Ibbażat fuq il-prezzijiet tal-lum, tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jonqos id-dħul tal-Wasteserv kull sena meta s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme tkun qed topera normali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4606.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3299 u 4410 u t-tweġibiet għalihom, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għandhiex informazzjoni ta’ fejn hemm u fejn ma hemmx sistema tad-drenaġġ ikkomunikata mas-sistema prinċipali tad-drenaġġ u fejn hemm din is-sistema kkommunikata fin-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 3299 u 4410 fejn intalbet tgħarraf lill-Kamra jekk taf b’xi nħawi fin-Naxxar li mhumiex imqabbdin mas-sistema tad-drenaġġ prinċipali.
Il-WSC tipprovdi dan is-servizz tad-drenaġġ skont il-Customer Charter, li qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra u li jinstab ukoll fuq il-websajt, Sezzjoni 2.3 għal kull lokalità mingħajr eċċezzjoni.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3298 u 4411 u t-tweġibiet għalihom, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għandhiex informazzjoni ta’ fejn hemm u fejn ma hemmx sistema tad-drenaġġ ikkomunikata mas-sistema prinċipali tad-drenaġġ u fejn hemm din is-sistema kkommunikata fil-Mellieħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 4665.
Noise Control Commission – problema ta’ noise pollution
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi persuna/i jew kummissjoni li tagħti parir lill-Ministru fuq kwistjonijiet ġenerali relatati mal-istorbju, peress illi n-Noise Control Commission m’għadhiex topera u allura m’għadhiex taqdi din il-funzjoni? Tista’ tgħid jekk in-Noise Control Commission kellhiex il-funzjoni li tiffinalizza u tipproponi qafas leġiżlattiv sabiex tiġi regolata l-problema ta’ noise pollution?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2258, 2915 u 3178.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jipproponi qafas leġiżlattiv sabiex tiġi regolata l-problema ta’ noise pollution b’mod ħolistiku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2258 u 3178.
Birżebbuġa – inħawi tal-Ġebel, tal-Papa u tal-Qajjenza – qtugħ ta’ dawl
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni ta' x'qed isir sabiex ma jibqax jinqata' d-dawl tat-toroq daqshekk spiss fl-inħawi tal-Ġebel, tal-Papa u tal-Qajjenza f'Birżebbuġa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet meħtieġa u l-elettriku f’ħafna minn dawn it-toroq reġa’ nxtegħel.
L-Enemalta investigat il-problema li kien hemm f’din iż-żona. Jirriżulta li din kienet ġejja minn demarcation boxes li hemm mal-lampi li ma sarux mill-Enemalta imma saru minn kuntrattur imqabbad mill-Kunsill Lokali. Meta tagħmel ix-xita qed jidħol l-ilma f’dawn id-demarcation boxes u jikkawża qtugħ fid-dawl tat-toroq.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4274 u tagħti spjegazzjoni dettaljata ta’ kif qed jintefqu l-miljuni f’sussidji fuq l-enerġija? Tista’ tagħti break down u tinkludi d-dettalji pertinenti dwar dan għas-snin 2022 u 2023?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif spjega tajjeb il-Ministru għall-Finanzi fid-Diskors tal-Budget, il-Gvern ħa deċiżjoni konxja li l-piżijiet li ġabet magħha il-gwerra fl-Ukrajna, fosthom iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuel, ma jgħaddihomx fuq il-poplu u n-negozji tagħna. Minflok għażilna li nagħtu sostenn u noffru stabbiltà sabiex nevitaw katastrofi ekonomika u soċjali. L-investiment li jeħtieġ dan is-sostenn mhuwiex żgħir imma mingħajru pajjiżna kien jispiċċa f’sitwazzjoni ferm agħar.
Fejn tidħol enerġija, pajjiżna seta’ jkompli jiggarantixxi prezzijiet stabbli tal-elettriku grazzi għall-investiment ta’ madwar 220 miljun ewro sa Ottubru. Dan l-ammont huwa wieħed proviżorju ġaladarba s-sena għadha miftuħa. Parti kbira mill-ammont tkopri ż-żieda qawwija fil-prezz tal-elettriku li jinxtara mill-interconnector. Iż-żieda fil-prezz tal-gass kienet aktar meqjusa grazzi għall-ftehim li permezz tiegħu, sa April ta’ din is-sena, konna qed nixtru l-gass bi prezz fiss. Minn April ’il quddiem, grazzi għal ftehim ġdid, il-prezz tal-gass beda jiġi indexed mal-prezz internazzjonali taż-żejt, fejn iż-żidiet huma inqas miż-żidiet fil-prezz tal-gass. L-Enemalta kellha terfa’ wkoll piż ikbar sabiex tixtri l-carbon credits, fejn sal-aħħar t’Ottubru ħallset 33 miljun ewro aktar. Għas-sena dieħla, sabiex il-konsumaturi jibqgħu jgawdu minn prezzijiet stabbli, huwa stmat li l-għajnuna meħtieġa tammonta għal 440 miljun ewro.
