Legislature:
Category:
Reset
Active:

WasteServe — fondi pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29883 u jikkonferma kemm il-WasteServ li tiddependi ħafna fuq fondi pubbliċi, għandha tagħti u tieħu mingħand il-kumpanija Green MT? Kemm imorru lura fiż-żmien dawn l-ammonti? Kif se jsir il-ħlas? Se jsiru xi off-sets? Meta mistennija jsiru dawn is-settlements?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Minn mindu l-Gvern nieda l-iskema ta’ ġbir ta’ skart separat permezz tal-Borża l-Griża u t-tħaddim tal-Bring In sites u CA sites, inġabru madwar 50,816 tunnellati ta’ skart riċiklabbli (sa l-aħħar ta’ Settembru 2011) li qabel kien jisfa’ mormi fil-landfill. Dan għax ingħaraf li materjal li altrimenti kien qed jintrema fil-landfill kellu potenzjal li jinbiegħ u jiġi esportat bil-mira li jiġu koperti l-ispejjez ta’ ipprocessar u b’hekk ma jsirx użu minn fondi pubbliċi. Iktar tard, meta l-potenzjal wera l-frott mixtieq, daħlu abbord ukoll l-iskemi awtorizzati li llum għandhom r-responsabbilita li jiġbru dan ll-iskart f’isem il-Producer skond miri u kundizzjonijiet mfassla mill-MEPA. Irridu ngħidu wkoll li ma’ dan il-materjal tal-ippakeġġjar qegħda tingabar ukoll ammont sostanzjali ta’ karta, li għalkemm ma taqax taħt it-titlu ta’ packaging u allura sa issa ma hemmx obbliġu min naħa tal-iskemi li din tinġabar, din xorta waħda qed tinġabar u tinbiegħ biex b’hekk, aktar skart li originarjament kien imur fil-landfill, issa qed jiġi mibdul fi prodott kummerċjali li qed jitpoġġa fuq is-suq. Immorru specifikament fuq il-Green MT fejn insibu li bejn Lulju 2009 u Gunju 2011, din bagħtet materjal għall-ipproċessar lill-WasteServ kemm permezz tal-borza l-griża kif ukoll mill-Bring In Sites u li minnu nbiegħu 14,928 tunellata. Wara li wieħed jikkunsidra d-dħul li ġie mill-bejgħ ta’ recyclables, l-ispejjeż tal-ipprocessar kif ukoll l-kumpens mistħoqq minħabba li qed tinġabar ukoll non-packaging paper , jirriżulta li l-Green MT kellha tagħti € 408,810 lill-WasteServ filwaqt li kellha tiġi kkreditata bl-ammont ta’ € 689,860. Meta wieħed jagħmel offset, dan jirriżulta f’pagament nett ta’ € 281, 050 lill-Green MT, liema pagament diġa’ sar. Nixtieq ngħid li dan l-istess mekkanizmu ġie implimentat mall-iskema l-oħra, l-GreenPAK li bl-istess prinċipju kellha tagħti lill-WasteServ € 148,907 filwaqt li kellha tiġi kkreditata bl-ammont ta’ €208,500. Hawnhekk ukoll saru l-offsets meħtieġa u dan irrizulta f’pagament ta’ € 59,593 lill-GreenPAK, liema somma tħallset ukoll. Ta’ min wieħed jghid, li l-GreenPAK għaddiet inqas materjal lill-WasteServ li minnu nbiegħu 4,357 tunnellati għall-perjodu minn Jannar 2010 sa Ġunju 2011. Fiż-żewġ każijiet allura għandna sitwazzjoni fejn mill-iskart inġabru flus li wara li tneħħew l-ispejjeż minnhom, tgħaddew bħala qliegħ lill-iskemi rispettivi. Il-mekkanizmu li ntuza biex jiġi kkunsidrat kumpens gġall-karta non-packaging ġie diskuss mal-Finanzi u mal-Approving Body Sal-aħħar ta Ġunju 2011, inbiegħu mill-WasteServ madwar € 2.7 miljuni f’recyclables wara li dawn kienu pproċessati fl-impjant ta’ Sant’ Antnin. Tajjeb infakkar, li l-prezzijiet li jiġu nnegozjati għal dawn il-prodotti, ivarjaw skond is-suq internazzjonali u għalhekk ma hemm l-ebda garanzija fuq offsets pożittivi li l-WasteServ ser tagħmel fil-futur. Dan jiddependi ħafna mill-prezzijiet tas-suq li jinġiebu permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti. Pero’ l-mekkanizmu li bih dan jiġi kkalkolat qiegħed issa stabbilit u hu identiku għal kull skema.

