Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru fi Triq Barthelemy, f’Marsaxlokk u x’fadal isir matul din is-sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fit-triq indikata saru xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’konnessjoni mal-infrastruttura tad-drenaġġ u se jerġa’ jingħata l-asfalt lill-wiċċ tat-triq.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex min imur biex jarmi plastik fiċ-ċentru tal-iskart goff ta’ Ta’ Qali jintalab jarmih fi skip numru 10 li jilqa’ fih, oġġetti li jmorru l-Magħtab bħala skart imħallat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-plastiks li jistgħu jiġu riċiklati, bħal plastiks riġidi (deckchairs) u fliexken tal-plastik, jinġabru u jiġu trasferiti għal faċilitajiet oħrajn għal aktar trattament. Plastiks li ma jistgħux jiġu riċiklati jintremew fil-kontenitur tal-landfill u jiġu trasferiti l-Magħtab.
Trattament tal-ilma urban mormi — Identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi
Question
Peress illi skont id-Direttiva tal-Kunsill dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (91/271/KEE) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi u inqas sensittivi tkun riveduta f’intervalli ta’ mhux aktar minn erba’ snin, tista’ l-Ministru tgħid meta saret l-aħħar reviżjoni ta’ dawn iż-żoni, tindika meta saru l-istudji relatati ma’ din ir-reviżjoni u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha rilevanti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 27642, qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-data dwar l-istudji relatati ma’ din ir-reviżjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ smart metres li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) separatament għal kull lokalità? Tista’ tgħid ukoll jekk għadx fadal servizzi li għadhom mhux qed jinqraw permezz ta’ smart metres?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma’ dan inżid li l-ismart meters għadhom ma ġewx installati f’siti fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandhiex aċċess, minħabba li jew huma postijiet magħluqin jew inkella saħansitra abbandunati.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Infiq fuq reklamar
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tagħha u fl-entitajiet li jaqgħu taħtha fl-2024? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru fi Triq l-Arżnell, f’Marsaxlokk u x’fadal isir matul din is-sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il uffiċjal impjegat mill-kuntrattur ġie stazzjonat kuljum f’Kemmuna matul ix-xhur tas-sajf mill-2020 ’il quddiem għall-fini tal-monitoraġġ u l-infurzar tar-regolamenti relatati mar-rimi ta’ skart, u tindika n-numru ta’ multi li nħarġu matul dak l-istess perjodu speċifikament fir-rigward ta’ ksur ta’ regoli tar-rimi ta’ skart?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istazzjonar ta’ żewġ uffiċjali biex jagħmlu monitoraġġ u nfurzar tal-liġi dwar ir-rimi tal-iskart f’Kemmuna, primarjament fix-xhur tas-sajf, beda mill-2022. Dawn l-uffiċjali huma mpjegati ma’ kuntrattur privat li ntgħażel permezz ta’ tender pubbliku maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Mill-bidu ta’ dan l-eżerċizzju sad-data ta’ din it-tweġiba, nħarġet multa waħda speċifikament fuq Kemmuna. Għandu jiġi apprezzat li l-uffiċjali tal-ERA għandhom ukoll rwol edukattiv u jagħmlu sforz biex jedukaw lin-nies, waqt li anke jagħmlu sorveljanza f’żoni oħrajn bħal camping site u l-madwar kif ukoll bajjiet oħra biex jaraw li jkun hemm general upkeep ambjentali. Biex tinħareġ multa, persuna trid tinqabad tarmi quddiem l-uffiċjali tal-ERA.
It-Tramuntana u In-Nofsinhar ta’ Malta — Fish Farms
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26993 u tindika b’mod separat in-numru ta’ siti ta’ fish farms li bħalissa jinsabu operattivi fiż-żona tat-Tramuntana u fiż-żona tan-Nofsinhar tal-pajjiż?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22159, 21093 u 8573.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il meter tad-dawl f’Malta u f’Għawdex huma mgħammra b’sistema li tagħmilha possibbli li tiġi reġistrata d-data dwar il-konsum b’mod remot u tintbagħat lil ARMS awtomatikament, mingħajr il-ħtieġa ta’ qari manwali fuq il-post?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-każ ta’ 99.22% tal-meters kollha tal-Enemalta tiġi reġistrata d-data tal-konsum b’mod remot. Hemm stanzi, bħal meta ma jkunx hemm qari mis-sistema awtomatika jew il-meter ikun antik, li għalihom ikun meħtieġ li jintbagħat meter reader biex jittieħed qari attwali.
Ta’ Qali — Sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ - Studju
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li sar biex jistabbilixxi s-sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ f’Ta’ Qali biex jipprovdi l-ilma għall-proġett tal-Park Nazzjonali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent — Regolamenti dwar it-Trattament ta’ Ilma Urban Mormi - Żoni sensittivi
Question
Tista’ l-Ministru tagħti raġuni għaliex permezz tal-A.L. 373 tal-2024 - Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, ġew imħassra l-mappa u t-tabella li kienu jidentifikaw iż-żoni sensittivi skont il-L.S. 549.22 li tipprovdi Regolamenti dwar it-Trattament ta’ Ilma Urban Mormi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li oriġinarjament Malta mmarkat tmien żoni kostali bħala sensittivi primarjament bajjiet jew daħliet li minħabba ċ-ċirkulazzjoni limitata setgħu kienu vulnerabbli għat-tniġġis minn nutrijenti żejda. Iżda wara li nbnew l-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ u l-assessjar tal-istat tal-ilma kostali, baqgħet żona waħda biss fuq il-lista ta’ siti sensittivi. Valutazzjoni oħra li saret fl-2021 uriet li l-livelli ta’ nutrijenti fl-ilmijiet kostali ta’ Malta huma ġeneralment baxxi, u sinjali ta’ problemi relatati mat-tniġġis bħall-ewtrofikazzjoni huma minimi. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riżultati xjentifiċi, Malta temmen li l-ilmijiet tagħha m’għadhomx f’riskju u li m’għadx hemm bżonn li jinżammu żoni elenkati bħala sensittivi.
