Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6745, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'kienu l-pagamenti kollha li saru lis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ir-raġuni, id-data ta’ meta saru, kemm kienu, min awtorizzahom, lil liema bank saru, f’liema pajjiż huwa liċenzjat il-bank fejn saru l-pagamenti u f’liema munita saru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pagamenti dovuti lill-kumpanija msemmija minnu saru skont il-konċessjoni ffirmata mal-istess kumpanija. Il-ħlasijiet illi saru kienu kif joħorgu mill-Health Services Delivery Agreement u l-Labour Supply Agreement u jinkludu l-concession fee, pagamenti tal-ħaddiema, ħlas għas-servizz tal-air ambulance, għas-sodod tal-ortopedija u rijabilitazzjoni u l-kirja tal- Medical School ta’ Barts, kif ukoll is-subvention tal-Orthotics and Prosthetics Unit. Sar ukoll ħlas ieħor speċifikament marbut mal-COVID-19 u servizzi addizzjonali meħtieġa għall-pazjenti bil-COVID.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6746, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'kienu l-pagamenti kollha li saru lis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ir-raġuni, id-data ta’ meta saru, kemm kienu, min awtorizzahom, lil liema bank saru, f’liema pajjiż huwa liċenzjat il-bank fejn saru l-pagamenti u f’liema munita saru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa ma għamel ebda pagament lill-kumpanija msemmija minnu.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5282 u jippubblika l-kuntratt tal-kiri ta’ ambulanzi li qed jintużaw fis-settur pubbliku?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-kuntratt mitlub minnu.
Xiri ta’ Uniformi għal xufiera/paramedic aids tal-ambulanzi
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega x'inhi r-raġuni li xufiera/paramedic aids tal-ambulanzi, ingħataw uniformijiet ta' kwalità inferjuri? Jista’ jgħid ukoll min kien responsabbli tax-xiri tagħhom, min ser joħroġ/ħareġ fondi għalihom u x'ser jiġri minnhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi twaqqaf kull pagament lill-aġent rigward uniformijiet ta’ kwalità inferjuri u qed jintalab ħlas lura ta’ pagamenti li diġà kienu saru. Sadanittant ser joħroġ tender ġdid għall-forniment ta’ dawn l-uniformijiet.
Lista ta' stennija għall-operazzjoni tal-katarreti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5912 jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ministru jgħid kemm hija l-lista ta’ stennija ta’ persuni li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-katarretti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 312-il persuna li qed jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-katarretti bi żmien ta’ stennija aktar miż-żmien stipulat fil-Patient Charter.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’servizzi jeżistu sabiex jiġu megħjuna persuni li għandhom problemi ta’ obeżità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa Mater Dei fid-dipartiment tan-Nutrition & Dietetics hemm 10 Dieticians u dawn kollha huma involuti fir-riferimenti ta’ pazjenti obeżi b’kundizzjonijiet mediċi. Hemm ukoll Dietician mit-tim barjatriku li speċifikament jirrevedi fuq bażi regolari pazjenti b'obeżità li huma eliġibbli għall-kirurġija. Fil-Well-Being Unit f’Mater Dei hemm programm għall-immaniġġar tal-piż għall-obeżità u dan hu offrut lill-istaff kollu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux possibbli li fil-Berġa ta’ Marsaskala jiġi introdott is-servizz ta’ nutritionist bħalma hemm f’ċerti bereġ oħrajn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-Nutritionists għandhom bażi ġewwa Kliniċi partikolari peress li x-xogħol ta’ Nutritionist jirrekjedi formazzjoni ta’ gruppi ta’ persuni. Dawk interessati jistgħu jiġu referuti mingħand kull professjonista jew billi jċemplu l-Primary HealthCare Client Support Centre fuq 21231231 jew 21222444. Jistgħu japplikaw ukoll fuq sit online - nutritionist.phc@gov.mt
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern hux se jonora l-wegħda elettorali tiegħu u l-mediċina Xarelto jagħtiha b'xejn ukoll lil dawk kollha li llum jixtruha u mhux biss lil dawk il-persuni għall-kura tal-kanċer?