Trainees Fisheries Protection Officers — riżultati tas-sejħa għall-postijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ppubblikati r-riżultati tas-sejħa għall-mili ta' postijiet ta' trainees fisheries protection officers u dan stante li l-interviews ilhom li saru mit-2, 3 u 4 ta' Lulju 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan l-eżerċizzju wasal fil-fażi finali tiegħu u għalhekk il-pubblikazzjoni tar-riżultati għandha ssir f’qasir żmien.

Meters tal-ilma — spieri tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-meters tal-ilma li hu mistenni li jitwaħħlu fuq l-ispieri tal-bdiewa f'Malta u f'Għawdex rispettivament? Meta hu mistenni li jkun lest il-proċess tat-twaħħil tal-meters?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ meters li se jitwaħħlu fuq boreholes u spieri tal-bdiewa jleħħaq 3,500. Min dan l-ammont, se jitwaħħlu 3110 ġewwa Malta filwaqt li 390 ser jitwaħħlu ġewwa Ghawdex. Minn dawn 2345 huma boreholes li minnhom 2050 huma ġewwa Malta filwaqt li 295 huma ġewwa Ghawdex Il-proċess tat-twaħħil diġà imbeda u huwa maħsub li jitlesta fl-ewwel parti tas-sena 2013.

The National Action Plans for the Protection of the Marine Environment from Land Based Activities

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument The National Action Plans for the Protection of the Marine Environment from Land Based Activities? Jista' jgħid kif dan il-pjan qed jiġi segwit u implimentat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Onorevoli prim Ministru li huwa responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar

National Biodiversity Strategy for Malta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument n-National Biodiversity Strategy for Malta? Jista' jgħid kif dan il-pjan qed jiġi segwit u implimentat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Onorevoli prim Ministru li huwa responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar

National Action Plan for the Reduction and Elimination of Land Based Pollution

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument National Action Plan for the Reduction and Elimination of Land Based Pollution? Jista' jagħti rendikont kif dan il-pjan ta' azzjoni qed ikun segwit u implimentat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Onorevoli prim Ministru li huwa responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar

Belt, Kottonera u l-Imdina — pjanijiet tal-kumitat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29943 u 30284 u jgħid xi pjanijiet għandu kull kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina għat-tliet snin li ġejjin, kull kumitat separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skont il-pjanijiet ta’ kull kumitat ta’ rijabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina għat-tliet snin li ġejjin se jitkompla x-xogħol fuq il-proġetti imsemmija hawn taħt: Il-Belt Valletta · Arkivji Notarili – kontinwazzjoni ta’ manutenzjoni interna · Kaxxa Rizzi ta’ Carapecchia ġewwa l-Knisja ta’ San Pawl Nawfragju · Misraħ San Ġorg u Strada Merkanti – jitkompla l-immaniġġjar ta’ dawn iż-żoni pedonali · Manutenzjoni tad-dawl arkitettoniku ġewwa l-Belt Valletta · House of Catalunya – restawr tal-faċċata li tħares fuq Triq l-Arcisqof · Qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir – manutenzjoni ta’ l-istruttura tal-ġebel · Restawr ta’ iktar monumenti ġewwa l-Barrakka ta’ Fuq, · Restawr tal-monument ta’ Ġorg Borg Olivier fil-Pjazza ta’ Kastilja · Restawr tal-funtana ta’ l-Ajkla f’Misraħ San Ġorg · Manutenzjoni tal-faċċata ta’ Istitut Kulturali Taljana f’Misrah San Ġorg · Manutenzjoni ta’ pavimentar fiż-żoni pedonali tal-Belt · Restawr tal-koppla tal-Knisja ta’ San Ġakbu · Twettiq ta’ aċċess iktar faċli fiż-żona magħrufa bħala Sally Port, u disinn ta’ parkeġġ, bejn il-foss tal-Belt u Triq Nofsinhar Kottonera · Twaħħil ta’ dawl arkitettoniku fil-bajja tar-Rinella ġewwa l-Kalkara · Restawr tal-istatwa tal-Madonna fi Pjazza 4 ta’ Settembru ġewwa l-Isla · Restawr tal-faċċata tal-knisja ta’ San Ġiljan ġewwa l-Isla · Bieb Sant Anna, l-Isla – dawl u pavimentar · Embellishment tal- belveder tas-Sur ta’ Santa Margerita, Bormla Mdina · Manutenzjoni tad-dawl tas-Swar. · Restawr tan-niċċa magħrufa bħala Ta’ Buqani limiti tal-Imdina · Tibdil tal-kollonni li jinsabu fuq il-faċċata tal-Banca Giuratale ġewwa l-Imdina