Fil-qasam tax-xiri tal-fuels, il-Gvern ukoll ħa azzjoni deċiżiva favur il-konsumatur. Sal-lum, l-għajnuna f’dan ir-rigward tlaħħaq it-63 miljun ewro u għas-sena d-dieħla din mistennija li titla’ għal madwar 90 miljun ewro.
Il-Gvern qiegħed isostni wkoll ix-xiri tal-gass LPG. L-għajnuna totali għas-sena 2022 hija stmata li se tlaħħaq is-16.3 miljun ewro, filwaqt li għas-sena d-dieħla dan is-sussidju hu mistenni jkun ta’ madwar 15-il miljun ewro.
F’dan l-istadju l-istimi kkowtati għas-sena d-dieħla huma bbażati fuq ix-xejriet tas-suq u jibqgħu dejjem suġġetti għal bidliet. F’dan il-kuntest, il-Gvern għażel it-triq tal-istabilita u qiegħed jalloka 580 miljun ewro li, fid-dawl tal-inċertezzi li jeżistu, taħseb ukoll għal ċerta kontinġenza.
Birżebbuġa – problema ta’ intejjen minn fdalijiet ta’ ħut
Question
Tista’ l-Ministru tindika kif se tissolva l-problema ta' ntejjen f’Birżebbuġa li kemm l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kif ukoll il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) taw indikazzjoni li kienet ġejja minn fdalijiet ta' ħut li nstabu? Tista’ tispjega kif anke wara li intervjenew dawn iż-żewġ entitajiet hawn diġà msemmija (ERA u WSC), xorta waħda sal-lum stess, 29 ta' November 2022, din ir-riħa insapportabbli għadha qed tinxtamm?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kompliet tagħmel spezzjonijiet fl-akkwati ta’ Birżebbuġa u Ħal Far anke wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet l-interventi li rreferejt għalihom fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 4345.
Min-naħa tagħha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet il-passi neċessarji biex ma jiġi mormi skariku mill-impjant imsemmi fis-sistema li tgħaddi minn Birżebbuġa. Minkejja dan għadu għaddej xogħol ta’ tindif u tiswijiet fin-network.
Statistika dwar ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u tal-ilma
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4315, nispeċifika li bil-kelma “kontijiet” kont qed nifhem Accounts (meters) differenti u mhux kull invoice li tinħareġ kull xahrejn. Fi kliem sempliċi, tista' l-Ministru tagħti informazzjoni li turi kemm hemm numru ta' Residenzi, Meters Domestiċi, u Meters Industrijali, li l-konsum tagħhom annwali jaqa' f'kull waħda mill-brackets, u l-brackets ikunu skalati għal kull €500 sakemm jibqa' jagħmel sens?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3653, tista’ l-Ministru tagħti tweġiba ċara għad-domanda li saret u preċiżament jekk hemmx il-ħsieb li ssir sejħa pubblika għal ħatriet ta’ Chairman u/jew membri tal-Bord tar-Regulator for Energy and Water Services (REWS), fejn allura l-ħatra ta’ almenu żewġ membri tal-Bord tiġi fi tmiem fil-21 ta’ Novembru 2022? Tista’ tgħid meta ser jiġu ppubblikati l-kriterji oġġettivi u trasparenti li jirregolaw il-ħatriet tal-membri tal-Bord tar-REWS ġaladarba ftit ġranet oħra jiġu fi tmiem il-ħatriet ta’ wħud mill-membri tal-istess Bord?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li abbażi tagħhom jinħatru l-membri tal-Bord tar-Regolatur ġew ippubblikati u huma disponibbli permezz tas-sit elettroniku tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS).
Fir-rigward taż-żewġ membri li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, nirreferih għar-risposta li kont tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 1168 u nfakkru li mal-iskadenza tal-ewwel terminu, il-membri fuq il-bord tar-Regolatur għandhom il-possibbiltà li jinħatru għal terminu ieħor skont id-dispożizzjonijiet tas-subartikolu 3(7) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (Kap. 545); dan anke sabiex l-esperjenza li tkun inkisbet ma tintilifx u biex, fis-snin li ġejjin, skont id-dispożizzjonijiet tal-istess subartikolu, ikun hemm ukoll il-possibilità ta’ “rotazzjoni xierqa”.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar għandha s-sistema tad-drenaġġ tagħha mqabbda mas-sistema prinċipali li tgħaqqad is-sistema tad-drenaġġ? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li juru liema partijiet minn din il-lokalità għandha s-sistema tad-drenaġġ ikkomunikata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun aktar speċifika fit-talba tagħha. Dak li qed jiġi mitlub jirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin biex l-informazzjoni tinġabar u tkun analizzata.
