Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nisa ta’ nazzjonalità Maltija li ħadmu bi qliegħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa ta’ nazzjonalità Maltija li ħadmu bi qliegħ matul is-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ nisa ta’ nazzjonalità Maltija li kienu jaħdmu fuq bażi full-time u part-time bħala xogħol ewlieni tagħhom sal-aħħar ta’ Lulju 2018 (l-aħħar ċifri ppublikati) kien ta’ 80,642.

Studenti li għadhom mingħajr servizz tat-trasport b’xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm huwa n-numru ta' studenti li minkejja li l-ġenituri tagħhom applikaw għat-trasport tal-iskola b'xejn għadhom mingħajr servizz ta' trasport minn u/jew lejn l-iskola tagħhom fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll minn liema lokalità huma l-istudenti, l-età tagħhom u f'liema skejjel jattendu? Jista' jagħti data definittiva meta dawn l-istudenti se jingħataw trasport tal-iskola b'xejn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif spjegat fi tweġibiet preċedenti, in-numru ta' studenti li għadhom mingħajr is-servizz ta' trasport b'xejn jiġi aġġornat kontinwament. Infurmat li sal-bieraħ kien hemm 258 student li għad għandhom it-talba għal servizz ta' trasport b'xejn pendenti. L-istudenti li jattendu skejjel tal-Knisja u Indipendenti u li għadhom fuq il-pending list huma minn lokalitajiet varji. Il-Ministeru jibqa’ impenjat sabiex dawn l-istudenti jsibu trasport.

Qasam Edukattiv — programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi jeżistu fil-qasam edukattiv sabiex jintleħqu dawk l-istudenti li jinsabu f’riskju tal-faqar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2016/2017 inħoloq fond immirat sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ studenti f’diffikultà, f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. L-għan ta’ dan il-fond huwa mhux biss biex jassisti lill-istudenti hawn fuq imsemmija fejn jidħol l-għajxien materjali iżda wkoll f’oqsma bħal kultura u sport. Għaldaqstant, il-benefiċjarji ta’ dan il-fond huma l-istudenti fl-iskejjel Primarji u Sekondarji Statali kollha u li għandhom età bejn it-tliet snin u s-sittax-il sena. Permezz tad-diversi inizjattivi meħuda matul dawn l-aħħar tliet snin ittejbet l-esperjenza edukattiva ta’ diversi studenti li ġejjin minn sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi diffiċli. L-istudenti f’din l-iskema qed jibbenefikaw minn: · Għotja ta’ lunch bnin kuljum b’xejn; · Għotja sabiex jinxtraw l-uniformijiet; · Għoti ta’ stationery neċessarju; · Fotokopji b’xejn; · Ħlas ta’ ħruġ edukattiv organizzat mill-iskejjel; · Ħlas tal-miżati għall-attivitajiet ekstrakurrikulari organizzati mill-FES jew SportMalta; u · Għoti ta’ kotba għall-qari lill-istudenti f’età bikrija sabiex tissaħħaħ il-ħajra għall-qari. Mis-sena skolastika 2016 /2017 sal-lum tqassmu madwar 1,200 ktieb lil 580 tifel u tifla f’familji vulnerabbli. Matul is-sena 2019 din l-iskema se tkompli titħaddem fl-aħjar interess tat-tfal eleġibbli. Is-Servizz ta’ Ħidma Soċjali fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel jaħdem ma’ studenti li jfallu l-iskola. Fost dawn ikun hemm studenti li huma f’riskju ta’ faqar. Il-ħaddiema soċjali jassistu lil dawn l-istudenti u l-familji tagħhom b’kollaborazzjoni ma’ servizzi oħra fi ħdan u barra d-direttorati edukattivi.

Skola Primarja tal-Mellieħa – annex — post

Question

Jista’ l-Ministru jara u jaċċerta li l-post li se jintuża bħala estensjoni għall-annex għall-Iskola Primarja tal-Mellieha (fil-kumpless tal-faċilità sportiva li jinsab metri bogħod mill-iskola) huwiex wieħed aċċettabbli u li jilħaq il-livelli kollha xierqa u bla perikli fejn tidħol saħħa u sigurtà kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema (dawn jinkludu fost l-oħrajn użu ta’ faċilitajiet sanitarji, ventilazzjoni adegwata fil-kmamar li se jintużaw bħala klassijiet, kif ukoll turġien wieqfa u dojoq)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li rigward saħħa u sigurtà sar risk assessment minn uffiċjal tas-Saħħa u s-Sigurtà fejn saru numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Ir-rakkomandazzjonijiet magħmula ser ikunu implimentati qabel jintuża l-post, wara jsir risk assessment ieħor li jikkonferma dan.

