Ministeru għat-Turiżmu – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li s-CEOs u Chairpersons tal-Bordijiet fi ħdan il-Ministeru għandhom kwalifiċi li jibdew minn Degree u jibqgħu telgħin sa Dottorat, kollha għandhom esperjenza fl-ispettru wiesa’ tal-qasam turistiku, fejn uħud minnhom ilhom jokkupaw din il-pożizzjoni/kariga għal snin sħaħ.
Stabbilimenti kummerċjali li għandhom liċenjza jdoqqu mużika
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bars, ristoranti u stabbilimenti kummerċjali oħra li għandhom liċenzja biex idoqqu l-mużika? Kemm minn dawn għandhom liċenzja li jdoqqu open air? Sa xħin huma liċenzjati li jdoqqu dawn l-istabbilimenti? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx stabbilimenti li għandhom ukoll konċessjonijiet speċjali biex idoqqu wara l-ħin stabbilit? Jekk iva, kemm hemm u liema huma?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħarġet 62 permess biex tindaqq mużika ġewwa l-istabbilimenti li huma liċenzjati minnha. Il-ħin sakemm tista’ tindaqq il-mużika huwa determinata mil-liġi li taqa’ taħt l-Att dwar il-liċenzji tal-kummerċ. L-Awtorità mhijiex responsabbli li toħroġ konċessjonijiet biex tindaqq mużika wara l-ħin stabbilit.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f’reklamar fil-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir innifsu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża ta’ kull sena fuq reklamar mill-Ministeru u s-sitt entitajiet li jaqgħu taħtu kienet is-segwenti:
Mezz
2019
2020
2021
2022*
Radju
€13,985.00
€9,388.00
€7,565.00
€4,814.00
Televiżjoni
€64,098.71
€87,431.71
€138,303.55
€114,674.34
Stampat
€238,140.07
€74,235.96
€201,684.99
€216,253.36
Online
€278,537.67
€86,562.56
€583,756.84
€85,167.63
(*) sal-aħħar t’Awwissu
Film Jurassic World Dominion — mudelli tad-dinosawri - spejjeż
Question
Jista’ l-Ministru jippubblika s-somma finali ta’ kemm ġew jiswew il-mudelli tad-dinosawri li ntużaw fil-film Jurassic World Dominion li ġew esibiti madwar Malta?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-mudelli tad-dinosawri madwar Malta ġew jiswew €36,900.
Ministeru għat-Turiżmu – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fi ħdan il-Ministeru m’hemmx CEOs jew Kapijiet li waslu għall-eta’ tal-irtirar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sodod reġistrati f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm hemm bla liċenzja? Kemm hemm applikazzjonijiet ġodda? Jista’ jgħid jekk hux se jitwaqqfu applikazzjonijiet ġodda?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Malta u Għawdex hawn total ta’ 66,132 sodod reġistrati – 56,257 ġewwa Malta u 9,875 f’Għawdex. Bħalissa hemm applikazzjonijiet għal 4,566 sodod ġodda.
Ma huwiex possibbli li wieħed jagħti figura ta’ postijiet bla liċenzja, pero’ meta jinstabu postijiet li qegħdin joperaw bla liċenzja dawn jiġu mmultati minnufih filwaqt li jintalbu jirregolaw l-operat tagħhom mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħu, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Turiżmu — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom encroachment agreement ma' Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċert żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma intużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera? Minn 2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għat-Turiżmu – regolamenti u protokolli għal kunflitti ta’ interess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-regolamenti u l-protokolli li l-Ministeru japplika sabiex persuni li jaħdmu direttament fil-Ministeru jiddikjaraw kunflitti ta’ interess li jista’ jkollhom dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-istess Ministeru?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Manwal li diġa' tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità Maltija tat-Turiżmu –Arretrati ta’ liċenzji ta’ operaturi turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574 u 1842 u jgħid l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat proġett ta’ tisbiħ f’Dawret in-Nawfraġju Xemxija? Jekk hu l-każ, jista’ l-Ministru jara li t-taraġ perikoluż mit-triq sax-xatt jinbidel, kif ukoll il-bankina li hija perikoluża ħafna?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nbeda l-proċess li għandu jwassal għal pjan ta’ riġenerazzjoni ħolistiku li ser janalizza d-diversi ħtiġijiet taż-żona ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar u l-Qawra, inkluż proġetti infrastrutturali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-taraġ fi Triq Doni, ir-Rabat ma sarlux railing biex ikun aċċessibbli? Jista' jgħid jekk hux se jsir railing biex isir aċċessibbli?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Bajjiet ta’ Kemmuna – kiri ta’ deckchairs u umbrelel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1916 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajjiet ta’ Kemmuna? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hemm 3 beach concessions fil-bajjiet ta’ Kemmuna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1904 u 2068 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-Bajja tal-Armier? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Bajja tal-Armier hemm 5 lidos li għandhom liċenzja sabiex jikru deckchairs u umbrelel abbażi ta’ concession tal-Lands.
