Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għadux impjegat fuq half pay wara li ġie sospiż mill-kariga tiegħu wara allegazzjonijiet serji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament m’għadux impjegat tat-Teatru Manoel.

Ta’ Qali — Ċaqliq ta’ kumpless - Ftehim

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28251 u 28411 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28048, dwar ċaqliq ta’ kumpless f’Ta’ Qali, fejn ġie mwieġeb li fis-sit inkwistjoni hemm ftehim bejn il-Gvern u l-assoċjazzjoni li sar fl-2012, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim imsemmi?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Pembroke — Triq Alamein - Kontenituri tar-riċiklaġġ

Question

Fid-dawl tal-ġbir ta’ skart riċiklabbli li qed isir fuq diversi ġranet madwar id-9.15 ta’ filgħodu, meta dawn it-trakkijiet ikunu qed ibattlu dawn il-kontenituri, inklużi kontenituri bil-ħġieġ, jerfgħu l-kontenituri minn posthom, iġorruhom minn fuq il-bankina u jbattluhom fit-trakk tagħhom, filwaqt li l-ġenituri u wliedhom jgħaddu minn taħthom waqt li jimxu fuq il-bankina biex jmorru l-iskola, li dan huwa perikoluż, għaliex jekk għal xi raġuni, il-bażi ta’ dawn il-kontenituri jċedu waqt li jkunu qed jinġarru, jew dawn il-kontenituri jaqgħu, jistgħu potenzjalment jweġġgħu serjament lit-tfal u lill-adulti, jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jgħid jekk il-ġbir tal-iskart riċiklabbli jistax jibda jsir wara l-10.30am u qabel is-1pm biex jiġi evitat kull inċident potenzjali minn trakkijiet li qed ibattlu l-kontenituri tar-riċiklaġġ, li jinsabu biswit l-Iskola St. Michael, fi Triq Alamein, Pembroke (ritratt mehmuż), u b’hekk it-tfal kollha jkunu fl-iskola u jitnaqqas ir-riskju li jseħħ inċident?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke ġabar informazzjoni u jirriżulta li t-tfal tal-iskola primarja jidħlu bejn id-08:45 u d-09:00 ta’ filgħodu u għaldaqstant il-ħin tal-09:15 ma jaħbatx mal-wasla tagħhom. Madanakollu, il-Kunsill ser jikkomunika mal-kuntattur ikkonċernat biex, jekk jistgħu, jittardjaw il-ħin tal-ġbir.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Nefqa fuq fjuri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23485 fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21840, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni limitatament għall-2024, u ċjoè kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-sena 2024 u jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra, u fil-każ kemm kienet l-ispiża?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27553.

Ħaż-Żabbar — Triq ix-Xgħajra - Bus Shelters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18251 dwar meta ser jitwaħħal ix-shelter tal-bus stop ta’ Triq ix-Xgħajra ġewwa Ħaż-Żabbar bl-isem “Burbur”,jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-bus shelter tlestiex kompletament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li l-bus shelter mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ Mejju.

Il-Belt, Valletta — Aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm binjiet fil-Belt Valletta, inklużi ristoranti, uffiċini u ħwienet, li ġew infurzati biex jirranġaw il-binja biex jipprovdu aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli lokali — Devoluzzjoni ta’ art/proprjetà - Talbiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali għandhom talbiet pendenti mal-Awtorità tal-Artijiet relatati ma’ devoluzzjoni ta’ art jew proprjetà oħra? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-kunsilli lokali li għandhom tali talbiet pendenti u f’kull każ, x’inhi l-proprjetà li għaliha qed tintalab id-devoluzzjoni u kemm ilha pendenti l-iktar talba għal tali devoluzzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli lokali — Spejjeż addizzjonali għat-tindif mis-siti ta’ ġbir ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27012 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex mistennija jġorru (kif qed jagħmlu), spejjeż addizzjonali minn fondi pubbliċi biex inaddfu wara l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li mis-siti ta’ ġbir ta’ skart għandhom benefiċċji pekunjarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

50 sena mill-Indipendenza u 50 sena mir-Repubblika – Ċelebrazzjonijiet — Infiq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern fl-2014 meta Malta ċċelebrat il-50 sena mill-Indipendenza u kemm nefaq il-Gvern fl-2024 biex jiġi ċċelebrat il-50 sena mir-Repubblika tagħna?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.