Belt, Kottonera u l-Imdina — proġetti li ġew imwettqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30283 u 29944 u jgħid liema proġetti twettqu mill-kumitati għar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina matul it-12-il xahar li għaddew kull kumitat separatament? Kemm kienet in-nefqa fuq kull proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sena 2011 rat il-bidu ta’ xogħol fuq il-Batterija tas-Salut, u restawr ta’ żewġ monumenti ġewwa il-Barrakka ta’ Fuq. Xogħol ta’ restawr tkompla ukoll fuq diversi binjiet u monumenti storiċi fil-Belt, fosthom tal-Arloġġ ta’ Pinto, ir-restawr ta’ niċċa tal-Madonna ta’ Pompei fi Triq Toni Bajada, dik tan-niċċa ta’ San Korrado, il-monument ta’ Sciortino ġewwa l-Furjana, u dik ta’ l-Assedju l-Kbir. Qed isir xogħol ta’ manutenzjoni ġewwa l-Arkivji Notarili, tkompla r-restawr fuq il-Kaxxa Rizzi ta’ Carpecchia li tinsab ġewwa s-Saġristija tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu. Flimkien ma’ Heritage Malta, sar restawr ta’ pitturi ta’ żejt fuq tila ġewwa il-Knisja tal-Ġizwiti. Saru wkoll diversi xogħolijiet fuq knejjes, fosthom il-Knisja ta’ Santa Katerina fejn inbidel saqaf ġewwa s-sagristija, intrama scaffolding fil-parti interna, sar manutenzjoni fuq il-koppla, u inbeda xogħol ta’ restawr fuq il-faccata li tħares fuq Triq il-Merkanti. Tkompla l-immaniġjar u manutenzjoni ta’ żoni pedonali ġewwa l-Belt Valletta, fosthom ta’ Misraħ San Ġorg u ta’ Strada Merkanti, fejn f’dan ta’ l-aħħar saru disinji biex ikunu jistgħu jitpoġġew l-imwejjed u s-siġġijiet. Qed isir ukoll manutenzjoni tal-Qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir. Bħala parti mill-obligi ta’ sit ta’ Wirt Dinja, qed jiġi ppreparat Pjan Strateġiku għall-immaniġġjar tal-Belt Valletta. Dan il-pjan għandu jitlesta sa’ l-aħħar ta’ din is-sena, fejn imbagħad tiġi ppublikata għal-konsultazzjoni pubblika. Saru proposti għall-użu tal-Biċċerija l-Antika, dik tas-Suq l-Antik, u ridiżinn tal-parkeġġ ġewwa l-foss tal-Belt b’access iktar faċli għal ġewwa ċ-ċentru tal-Belt. Nefqa matul 2011: Valletta Misraħ San Ġorg €61,100 L-Arloġġ ta’ Pinto €120,000 Kaxxa Rizzi (Knisja ta’ San Pawl Nawfragu) €7,000 Siege Bell Monument (manutenzjoni) €3,300 Materjal għall-Pavimentar tat-toroq €74,000 Saluting Battery (materjal) €143,000 Materjal għar-restawr fuq monumenti diversi €23,000 Kottonera Knisja ta’San Filippu, l-Isla (balavostri taz-zuntier) €1,500 Kalkara, tqegħid ta’ dawl fil-bajja tar-Rinella €35,000 Dawl max-xatt tal-Birgu €6,500 Mdina Manutenzjoni tad-dawl tas-Swar €5,000

Pixkerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li l-pixkerija sejra tkun il-Marsa fejn sejrin jħottu l-bastiment tagħhom mill-qabda li jkunu għamlu sajjieda tal-pixxispad, tat- tkarkir u tat-ton? Jista' jgħid, per eżempju, fejn sejrin jħottu l-qabda taghhom dawk li huma miktubin li għandhom jidħlu il-port tal-Belt Valletta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dawk is-sajjieda li normalment iniżżlu l-qabda tagħhom fil-Port il-Kbir ser jkollhom faċilitajiet biex dawn xorta jkunu jistgħu jibqgħu iniżżlu l-qabdiet tagħhom fil-Port il-Kbir. Diġa’ ġew evalwati numri ta’ siti u bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet fuq l-għażla ta’ sit li jidher li huwa l-iktar addattat biex jservi bħala Landing Site fil-Port l-Kbir.