Billi matul il-jiem li għaddew reġa’ kien hemm żbroff ta’ drenaġġ li mar il-baħar ġewwa l-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'passi ttieħdu wara dan l-iżbroff?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-aħħar żbroff ta’ drenaġġ irreġistrat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-llma li mar il-baħar fl-akwati ta’ San Pawl il-Baħar seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2022 fi Triq l-iskola. Dan l-iżbroff kien ikkawżat minn ħsara kkaġunata minn kuntrattur, liema ħsara ġiet imsewwija mill-Korporazzjoni dakinhar stess.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru hux ser ikollu skema/i fl-2023 li permezz tagħha/tagħhom għaqdiet volontarji u sportivi jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jinvestu f'enerġija effiċjenti pereżempju billi jinstallaw apparat li jkun iktar energy efficient matul l-2023? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tali skemi fl-2022 jew fis-snin preċedenti u jekk iva kemm kien hemm għaqdiet li bbenefikaw minn tali skemi, kif ibbenefikaw u kemm kien l-ammont li fil-fatt intuża għal tali skemi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma ser tkun qed toħroġ skema fl-2023 għal għaqdiet volontarji u sportivi sabiex jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jinvestu f’enerġija effiċjenti.
Skemi simili għal għaqdiet volontarji u sportivi ilhom jinħarġu mill-Aġenzija sa mill-2019. Minn dawn l-iskemi ibbenefikaw 82 għaqda volontarja u sportiva, li ngħataw grants sabiex iwettqu proġetti biex itejbu l-użu tal-enerġija u l-ilma fil-premises tagħhom. Il-valur totali ta’ finanzjament taħt dawn l-iskemi huwa ta’ €1,830,000.
Tista' l-Ministru tgħid liema partijiet tal-lokalità tal-Imġarr, Malta għandha s-sistema tad-drenaġġ tagħha mqabbda mas-sistema prinċipali li tgħaqqad is-sistema tad-drenaġġ? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li juru liema partijiet minn din il-lokalità għandha s-sistema tad-drenaġġ ikkomunikata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun aktar speċifika fit-talba tagħha. Dak li qed jiġi mitlub jirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin biex l-informazzjoni tinġabar u tkun analizzata.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il post f'Għawdex hemm, fejn bħalissa qed jittieħdu kampjuni tal-arja biex tiġi studjata l-kwalità tal-arja? Tista' tgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il darba ttieħdu kampjuni tal-arja miċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex u b'mod partikulari minn Triq ir-Repubblika? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta' dawn il-kampjuni li ttieħdu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’Għawdex hemm tnax il-sit (12) u dawn jinsabu f’Għajnsielem, Xewkija, Victoria, Munxar, Xlendi, Fontana, Żebbuġ, Marsalforn, Xagħra, Nadur u żewġ siti fl-Għarb.
Dan il-proċess isir permezz ta’ ‘diffusion tubes’ li huma esposti għal erba’ (4) ġimgħat. Wieħed minn dawn it-tubi jinsab fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat fejn l-Awtorità ilha tissorvelja dan is-sit mill-bidu tas-sena 2014. Fl-aħħar ħames snin, l-Awtorità mmonitorjat il-maġġor parti tas-siti għal ħamsa u sittin (65) darba. Minbarra dan it-tip ta’ monitoraġġ, l-ERA tagħmel ukoll monitoraġġ kontinwu f’sit rurali fl-Għarb.
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-data tal-aħħar ħames snin kif mitluba għas-siti kollha f'Għawdex.
Għawdex – Xewkija – Playing field Tal-Barmil – proġett ta’ Eco Park
Question
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta' Eco Park li kien imwiegħed li kellu jsir mill-Ministeru tagħha fl-area tal-Playing Field tal-Barmil fix-Xewkija, Għawdex? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett tpoġġiex fuq l-ixkaffa mill-Ministeru tagħha u jekk iva, għala tpoġġa fuq l-ixkaffa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Inserraħ moħħ l-Onor. Interpellant illi bħalma dan il-Gvern wiegħed l-implimentazzjoni ta’ proġetti ħodor b’investiment ta’ €700 miljun, dan il-proġett se jkun qed isir, f’ħinu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1198, tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol fi Triq il-Kampanella, Fgura, li ġie hemm indikat sarx jew jekk huwiex ser isir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-mument għaddejjin ix-xogħlijiet imsemmija bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet tal-lokalità tan-Naxxar għandha s-sistema tad-drenaġġ tagħha mqabbda mas-sistema prinċipali li tgħaqqad is-sistema tad-drenaġġ? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li juru liema partijiet minn din il-lokalità għandha s-sistema tad-drenaġġ ikkomunikata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun aktar speċifika fit-talba tagħha. Dak li qed jiġi mitlub jirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin biex l-informazzjoni tinġabar u tkun analizzata.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet tal-lokalità tal-Mellieħa għandha s-sistema tad-drenaġġ tagħha mqabbda mas-sistema prinċipali li tgħaqqad is-sistema tad-drenaġġ? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li juru liema partijiet minn din il-lokalità għandha s-sistema tad-drenaġġ ikkomunikata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun aktar speċifika fit-talba tagħha. Dak li qed jiġi mitlub jirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin biex l-informazzjoni tinġabar u tkun analizzata.