Tista’ l-Ministru tgħid x'ħidmiet varji saru fil-bajjiet u areas ġewwa Għawdex u Kemmuna li għandhom x'jaqsmu magħhom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta matul is-sena 2023 u x'ħidmiet varji hemm ippjanati li jsiru matul is-sena 2024 f'dawn il-bajjiet u areas?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żoni f’Għawdex u Kemmuna li kemm l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta għandhom responsabbiltajiet ambjentali fuqhom huma ż-żoni ta’ Natura 2000.
Ninsab infurmata li fl-2023, Ambjent Malta flimkien mal-ERA għamlu numru ta’ xogħlijiet f’Kemmuna, fejn tkompla r-restawr ambjentali tal-campsite antika ta’ Santa Marija permezz ta’ tħawwil ta’ siġar, kif ukoll saru manutenzjoni u estensjoni tal-cordoning madwar l-għaram tar-ramel f’din il-bajja. F’Għawdex saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-ħbula u l-poles tal-injam li jipproteġu l-għaram tar-ramel fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, filwaqt li fid-Dwejra tneħħew diversi tabelli u installazjonijiet antiki li kienu fi stat ħażin u twaħħlu tabelli informattivi ġodda biex jidderiġu lill-viżitaturi.
Din is-sena se jitkomplew ix-xogħlijiet f’Kemmuna billi se jsiru aktar interventi ta’ manutenzjoni fiż-żoni fejn sar restwar ambjentali fil-bajja ta’ Santa Marija u jitkompla l-immaniġġjar tar-Ramla l-Ħamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk intefqux flus pubbliċi biex is-sit tal-Eks Malta Shipbuilding jiġi preparat biex jospita konferenzi u fieri? Jekk iva, tista’ tipprovdi elenku tal-ammonti kollha li ntefqu, u f'kull nefqa tispeċifika u tgħid jekk din ingħatatx b'tender, direct order, jew mod ieħor?
Tista' l-Ministru tgħid x'kienu s-sorsi li ssupplixxew l-enerġija lill-pajjiż kollu nhar l-24 ta' Lulju 2023, u kemm kien l-ammont ta' enerġija (MWhr) minn kull sors imsemmi? Tista' tgħid ukoll x'kien il-peak massimu li ntlaħaq dakinhar, u fil-mument tal-peak liema kienu s-sorsi bl-ammont ta' MW provduti minn kull sors?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-24 ta’ Lulju 2023, is-sorsi li ssupplixxew l-enerġija lill-pajjiż kienu (i) is-sorsi t’enerġija rinnovabbli, (ii) l-Interconnector, (iii) Delimara 4, (iv) Delimara 3, u (v) l-impjanti t’emerġenza tal-Enemalta.
Matul din il-ġurnata, l-enerġija minn kull sors kienet (i) 1,136MWh mis-sorsi t’enerġija rinnovabbli, (ii) 4,068MWh mill-Interconnector, (iii) 4,653MWh minn Delimara 4, (iv) 2,698MWh minn Delimara 3, u (v) 538MWh mill-impjanti t’emerġenza tal-Enemalta.
Il-peak massimu li ntlaħaq dakinhar kien 649MW.
Fil-mument tal-peak, l-ammont ta' MW provduti minn kull sors kienu (i) 134MW mis-sorsi t’enerġija rinnovabbli, (ii) 175MW mill-Interconnector, (iii) 201MW minn Delimara 4, (iv) 139MW minn Delimara 3, u (v) u 0MW mill-impjanti t’emerġenza tal-Enemalta.
