Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xgħajra — Triq l-Għakrux - servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta il-karozzi tal-linja se jerġgħu jibdew jgħaddu minn Triq l-Għakrux ġewwa x-Xgħajra? Jista' jgħid kif ġie determinat fejn tpoġġew il-bus stops?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

permessi għal antenna tal-mobile telephony

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi huma meħtieġa sabiex teħel antenna tal-mobile telephony? Jista' jgħid jekk hemmx xi rikjesti li antenna ta' dan tip titwaħħal viċin skola?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni ma tirrikjedi l-ebda permess sabiex teħel antenna tal-mobile telephony. Permessi ta’ dan it-tip jista’ jkunu meħtieġa mill-awtorità responsabbli mill-ambjent u l-ippjanar. Għaldaqstant ma hemm l-ebda rikjesta quddiem l-Awtorità tal-Komunikazzjoni sabiex teħel antenna ta’ dan it-tip viċin xi skola.

Proġetti ta' Bieb il-Belt, bini tal-Parlament il-Ġdid u Teatru Rjal — self ma' banek lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar self sal-lum mill-Grand Harbour Regeneration Consortium ma' banek lokali b'rabta mal-proġett ta' Bieb il-Belt, il-bini tal-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Grand Harbour Regeneration Corporation għandha total ta’ € 33.6 miljun f’self ma’ banek lokali b'rabta mal-proġett ta' Bieb il-Belt, il-bini tal-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal.

Smart City — kumpaniji - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kumpaniji joperaw bħalissa f'Smart City? Min huma? F'liema settur joperaw u kemm huma l-ħaddiema li kull waħda minn dawn il-kumpaniji timpjega fi Smart City?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22589.

eks fabbrika tal-Playmobile — bus shelter li resqet

Question

Jista' l-Ministru jara li jerġa' jsir bus sheleter fl-istage li kien hemm ħdejn l-eks fabbrika tal-Playmobile, peress li issa niżluh 'l isfel u fejn kien qabel kien ta' għajnuna kbira għal dawk li kienu jużawh speċjalment minn persuna li għadha tifla b'diżabilità, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li quddiem l-ex fabbrika tal-Playmobil f’Bulebel ma kien hemm l-ebda bus shelters imwaħħlin li ġew maqlugħa.

Paola — Triq il-Baċir - patching tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir patching fi Triq il-Baċir Paola peress li hemm ħafna ħofor u jekk isewwiha l-kunsill lokali, tiġih spiża kbira peress li minn din it-triq ma jgħaddux biss residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà tal-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija tal-Kunsill Lokali.

Pjanijiet għat-tibdil tal-post minflokk is Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33951 u jgħid x'inhuwa l-pjan fejn qabel kien hemm ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid? Jista' jgħid jekk il-gvern kellux xi laqgħat biex din l-art tinbidel għal skop ieħor? Jekk fl-affermattiv x'kienu l-laqgħat? Jekk qatt ma saru laqgħat, jista' jgħid jekk hemmx xi pjan għal din l-area? Jista' jgħid jekk hemmx xi pjanijiet għal Sir Paul Boffa Avenue? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi flyover? Hemm il-ħsieb li jsir pjan biex jonqos it-traffiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Ninsab infurmat li kien hemm studji u anke proposti preliminari biex tiġi mtejba s-sistema tat-traffiku fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Uħud minn dawn il-proposti huma sistema ta’ flyovers f’numru ta’ junctions biex it-traffiku ikun jista’ jimxi aħjar u jkun hemm inqas konġestjoni fl-istess junctions .

Transport Malta — azzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34387 u cioè: B'referenza għall-ittra mill Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern tat-18 ta' Settembru 2008 li referenza tagħha qed tintbagħat separatament, jista' l-Minsitru jgħid x’azzjoni ħadet Transport Malta billi l-korrispondenza kienet ġiet mgħoddijja lilhom mid-Director Estate Management Department of Government Property Division?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-twessiegħ tat-triq in kwistjoni sar mill-applikant stess biex ikun jista’ jibni skont il-linja li ġiet mogħtija mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Dan ġie kkonfermat f’ittra datata 27 ta’ Marzu 2008. F’dan ir-rigward m’għandu jkun hemm l-ebda kumpens peress li skont il-liġi, din l-art għandha tiġi ċeduta lill-Gvern bħala parti mill-kontribuzzjoni għall-formazzjoni tat-triq.

San Pawl il-Baħar — Transport Malta - loading u unloading bays

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' loading/unloading bays li huma awtorizzati minn Transport Malta, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Għal liema skop huma awtorizzati, fejn jinsabu dawn il-bays li huma hekk awtorizzati u f'liema toroq huma awtorizzati?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-kaxxi tal-parkeġġ għall-użu ta' ħatt u tagħbija ta' merkanzija ġew awtorizzati sabiex distributuri tal-merkanzija jkollhom post sikur fejn jgħabbu u/jew iħottu l-merkanzija mill-ħwienet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' tali kaxxi li ġew approvati fit-toroq li jinstabu fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar skont kif irriżulta mill-arkivji ta' Transport Malta.