Response (FEARNE, CHRIS)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 6978, ninformah ukoll illi l-mediċina Rivaroxaban ma tingħatax biss għall-pazjenti li qed ibatu b’kanċer imma wkoll għal kundizzjonijiet oħra.
Ministeru għas-Saħħa — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi.
Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu.
Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.
Sptar Mater Dei – stennija għal operazzjoni ortopedika
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm persuni li stennew aktar minn ġimgħa biex saritilhom operazzjoni ortopedika wara li kellhom inċident u ddaħħlu l-isptar bi ksur bejn il-15 ta' Jannar 2023 u d-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Sptar Mater Dei – elective surgeries tal-ortopedija
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kienx hemm bżonn jitwaqqfu elective surgeries tal-ortopedija f'dawn l-aħħar xahrejn biex isiru dawk ta' urġenza?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ġimgħat kien hemm tlett istanzi fejn Elective cases kellhom jagħtu preċedent għal każijiet ta' urġenza.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex il-mediċina Pregabalin Sciecure 150mg u 75mg, li tintuża għall-Fibromyalgia, kienet out of stock f'Jannar u Frar 2023? Jista’ jgħid f'liema ġranet kienet out of stock u xi ngħata minflok?
Ministeru għas-Saħħa — impjegati ġodda f'awtoritajiet u entitajiet
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5777 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi minnu ġew impjegati 348 persuna li minnhom 139 huma tobba, 131 huma nurses u 57 Allied Healthcare workers.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-average waiting time tal-A&E fl-Isptar Mater Dei bejn l-1 ta' Frar 2023 u d-data ta' meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, ġurnata b'ġurnata?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Frar u t-21 ta’ Frar kien hemm 5432 pazjenti li attendew l-A & E fl-Isptar Mater Dei u l-average waiting time bejn registration u triage kien ta' 19-il minuta waqt li l-ħin bejn registration u l-ħin li l-pazjent beda jarah tabib kien ta’ 3 sigħat.
Sptar Mater Dei – swali, kuriduri u spazji ta’ trattament ġodda
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il sala/kuridur/spazju ta’ trattament ġdid/temporanju nfetħu u ngħalqu fl-Isptar Mater Dei bejn l-1 ta' Frar 2023 u sad-data li fih tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jidentifika l-isem tagħhom u jgħid kemm-il sodda kien fihom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-swali li kellhom bżonn jinfetħu fil-perjodu indikat minnu, huma skont it-tabella mehmuża.
- 6 ta' Frar ITU6 fetħet b'9 pazjenti
- 20 ta' Frar ITU3 fetħet b'6 patients u għalqet fil-25 ta' Frar
- 20 ta' Frar DCUE fetħet b'12-il pazjent u għalqet fit-23 ta' Frar
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux qed isir it-test tad-demm lactoglobulin fl-Isptar Mater Dei għal min ibati jew għandu bżonn assessjar biex isir jaf jekk hux ibati minn lactose intolerancy u min hu responsabbli li jibbukkja dan it-test?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Beta Lactoglobulin ġie identifikat bħala xjentifikament inutli bħala test għal-lactose intolerance u fil-fatt twaqqaf mill-kumpanija b'direttiva tal-UE. L-antibody screening Beta-lactoglobulin IgE huwa utli biss għall-ittestjar tal-allerġija u għadu jiġi offrut bħala parti tat-test menu fil-Patoloġija.
Sptar Mater Dei – Użu ta’ kuriduri/spazji ta’ recovery biex pazjenti jingħataw kura ġenerali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk bejn il-15 u l-21 ta’ Frar 2023 kienx hemm bżonn jintużaw kuriduri/spazji ta' 'recovery' ta' teatri tal-operazzjonijiet biex fihom jitpoġġew pazjenti għall-kura ġenerali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-Ħadd 19 ta’ Frar sa sbieħ it-Tnejn 20 ta’ Frar intużat ir-recovery area tal-Endoscopy minħabba influss ta' pazjenti li daħlu mill-Emerġenza. Dawn il-pazjenti ġew rilokati fis-swali matul il-jum tal-20.