġi investigata mid-Direttur tax-Xogħol jew il-persuna jew l-awtorità kompetenti dikjarazzjoni li saret minn individwu pubbliku li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament fejn instema' jgħid fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni li huwa jiddiskrimina bejn ħaddiema li jħaddnu twemmin differenti minn tiegħu anke, fejn jidħol il-ħlas dovut lilhom?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji mogħtija minnu ġew mgħoddija immedjatament lid-Dipartiment tax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali sabiex jagħmel l-investigazzjoni.