Ċentru tal-Anzjanità Attiva ta’ Santa Venera - anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jattendu anzjani fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva ta’ Santa Venera? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jgħid ukoll mil-liema lokalitajiet ġejjin dawn l-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva ta’ Santa Venera jattendu 53 anzjan. Minn dawn 50 huma nisa u 3 huma rġiel. F’dan iċ-ċentru l-anzjani ġejjin mill-lokalitajiet ta’ Sta Venera, Mtarfa, Pieta, B’Kara, Naxxar, Ħamrun u Ħal Għargħur.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jattendu anzjani fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jgħid ukoll mil-liema lokalitajiet ġejjin dawn l-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun jattendu 74 anzjan. Minn dawn 67 huma nisa u 7 huma rġiel. F’dan iċ-ċentru l-anzjani ġejjin mill-lokalitajiet tal-Ħamrun, Sta Venera, Marsa, Ħ'Attard, Msida, Pieta, Mosta, B’Kara, Rabat, San Pawl il-Baħar u Valletta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għamlu użu mis-servizz Respite Residenzjali fis-sena 2024 kif ukoll matul din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2024, 242 anzjan (mitejn u tnejn u erbgħin) għamlu użu mis-Servizz Respite Residenzjali. Minn naħa l-oħra, sa d-data li fiha qed tingħata risposta għal din il-mistoqsija Parlamentari, hemm 195 anzjan (mija u ħamsa u disgħin) li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx każijiet pendenti bħalissa li qed jistennew li jingħataw servizz Respite fid-Dar? Jekk iva, kemm hemm każijiet pendenti u għaliex jeżisti dan id-dewmien?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa m’hemmx applikazzjonijiet pendenti għas-servizz ta’ respite fid-dar.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal x’ħidma saret sa issa biex tiġi implimentata l-istrateġija l-ġdida dwar id-dimensja? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus sa issa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jaħdem biex jimplimenta t-tieni strateġija nazzjonali tad-dimensja. Sar investiment fis-servizzi tal-kommunità u fid-
Dementia Intervention Team
, li joffri sapport lill-persuni bid-dimensja u lill-familji tagħhom. Ġew organizzati żewġ konferenzi nazzjonali dwar id-dimensja, u kompla t-taħriġ għall-professjonisti u kif ukoll lill-pubbliku. Ġie introdott programm ta’ Taħriġ tal-Memorja u ġiet aġġornata l-informazzjoni
online
fuq il -website uffiċjal ta’ l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Sar ftehim mal-
Malta Dementia Society
u mal-Kurja biex jiġu offruti attivitajiet u spazji adattati għall-persuni bid-dimensja. Qed jiġi provdut ukoll servizz ta’ trasport u sessjonijiet terapewtiċi fid-
dementia activity centres
.
Skema tal-Għajnuna għal kiri ta’ sodod motorizzati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna biex jikru sodod motorizzati? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li sal-lum kien hemm 113 anzjan li qed jibbenefikaw mill-iskema tal-għajnuna għall-kiri ta’ sodod motorizzati. Minn dawn 71 huma nisa u 42 huma rġiel.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex f’San Vincenz De Paul, il-persuni mejtin qed jinżammu f’kamra bl-airconditioners, minflok f’cold room? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb biex tinbena cold room?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-kamra mortwarja ta’ San Vinċenz De Paul hija mgħammra b’numru ta’ servizzi ta’ arja kkundizjunata u li jitħallew mixgħula lejl u nhar. Dan sabiex inaqqas il-proċess ta’ dekompożizzjoni tal-persuna li tkun ġiet nieqsa. Kif inhi l-prassi lokalment, il-funeral jsir fi żmien qasir u allura ma jkunx hemm għalfejn il-bżonn ta’ body fridges. Din il-prassi ilha fis-seħħ għal diversi snin.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-air conditioning tal-Kappella li tagħmel parti mill-mortwarja f'San Vincenz De Paul ilu ma jaħdem ’il fuq minn xahrejn? Jista’ jgħid ukoll meta dan ser jinbidel / jitranġa u jsir wieħed li jkun jista’ jkessaħ sew lil din il-Kappella?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li ġiet installata sistema ta’ arja kkundizzjonata ġdida fil-kappella li tagħmel parti mill-mortwarja f'San Vinċenz De Paul.