Tista' l-Ministru tgħid jekk id-‘data’ dwar il-kwalità tal-arja mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ilha x-xhur ma tingħata minħabba li kien hemm bżonn ta' maintenance? Tista' l-Ministru tagħti data jew żmien li fih se tkun qed titranġa s-sitwazzjoni? Tista' wkoll tispjega għalfejn dan id-dewmien kollu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mhux korrett meta jgħid li d-data inkwistjoni ilha xhur ma tingħata. Tali data dejjem kienet aċċessibbli mill-portal tal-internet tal-Aworità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Infakkar ukoll li d-data li tipprovdi l-ERA tkun replikata fuq il-websajt tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Infurmata li l-Awtorità kienet qed tagħmel xogħol fuq sistema ġdida għall-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ u d-data dwar il-kwalità tal-arja u sakemm kien qed isir dan ix-xogħol min kien qed jaċċessa l-websajt tal-Awtorità kien qed ikun ridirezzjonat għall-websajt tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fejn tkun qed tidher id-data aġġornata li tkun bagħtet l-Awtorità lill-istess Aġenzija. B’dan il-mod kien assigurat li ma jkun hemm l-ebda żmien fejn id-data konċernata ma tkunx aċċessibbli għal kulħadd.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi studju ambjentali dwar il-problema ta' ġrieden fit-toroq residenzjali Maltin? Tista’ tgħid jekk dan l-aħħar ir-rapporti ta' ġrieden fit-toroq hux qegħdin jiżdiedu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq ġewwa Ta' Paris f’Birkirkara li fihom qed isir ix-xogħol bħalissa? Tista’ tgħid ukoll kemm se jdum biex ix-xogħol ikun komplut u jekk għandhiex informazzjoni dwar jekk it-toroq hux se jkunu asfaltati mill-ġdid ladarba jitlesta x-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona indikata qegħdin isiru xogħlijiet mill-Enemalta biex tiġi kummissjonata substation ġdida biex tiġi msaħħa s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku għall-benefiċċju tar-residenti u l-attivitajiet kummerċjali fil-madwar. It-toroq li fihom qegħdin jew se jsiru dawn ix-xogħolijiet huma Triq Kalċidon Gatt, Triq L Casolani, Triq Cannataci, Triq Tumas Galea u Triq Ċensu Costa. Infurmata li dan ix-xogħol huwa previst li jkun komplut sal-ewwel kwart ta’ din is-sena u t-toroq ser jiġu asfalti hekk kif mitlub fil-kundizzjonijiet tal-permess maħruġ mill-Awtorità tat-Trasport.
Tista’ l-Ministru tgħid meta se tkun qed issir manutenzjoni fuq il-pannelli solari li jinsabu fuq bankina fi Triq it-Tabija, fir-Rabat, Malta, peress li ilhom xhur twal ma jaħdmux u anke peress li huma ta’ periklu minħabba li dawn jiżolqu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Wied il-Qlejgħa — Manutenzjoni tat-triq li waqgħet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ manutenzjoni tat-triq li waqgħet iktar minn sentejn ilu f’Wied il-Qlejgħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 11541 ninformah li x-xogħol li għaddej bħalissa fuq il-bini mill-ġdid tat-triq indikata jinvolvi t-tħaffir u l-kostruzzjoni ta’ diversi piles matul l-embankment kollu tal-ilqugħ prinċipali tal-wied. Dawn il-piles se jiffurmaw il-pedament u ser iservu biex il-wiċċ tat-triq eventwalment ikun ankrat (imwaħħal) mal-blat u b’hekk ikun aktar sigur.
Il-Furjana — Triq Frangisk Saver Fenech – Ġbir ta’ żebbuġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li ż-żebbuġ li hemm fis-siġar taż-żebbuġ fi Triq Franġisk Saver Fenech, il-Furjana, jiġu miġbura?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ammont ta’ siġar taż-żebbuġ li hemm f’dan is-sit ma jipproduċux ammont biżżejjed li jkun ekonomikament vijabbli biex dan ikun ipproċessat.
San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri — Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien ix-xogħol li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, f’San Pawl il-Baħar? Fid-dawl li r-residenti ta’ din it-triq ilhom iktar minn sena jbatu inkonvenjenzi u diffikultajiet kbar biex jaslu fir-residenzi tagħhom, tista’ l-Ministru tassigura li x-xogħol li fadal isir jitlesta fl-iqsar żmien possibbli? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu hawnhekk?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lestiet ix-xogħlijiet li għamlet fit-triq indikata biex ittejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ u huwa ppjanat li l-għoti tal-asfalt jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13962 rigward l-likwidu ta’ kulur skur li jibda ħiereġ ta’ kull filgħaxija mill-ħamsa ta’ wara nofsinhar lil hemm mill-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u l-każ li jġib miegħu n-numru tar-referenza 5935/2023 li ntbagħat lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, tista’ l-Ministru tgħid x’ser isir wara l-investigazzjoni li saret?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’referenza għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 13962, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wettqet l-investigazzjoni meħtieġa u rriżulta li dan l-ilma li qed tirreferi għalih ma jappartjenix għall-infrastruttura tal-Korporazzjoni. Dwar “il-każ li jġib miegħu n-numru tar-referenza 5935/2023 li ntbagħat lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali” li qed tirreferi għalih nitlobha tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Deputati tal-Oppożizzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14115, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenzi tax-xogħol u/jew timesheets relatati mal-persuni kollha li ssemmew f’dik l-istess tweġiba għall-perjodu mill-ewwel ġurnata tal-impjieg ta’ dawn il-persuni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f'seduta oħra.