Bajja tal-Golden Sands – kiri ta’ deckchairs u umbrelel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1908 u 2069 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja tal-Golden Sands? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Bajja ta’ Golden Sands hemm operatur wieħed li għandu l-liċenzja jikri deckchairs u umbrelel lill-pubbliku inġenerali.
Bajja tal-Għadira – kiri ta’ deckchairs u umbrelel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1906 u 2070 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja tal-Għadira? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fuq il-Bajja tal-Għadira hemm 8 lidos/kiosks li għandhom il-liċenzja biex jikru deckchairs u umbrelel abbażi ta’ concession tal-Lands.
Parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja 2022
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. Kemm ġiet tiswa l-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja 2022?
b. Kemm kienet l-ispiża tal-biljetti tal-ivvjaġġar bl-ajru, trains, taxis u mezzi oħrajn?
c. Kemm kienet l-ispiża tal-lukandi ta’ kull individwu?
d. Kemm kienet l-ispiża tar-reklamar?
e. Min kienu n-nies (semmi min kienu) li kellhom x’jaqsmu f’din il-parteċipazzjoni? X’kienet il-kompetenza tagħhom għal din il-partċipazzjoni?
f. Xi kriterji ntużaw biex ġew magħżula dawn in-nies, u mhux oħrajn?
g. Kemm tħallas kull wieħed minnhom?
h. Kemm tħallas kull artist involut?
i. Kemm tħallas kull uffiċjal u kumpanija involuti separatament?
j. Kemm allowances ġew mogħtija lil dawn l-imsemmija uffiċjali u kumpaniji?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tliet membri tal-Kummissjoni għal Films attendew il-Biennale ta’ Venezja 2022, fejn l-għan prinċipali kien li jiġu attirati aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna u b’hekk nikkrejaw aktar opportunitajiet ta’ xogħol għal Maltin u l-Għawdxin, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-ekonomija tal-pajjiż. L-ispiża kienet ta’ sittax-il elf ewro u disa’ mija, li tinkludi spejjeż relatati ma’ partċepazzjoni, vjaġġar, akkomodazzjoni u reklamar. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma kien hemm l-ebda spejjeż addizzjonali apparti dawn imsemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. Kemm ġew jiswew id-displays tad-dinosawri li tpoġġew ġewwa l-Belt Valletta dan is-sajf 2022?
b. X’kien l-għan tagħhom primarjament?
c. Jekk l-għan intlaħaqx, u jagħti prova tanġibbli ta’ dan?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-display tad-dinosawru fil-Belt hi attrazzjoni fiha nnifisha, li ngħatat pubbliċità fil-midja internazzjonali, inkluż dik fl-Istati Uniti tal-Amerka, u kienet intiża biex tassimila l-film mal-postijiet li fih inħadem kif riflessi b’mod prominenti fl-istess blockbuster ta’ Hollywood.
Id-deċiżjoni kienet parti minn kampanja pubbliċitarja importanti fl-eqqel tas-suċċess li qed jikseb il-film, l-ewwel blockbuster li jsemmi speċifikament lil pajjiżna f’uħud mill-isbaħ xeni tiegħu.
Minbarra hekk, deċiżjonijiet simili huma pass ieħor ’il quddiem biex inkabbru n-niċċa turistika tal-iScreen Tourism f’pajjiżna, kif jixhdu wkoll għadd kbir ta’ ritratti li jittieħdu mal-istess display minn barranin li mbagħad itellgħu fuq il-ħafna mezzi ta’ komunikazzjoni u midja diġitali.
Id-display li qiegħda ssir referenza għaliha ġiet tiswa €17,100.