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-mediċina Amgevita 40mg (li fiha l-ingredjent prinċipali Adalimumab) għal min ibati bil-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa terġa' tiġi provduta fl-iskema tal-POYC u meta? Fil-frattemp, x'soluzzjoni ser tiġi offruta lil dawk il-pazjenti li ma jistgħux jieħdu l-mediċina Hyrimoz 40mg?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li qegħdin isiru l- isforzi kollha sabiex d-Dipartiment tas-Saħħa jipprovdi ukoll l-‘adalimumab’ mingħajr ‘citric acid’, l-‘excipient’ li huwa mifhum li qed jikkawża il-problemi ta’ uġigħ waqt l-amministrazzjoni f’ċertu pazjenti. Qed isiru wkoll konsiderazzjonijiet biex dan jibda jsir ukoll b’mod standard (i.e. li wieħed kategorikament jelimina dan l-‘excipient’ fl-ispeċifikazzjoni teknika).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti bil-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa li kellhom jieqfu jieħdu trattament minħabba li l-mediċina Hyrimoz 40mg qed ikollha effetti mhux mixtieqa fuqhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li kien hemm pazjent wieħed bil-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa li formalment irraporta li kellu problema bil-prodott Hyrimoz. Fl-istess żmien kien hemm ukoll xi 3 pazjenti li jidher li żviluppaw xi problema bil-prinċipju attiv (adalimumab) u lil dawn, b’kollaborazzjoni mal-konsulent tagħhom ġiet mogħtija mediċina oħra (bi prinċipju attiv ieħor) għall-istess kundizzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex twaqqfet il-mediċina Amgevita 40 MG bl-ingredjent prinċipali Adalimumab mill-iskema tal-POYC għal min ibati mill-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Mediċina Amgevita hija biss waħda fost tipi oħra ta’ adalimumab 40 mg injection. Id-Dipartiment tas-Saħħa qatt ma iffavorixxa ditta partikolari ta’ adalimumab fuq oħrajn, u għaldaqstant ġieli kien hemm ditti oħra ta’ adalimumab mixtrija. Għalhekk, adalimumab 40 mg injections ma twaqqafx mill-iskema tal-POYC.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ pazjenti li jbatu bil-kundizzjoni Hidradenitis suppurativa fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar ħames snin, kien hemm 106 pazjenti li jbatu bil-kundizzjoni Hidradenitis, li rċivew trattament mediku fl-Isptar Mater Dei.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi għal dak li jikkonċerna l-ftuħ ta’ ċentru tal-Gvern (berġa) li minnha jkunu jistgħu jingħataw is-servizzi li jingħataw fil-lokalitajiet? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm rispons pożittiv meta nħarġu sejħiet ta’ interess biex jiġu pprovduti tali ċentri? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rispons għal dak li jikkonċerna ċentru f’San Pawl il-Baħar? Jekk iva, fiex wasal il-proċess tal-għażla ta’ tali post?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Paola Hub jistax jibda jopera fl-intier tiegħu? Jekk le, meta ser ikun jista’ jopera b’mod sħiħ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sal-lum infetħu erbgħa minn ħames sulari minn fejn jingħata servizz lejn il-pazjienti. L-aħħar sular se jitlesta fi żmien ftit ġimgħat oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm xi kwistjonijiet pendenti bejn il-Paola Hub u xi fornituri ta’ apparat? Jista’ jgħid ukoll jekk il-kontijiet kollha li kienu dovuti ġewx imħallsa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ma hemm ebda kwistjoni mal-fornituri tal-apparat, u l-kontijiet kollha qed jitħallsu skont it-termini stabbiliti fil-kuntratt.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm appuntamenti bbukkjati u kemm attendew pazjenti minn meta nfetaħ il-Paola Hub sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma ġurnata b’ġurnata?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi għad iridu jiżdiedu ma’ dawk li qed jingħataw fil-preżent fil-Paola Hub?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sa nofs ix-xhar ta' Ottubru iċ-Ċentru Reġjonali għas-Saħħa Ċensu Moran se jkun qed joffri madwar 50 servizz. Sa l-aħħar ta' din is sena huwa previst li is-servizzi jiżdiedu ghal madwar 140.
Il-lista’ ta’ servizzi offruti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-servizzi li ser jiżdiedu ser jitħabbru meta jkun il-waqt.