Skola Primarja tal-Mellieħa – miżuri għal studenti bi problemi ta’ mobilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’mi¿uri se jittieħdu għal tfal/studenti bi problemi ta’ mobilità li se jkunu qed jattendu fil-parti li se tkun qed tintu¿a bħala annex għall-Iskola Primarja tal-Mellieħa fil-ġimgħat li ġejjin (il-parti li tinsab fil-kumpless sportiv)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-amministrazzjoni tal-iskola tiżgura li t-tfal/studenti kollha bi problemi ta’ mobilità li jattendu l-iskola Primarja tal-Mellieħa jkollhom aċċess għaż-żoni meħtieġa għat-tagħlim tagħhom billi jintużaw żoni aċċessibbli eżistenti.

Skola Primarja tal-Mellieħa – nuqqas ta’ għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx nuqqas ta’ għalliema fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-preżent ma hemm l-ebda nuqqas ta’ għalliema fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — trasferimenti/pagamenti f’bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mis-sena 2013 sal-lum, mill-Ministeru u d-Direttorati/Dipartimenti li jaqgħu taħtu, sar ħlas ta’ pagi ta’ persuna waħda f’kont fil-bank li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, kif ġej: 2017 2018 Deskrizzjoni €14,625.00 €20,475.00 pagi Rigward l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi, ħlief għal entità waħda li l-informazzjoni dwarha qed tingħata fil-paragrafu li jmiss, ma saru ebda trasferimenti u/jew pagamenti f’kontijiet li jinsabu fil-bank li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament. L-unika entità li mill-2013 sal-lum għamlet trasferimenti lejn kontijiet bankarji ta' oriġini fil-bank indikat mill-Onor. Interpellant kienet l-Università ta’ Malta li għamlet tliet trasferimenti, kollha fl-aħħar sena. Il-pagamenti kollha kienu għal servizzi jew oġġetti li nxtraw mingħand entitajiet. L-ammonti tat-tliet tranżazzjonijiet kienu €5,097.60, €152.22 u €29.50.
Leg 13 PQ #8129 Sitting 180 2018-12-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola Primarja tan-Nadur – FTS — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar xhur u eżattament minn Ġunju 2018 sal-lum sarux xi xogħlijiet fl-Iskola Primarja tan-Nadur mill-Foundation for Tomorrow’s School (FTS) u dan peress li hemm partijiet minn din l-iskola li jinsabu fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid jekk il-periti tal-FTS lestewx ir-rapporti li kellhom ilestu fl-aħħar xhur u jekk iva jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu f'din l-iskola sal-aħħar tas-sena skolastika kurrenti u matul is-sajf li ġej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li qegħdin isiru l-preparamenti sabiex tinħareġ it-talba permezz tad-Dynamic Purchasing System biex Perit ikun inkarigat biex jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa. Għalkemm il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada m'għamlet l-ebda xogħlijiet fl-Iskola Primarja tan-Nadur, saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’din l-iskola kif muri fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7820.