Transport Malta — numru ta' enforcements kontra kunsill lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' enforcement li ħarġet Transport Malta, kontra l-kunsill lokali, matul din is-sena? Kontra liema kunsill ħarġu dawn l-enforcements u x'kienu r-raġunijiet għal dawn l-istess enforcements? Kemm kunsill ħadu l-pass neċessarji biex dawn l-enforcements jiġu mneħħija?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li matul din is-sena ma ġie stabbilit l-ebda stat ta' nfurzar kontra l-ebda kunsill lokali iżda nħarġu numru ta' notifiki lil diversi kunsilli lokali li, fil-maġġoranza tagħhom, irregolaw ruħhom fiż-żmien stipulat fl-istess notifiki.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-possibilità li ż-zebra crossing li hemm fi Triq San Pawl, San Pawl il-Bahar fejn ir-roundabout ta' ħdejn il-latrina tax-Xemxija tiġi mċaqalqa minn fejn hi, għaliex qiegħda tkun ta' periklu kemm għal dawk li jaqsmu minn dawn l-inħawi kif ukoll għas-sewwieqa li jkunu ġejjin lejha (b'mod partikulari mid-direzzjoni tax-Xemxija)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

Ħaż-Żabbar — Triq Bumellies - bankina

Question

Jista' l-Ministru jara mal-awtorita kompetenti jekk bankina wiesgħa li saret fi Triq il-Bumellies fiż-żona ta' St. Peter's ġewwa Ħaż-Żabbar, tistax tonqos bi ftit ħalli b'hekk ikun jista' jsir aktar parkeġġ ta' karozzi mingħajr ma jkun hemm ostaklu għat-traffiku li jkun għaddej minn din l-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

Aviation Group — call centre

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32598 dwar il-call centre li ngħata lill-Aviation Group, jista' l-Ministru jgħid jkekk kienx hemm sejħa għall-offerti għal dan is-servizz? Jikkonferma li l-ħas qed isir minn fondi pubbliċi? Jekk iva, minn liema fondi qed jiħallas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għal dan is-servizz intużat is-sistema ta' negotiated procedure mal-World Aviation Group (kumpanija parti-sussidjarja tal-Airmalta), bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. Il-fondi għal dan is-servizz qed jinħarġu mill-budget ta' Transport Malta.

Ħal Għaxaq — Triq Giovanni Scicluna - xogħol fuq it-triq

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta Transport Malta se tagħti bidu għax-xogħol fuq Triq Giovanni Scicluna f’Ħal Għaxaq? Jista’ jindika jekk is-sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol ħarġitx u jekk fl-affermattiv meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mill-programm ta' toroq li jridu jinbnew mill-ġdid sas-sena 2012. Bħalissa qed jitħejjew l-istejjem u ssir il-koordinazzjoni sabiex toħroġ is-sejħa għall-offerti.

informazzjoni dwar it-tul tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34534, 34366, 34170 u 34034 u jgħid x'inhu t-tul ta' toroq f'Malta u Għawdex separatament li huma kklassifikati bħala arterjali, distributorji u lokali separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni dwar toroq arterjali u distributorji. Għall-informazzjoni dwar toroq lokali, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Miżuri sabiex ikun hemm sigurtà fit-triq arterjali li twassal mill-Mosta għall-Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu sabiex tiżdied is-sigurtà fit-triq arterjali li twassal mill-Mosta għall-Imġarr għax f'din it-triq sikwiet ikun hemm inċidenti li xi kultant ikunu anke fatali bħal ma ġara ftit tal-jiem ilu? B'mod partikolari, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir fl-aċċess tal-barriera li hemm fl-istess triq peress li l-vetturi li joħorġu minnha qegħdin joħolqu perikolu kbir għas-sewwieqa li jużaw din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq in kwistjoni kienet iddisinjata skont l-istandards mitlubin għall-ammont ta' traffiku li jgħaddi minnha u skont il-ġometrija li l-istess standards jispeċifikaw. Ninsab infurmat ukoll li fiż-żmien li ġej, se jkun qed isir ukoll road safety impact assessment biex jiġu identifikati rakkomandazzjonijiiet biex tkompli tittejjeb is-sigurta' f'din it-triq.

Furjana — Triq l-Argotti u Triq l-Iljuni - binjiet tal-apparti - riasfaltar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34770, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'żamm u x'qed iżomm milli jiġu riasfaltati t-toroq Argotti u Iljun fil-Furjana fejn tlestew ix-xogħlijiet tal-binja tal-appartamenti li ġa bdew jiġu allokati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-toroq in kwistjoni ma jaqawx taħt ir-responsabilità ta' Transport Malta u għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Żejtun — Triq it-Tempju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34512 u jgħid x'qed iżomm milli tinfetaħ in toto Triq it-Tempju fiż-Żejtun?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha ma ġietx iffurmata kollha. L-obbligu sabiex tinfetaħ u tiġi ffurmata l-parti tat-triq ta' quddiem id-djar huwa tas-sidien tal-proprjetajiet in kwistjoni.

San Pawl il-Baħar — toroq li għandhom bżonn it-tarmac

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32296 partikolarment għall-fatt li din it-triq għad m'għandhiex 70% tagħha li hi mibnija, u billi l-bini li hemm f'din it-triq hu kważi kollu mibni mill-Awtorità tad-Djar, jista' l-Ministru jikkordina l-ħidma neċessarja ma' din l-istess awtorità, biex ma nħallux persuni li ngħataw fejn joqogħdu mill-gvern innifsu ma jkunux jistgħu jidħlu f'darhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.