Korsijiet tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-bdiewa li bilfors iridu jmorru għall-korsijiet li qed jsiru dwar il-bexx fuq il-pjanti, ħxejjex u frott? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex kull bidwi jrid jattendi għal dawn il-korsijiet u taħt liema kundizzjoni bidwi jkun eżentat milli jattendi? Jekk bidwi jiddeciedi li ma jattendix jeħel xi multa jew ikun irid jagħti flus lura li ħa f'xi sussidju ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija tal-Pagamenti fi ħdan dan il-Ministeru organizzat korsijiet għall-bdiewa u r-raħħala bħala parti mill-obbligi taħt il-Miżura Agro-Ambjentali. Dan il-kors ma kienx jiffoka biss fuq bexx u wieħed irid japprezza li dawn il-korsijiet saru biex jgħinu lill-bdiewa u raħħala jtejbu l-ħiliet u prattiċi tagħhom fl-interess tagħhom u tal-ambjent.

Kottonera — spejjeż tar-restawr tal-fortifikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż tar-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinsabu fil-Kottonera?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28593.

Restawr fuq is-swar tal-Belt Valletta, Birgu, Ċittadella

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħala parti mir-restawr fuq is-swar tal-Belt Valletta, Imdina, Birgu u ċ-Ċittadella, Għawdex iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, jekk żona konsiderevoli ta' xogħol ta' żebgħa aħmar skur fuq il-ġibs fuq is-sur ta' San Ġwann, żona ta' metru kwadru u viżibbli mill-pont fil-Belt Valletta, hux se tkun konservata, jew dan ix-xogħol ta' żebgħa storiku ser jitneħħa minn dan il-bastjun? Dan ix-xogħol ta' żebgħa ta’żmien il-Kavallieri fuq din il-bastjun ġie reġistrat f’ritratti, u ttieħdu kampjuni ta' dan il-materjal mit-Taqsima tar-Restawr biex dan il-materjal jiġi analizzat fil-laboratorju biex jiddeterminaw il-kompożizzjoni kimika taż-żebgħa u tal-ġibs li kienet impjegata u jiġi stabbilit l-aħjar metodu għall-konservazzjoni tagħha. Liema kienu s-sejbiet xjentifiċi u fejn wieħed jista’ jaċċessa dawn is-sejbiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li qabel ma jsir kwalunkwe xogħol ta’ restawr, issir ir-riċerka mehtiega biex ikun imħares il-patrimonju storiku. Ninsab infurmat li mir-riċerka li saret ma jirriżultax li hemm xhieda storika li jattribwixxi valur storiku u patrimonjali ta’ xi xoghol ta’ zebgha fuq is-swar.

Zebgħa aħmar skur mas-swar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol ta' żebgħa aħmar skur li preċedentement kien jgħatti l-ħajt tal-bastjun ta' San Gwann u l-ħajt fortifikazzjoni fuq ix-xellug ta’ Porta Reale tat-Tieni Nofs tas-Seklu 19 huwiex ser jingħata lura lil dan is-sur? Jekk le, għaliex? Dan ix-xogħol ta' żebgħa aħmar skur huwa parti integrali mill-patrimonju Malti, wirt li jinkludi wkoll in-numru konsiderevoli ta' strati in situ ta' xogħol ta' żebgħa isfar ochre fuq is-sur ta’ San Pietru mal-Bieb tal-Griegi fl-Imdina, li jistgħu wkoll ikunu parti tal-perjodu tal-Kavallieri. Dan ix-xogħol bħal dak tas-sur ta' San Ġwann jeħtieġ li jiġi preservat, bħala parti minn dan il-wirt tal-pajjiż, u mhux jiġi imqaxxar mill-fortifikazzjonijiet, sabiex nies ikunu jistgħu jaraw li l-oqsma tal-fortifikazzjonijiet kienu miżbugħa taħt il-Kavallieri u taħt l-Ingliżi. L-esperti jgħidu li jekk dan ma’ jseħħx ir-restawr mhux se jkun restawr tal-fortifikazzjonijiet, u mhux se jkun konservazzjoni tal-wirt ta' xogħol ta' żebgħa fuq il-fortifikazzjonijiet, iżda minflok se jkollna meqrud il-wirt tagħna bi spiża ta' €36 miljun ta' finanzjament mill-Unjoni Ewropea.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29335.

Persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W269 u ċioe: jgħid kemm kien il-persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi alternattivi fl-2008, 2009 u 2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011 rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tigħata f’seduta oħra.