Kuntratti u Memorandum of Understanding – għaqdiet sportivi – art/proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7959 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti/Memorandum of Understanding biex jgħaddilhom art u/jew proprjetà pubblika li daħal fihom ma’ għaqdiet sportivi fl-2017 u din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat minn SportMalta li l-kuntratti li saru fl-2017 u 2018 huma s-segwenti: 1. Valletta United Waterpolo Club, 2. Marsa Football Club, 3. Birżebbuġa Foundation. Dawn il-kuntratti qed jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta’ kull applikazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni responsabbli skont l-Avviż Legali rispettiv, b’rabta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi? Għal kull każ, jista’ l-Ministru jgħid: a. min applika; b. fejn huwa s-sit li fuqu qed issir l-applikazzjoni u x’daqs fih il- footprint tas-sit; c. fiex tikkonsisti l-applikazzjoni u jekk tikkonsisti fi żvilupp kemm se jiġi żviluppat spazju f’termini ta’ metri kwadri; d. jekk il-Kummissjoni responsabbli approvatx il-proposta, għadhiex qed tevalwa jew irrifjutathiex; u e. f’każ li ġiet approvata, x’inhuma l-kundizzjonijiet ewlenin tal-kuntratt?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onorevoli interpellant li l-Kummissjoni tal-Faċilitajiet Sportivi Kummerċjali, wara talba minn diversi għaqdiet sportivi għal direzzjoni dwar jekk proġett jistax ikun vijabbli jew le, ħolqot sistema ta’ pre-applications li permezz tagħha dawn l-għaqdiet, b’nefqa minima, jingħataw risposta prima facie dwar jekk proġett huwiex sportivament u kummerċjalment vijabbli jew le. Il-Kummissjoni s’issa rċeviet tmien (8) pre-applications (sebgħa minn klabbs tal-futbol u waħda minn assocjazzjoni nazzjonali) u bħalissa qiegħda tikkonsulta kemm mal-għaqdiet rispettivi, kif ukoll mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità dwar l-Artijiet, il-vijabbilità ta’ dawn il-proġetti. Kif ikun konkluż dan il-proċess, jekk il-Kummissjoni tagħti approvazzjoni prima facie għall-proġett, l-għaqda sportiva kkonċernata tkun tista’ tgħaddi sabiex tagħmel l-applikazzjoni skont il-lġi, u ċjoè r-Regolamenti għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi. S’issa l-Kummissjoni approvat prima facie, pre-application waħda, u ċjoè dik ippreżentata minn Sliema Wanderers FC, u bħalissa qed tistenna lill-klabb jippreżenta l-applikazzjoni proprja.

Kuntratti u Memorandum of Understanding – għaqdiet sportivi – art/proprjetà

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7959, jista’ l-Ministru jikkonferma li s-sit li qed jirreferi għalih fit-tweġiba, huwa dak li Valletta FC preżentement għandhom il-kuntratt ta’ ċens fuqu fil-lokalità ta’ Ħal Farruġ? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont aktar dettaljat ta’ x’sar fil-ħidma li qed jirreferi għaliha fl-istess tweġiba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-art li saret riferenza għaliha fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7958 (mhux 7959 kif erronjament indikat fil-mistoqsija) mhijiex l-art ta’ Ħal Farruġ.

Skejjel Primarji — għoti ta' ħalib

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba suppost jingħata l-ħalib fl-iskejjel primarji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onorevoli interpellant li kull skola primarja tingħata ħalib darba fil-ġimgħa.

Raħal Ġdid — skola primarja - għoti ta' ħalib

Question

Jista' l-Ministru jivverifika kemm-il darba f'ġimgħa qed jingħata ħalib fl-iskola primarja ta' Raħal Ġdid?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onorevoli interpellant li kull skola, inkluż iż-żewġ skejjel A u B tar-Raħal Ġdid, jieħdu ħalib darba fil-ġimgħa bħal kull skola primarja oħra.
Leg 13 PQ #8157 Sitting 180 2018-12-11 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Academic Work Resource Fund – flus stipulati

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li għadu ma tax il-flus stipulati għas-sena akkademika 2018-2019 lill-Academic Work Resource Fund (AWRF)? Kif jispjega li ħalla l-akkademiċi bla riżorsi ta’ fondi? Kemm u meta se jingħataw dawn il-fondi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Rigward din il-mistoqsija parlamentari, irid jiġi ppreċiżat li dawn ir-riżorsi ma jingħatawx mill-Ministru iżda huma parti mill-baġit tal-Università u jingħataw mill-Università fil-ħin approprijat. Infurmat li bħal snin oħra passati din l-allokazzjoni ġiet mogħtija fl-ewwel ġimgħa ta' Diċembru, din is-sena preċiżament fis-7 ta' Diċembru, lil dawk li kienu mxew kif suppost mar-regoli, inkluż li ssottomettew ir-rapport tagħhom fil-ħin u għamlu użu mir-rizorsi skont ir-regoli.
Leg 13 PQ #8105 Sitting 179 2018-12-10 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Tqassim ta’ printers fl-iskejjel f’Malta u Għawdex – tenders lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti u/jew tenders li ngħataw fl-aħħar sentejn sabiex jitqassmu printers fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex? Jista’ jikkonferma l-fatt li l-iskejjel għandhom struzzjonijiet sabiex jieħdu printers biss mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni għall-amministrazzjoni tal-iskola? Jista’ jgħid lil min ingħata dan il-kuntratt u/jew tender u meta ħarġet is-sejħa u kif ġie mogħti u għal kemm-il sena? Fuq liema kriterji ntgħażlet kumpanija partikolari sabiex tkun l-uniku waħda li tipprovdi dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onorevoli interpellant li tender taħt il-proċedura ta’ Open Tender b’referenza CT2222/2017 “Tender for the leasing, delivery, installation and commissioning and full maintenance agreement of energy efficient, environmental friendly A3/A4 multifunctional machines for School Colleges – MEDE” ġie ppubblikat fis-16 ta’ Frar 2018. It-tender ingħalaq fl-20 ta’ Marzu 2018 u ġie mħabbar ir-rebbieħ fis-16 ta’ Lulju 2018. Il-proċeduri u kriterji tal-għażla huma kollha mniżżla f’dan id-dokument pubbliku imsemmi.

Imsida – Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istat tal-iSkola Primarja tal-Imsida?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li qed tingħata għall-mistoqsija parlamentari 8108.

Imsida — Skola Primarja – tlestija tal-manutenzjoni

Question

Peress li din hi t-tieni sena skolastika li l-istudenti tal-primarja Misidjana, qed ikollhom jirrikorru fl-iskola oħra barra mil-lokalità, jista' l-Ministru jgħid meta mistennija li l-iSkola Primarja tal-Msida tkun lesta minn xogħol ta’ manutenzjoni, hekk kif kien ġie mwiegħed, biex tilqa' l-istudenti Misidjani?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni għall-iżvilupp mill-ġdid tal-Iskola Primarja fl-Imsida qiegħda quddiem l-Awtorità għall-Ippjanar. L-Awtorità skedat il-binja eżistenti u l-proġett jinsab pendenti sakemm jinstema’ l-appell li ressqet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada (FTS).

Shooting range – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka d-direct orders kollha li ngħataw in konnessjoni max-shooting range l-ġdida f’Ta’ Kandja, inkluż kull direct order għal site officer jew officers minn Ġunju 2017 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ f’kull każ jagħti l-ammont ta’ ħlas involut, id-data ta’ meta ngħatat id-direct order, u jekk ikun il-każ, għal kemm żmien kien ingħata (bħal fil-każ tas-site officer/s)? Jista’ f’kull każ jgħid x’kien l-involviment tas-Segretarju Parlamentari għall-iSports, u f’kull każ jgħid min ordna kull direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3947. Dawn intalbu minn SportMalta u ngħataw l-approvazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi skont il-proċeduri finanzjarji stabbiliti.

Kunsilli Lokali Żgħażagħ – proġetti fil-komunitajiet

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1191, jista’ l-Ministru jgħid xi twettaq mill-proġetti msemmija f’dawn il-komunitajiet sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Hemm xi proġetti maħsuba għas-sena d-dieħla biex jiġu implimentati mill-Kunsilli Lokali Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat minn Aġenzija Żgħażagħ li b’eċċezzjoni tal-proġett tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ Marsascala, il-proġetti kollha msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1191 mogħtija f’Ottubru 2017, ġew implimentati b’suċċess. Apparti li ntemm b’suċċess il-proġett tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ Naxxar, l-istess kunsill taż-żgħażagħ qed jimplimenta proġett ieħor bl-isem ‘Aspetti tal-Ħajja Soċjali, Kulturali u Storika fin-Naxxar’, video li ser ikun preżentat lill-komunità tan-Naxxar f’Jum in-Naxxar ta’ din is-sena, jiġifieri fil-11 ta’ Diċembru 2018. Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli interpellant li Aġenzija Żgħażagħ qed tevalwa l-implimentazzjoni tal-proġett Kunsilli Lokali Żgħażagħ għas-sena d-dieħla.

Direct order lill-individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ordna li tingħata s-Segretarju Parlamentari mill-ħatra ta’ dan tal-aħħar lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u għal liema ammonti u għal liema raġunijiet, u d-data f’kull każ? Jista’ f’kull każ jgħid għaliex is-Segretarju Parlamentari ma ordnax li tinħareġ sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s-Segretarju Parlamentari ma tax direct order lill-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament. Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal xogħol f'entità pubblika partikolari, ġentilment nitolbu jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4303.