Solid Waste Management Strategy — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuqiex mistennija jintnefqu madwar €2.5 miljun aktar mis-sena finanzjarja li waslet biex tintemm fuq is-Solid Waste Management Strategy?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi ż-żieda ta’ madwar €2.5 miljun fuq is-Solid Waste Management Strategy ser tintuża biex tagħmel tajjeb għall-espansjoni f’oqsma tal-operat tal-kumpanija WasteServ Malta Ltd.

Għawdex — Xagħra - proġett tal-Qortin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29795 u jgħid x’sar s’issa matul din is-sena fuq il-proġett tal-Qortin, ix-Xagħra Għawdex? X’jonqos isir u meta mistenni li jitlesta? Kemm kienet in-nefqa ta’ dan il-proġett sena b'sena s’issa u kemm hi mistennija li tkun in-nefqa totali tal-proġett sena b'sena mil-lum sa meta jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol biex il-miżbla tal-Magħtab u dik tal-Qortin jinbidlu f’park għall-familja beda bl-interventi biex il-gassijiet li ħirġin jiġu maqbuda u ttrattati ħalli ma joħolqux ħsara lill-ambjent. Dan ix-xogħol tlesta' u issa beda jigi intensifikat ix-xogħol tar-rijabilitazzjoni. It-tender għall-ewwel fażi fil-Magħtab inħarget u l-kuntratt ingħata lill-Messrs Polidano Bros Ltd. It-tenders ghat tieni fażi, li tinkludi ukoll dik tal-Qortin, huma fi stat avvanzat biex jiġu ppublikati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Waqt li x-xogħol ta' l-ewwel fażi nbeda dak tat-tieni fażi tal-Magħtab, u l-miżbla tal-Qortin, mistenni li jinbdew f’nofs l-2012. Fil-kaz ta’ Wied Fulija bħalissa qed jiġi kkunsidrat jekk f'dan is-sit huwiex possibli li jiġi żvillupat PV Park flimkien ma rijabilitazzjoni ta' dan is-sit. Ta' min jinnota li l-WasteServ qed tagħmel diversi xogħolijiet f'dawn is-siti bil-ħaddiema tagħha. L-investiment li sar s’issa fuq il-Magħtab jammonta għal €9,760,000 u l-investiment li sar fuq il-Qortin huwa ta’ €1,170,000. Il-proġett tal-Magħtab huwa mistenni li jiġi jiswa €26,800,000 u dak tal-Qortin €5,300,000. Ix-xoghol fuq dawn il-progetti għandu jibqa sejjer biex jinżammu fi stat tajjeb izda l-investiment prinċipali għandu jkun komplut sa l-aħħar ta' l-2013.

Konsulent li juża l-karozza tax-xogħol għall-bżonnijiet personali

Question

B'referenza għal dak li ġara fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn direttur ġie mġiegħel jirreżenja għax inqabad juża l-karozza tax-xogħol meta kien qiegħed jitħallas allowance biex juża l-karozza tiegħu, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni se tittieħed kontra l-konsulent li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, meta hu fatt magħruf li dan ukoll juża karozza tax-xogħol għall-bżonnijiet tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tigħata f’seduta oħra.

Karigi ta' diretturi — allowances u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' persuni li jokkupaw il-karigi ta' diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi fid-diversi dipartimenti li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? X'tip ta' benefiċċju u allowance huma intitolati għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tigħata f’seduta oħra.

Gżira — xogħol fuq il-ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq il-ġibjun tal-Gżira li ilu wieqaf ħafna ġimgħat wara li ġie eskavat il-blat, bil-konsegwenza li wara x-xita li għamlet f'dawn l-aħħar jiem, il-ħofra fil-blat imtliet bl-ilma u l-ilma beda jiskula minn fissuri fil-blat għal basements u djar tar-residenti fil-viċin u kkawża ħafna ħsarat u inkonvenjenti kbar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-tender għall-kostruzzjoni ta’ dan il-ġibjun ġie mgħoddi għand id-Dipartiment tal-Kuntratti bir-rakkomandazzjonijiet necessarji. Hu maħsub li hekk kif jingħata l-kuntratt, ix-xogħol ikun jista’ jinbeda fi żmien qasir.”

Ħal Qormi — Kappella tal-Ħlas - restawr

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' ħajt li qed jiġġarraf fil-ġenb tal-kappella storika tal-Ħlas f'Ħal Qormi u jekk hux possibbli li dan il-ħajt jiġi rranġat biex ma ssirx ħsara lil dan il-post storiku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni preliminari li saret fuq is-sit, jirriżulta li l-ħajt li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma jifformax parti mill-istruttura storika tal-knisja. Jidher ukoll mill-istess investigazzjoni li t-tiswija tal-ħajt inbdiet u qiegħda issir mis-sidien tiegħu.