Charging pillars fis-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta’ charging pillars li hemm f’kull waħda mil-lokalitajiet tas-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali, separatament għal kull lokalità? Tista’ tgħid ukoll:
i. kemm hu mistenni li jiżdiedu ċ-charging pillars għal kull waħda minn dawn il-lokalitajiet;
ii. meta hu mistenni li jiżdiedu dawn iċ-charging pillars;
iii. meta hu mistenni li jibdew jaħdmu;
iv. f’kull każ, kemm minn dawn iċ-charging pillars huma fast charging, u kemm huma normali (medium) charging; u
v. liema rata ta’ ħlas ser tkun qed titħallas minn min ikun qed juża dawn iċ-charging points?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li peress li qed nitkellmu fuq 17-il lokalità u l-ġbir tal-informazzjoni mitluba jirrikjedi ċertu ħin, din għadha qed tinġabar.
San Pawl il-Baħar — Enemalta u WSC - Servizzi ta’ dawl u ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ servizzi ta’ dawl u ilma separatament, li huma reġistrati mal-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Tista’ wkoll tagħti tagħrif dwar in-numru ta’ servizzi hekk reġistrati, skont il-kategoriji li għandhom il-WSC u l-Enemalta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Vjaġġi uffiċjali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk waqt vjaġġi uffiċjali barra l-pajjiż qattx kienet akkumpanjat minn familjari tagħha jew ta’ xi membru tal-kontinġent uffiċjali tagħha? Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid:
(a) F'liema vjaġġi l-Ministru u/jew il-kontinġent tagħha kienu akkumpanjati minn familjari tagħhom?
(b) Min kienu dawn il-familjari għal kull vjaġġ?
(ċ) Kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljett tal-ajru, akkomodazzjoni, trasport, ikel, xorb u spejjeż oħra, separatament, għal kull membru tal-kontinġent f'kull vjaġġ li fih kien hemm ukoll membru/i tal-familja tal-Ministru u/jew tal-kontinġent uffiċjali tagħha ?
(d) Jekk l-ispejjeż ta' kull membru tal-familja tal-Ministru u/jew tal-membru tal-kontinġent uffiċjali tagħha tħallsux minn fondi pubbliċi jew minn fondi personali, u jekk dawn tħallsu minn fondi personali tippreżenta l-irċevuti uffiċjali ta' dawn l-ispejjeż?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm drabi fejn kont akkumpanjata minn qraba tiegħi waqt vjaġġi uffiċjali.
Tista' l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet saru jew ser isiru fir-raħal ta’ San Lawrenz? Liema entità jew awtorità se taħdem, meta se jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll jekk hux se jingħata l-asfalt tul it-triq li diġà ntmesset jew tul it-triq kollha kemm-il darba din tintmess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’din il-lokalità, Enemalta se tgħaddi cable ġdid taħt l-art biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona, u wara li jitlestew ix-xogħlijiet jingħata l-asfalt skont il-permessi u l-kundizzjonijiet ta’ Transport Malta. Bħalissa għaddej il-proċess biex Enemalta tikseb il-permessi neċessarji biex ikunu jistgħu jsiru dawn ix-xogħlijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu ċ-charging stations ġewwa Tas-Sliema u jekk iva, tgħid f’liema toroq ser jiġu installati u meta se jitlestew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’kollox hawn 408 charging points għall-użu pubbliku mxerrdin madwar Malta u Għawdex. Għaddej proġett ieħor biex jiżdiedu 1,200 charging point ieħor madwar il-gżejjer u dawn jnkludu 50 charging point li se jsiru f’Tas-Sliema.
Is-siti fejn huwa propost li jsiru ċ-charging points li se jiżdiedu f’Tas-Sliema jinsabu fi Triq it-Torri (4), Triq ix-Xatt (4), Tigne Seafront, Ix-Xatt ta’ Qui Si Sana, Triq George Borg Olivier, Triq Mrabat, Triq San Ġwann Bosco, Triq Parisio, Triq Ċensu Xerri, Triq Sir Adrian Dingli, Triq Capua, Triq St Ignatius Jct, Triq Santa Marija, Triq Windsor, Triq Manwel Dimech, Triq Matthew Pulis, Triq il-Kbira, Triq Marjanu Vella u Triq Falzon.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Nefqa fuq reklamar
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27139 u 27425 u tgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Pembroke — Triq il-Professur W. Ganado – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni Triq il-Professur W. Ganado f’Pembroke qiegħda tinqala’ mill-ġdid? Tista’ tindika x’xogħlijiet huma previsti li jsiru u kemm ser jiġu jiswew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nnforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma parti minn proġett, b’investiment ta’ madwar €2.3 miljun, li qed isir f’kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta biex itejbu sostanzjalment l-infrastruttura tad-drenaġġ, kif ukoll dik tas-servizzi tal-ilma u l-elettriku fiż-żona.
Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika fir-raħal ta’ Kerċem fiż-żmien li ġej? Liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll jekk it-triq kollha hix ser tinbena u tingħata l-asfalt jekk kemm-il darba din tintmess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Kerċem, Enemalta se tkun qed tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku bit-tqegħid ta’cables ġodda taħt l-art u anke se ssir link ġdida bejn żewġ substations li hemm fil-lokalità. Ix-xogħlijiet huwa ppjanat li jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin u wara li jitlestew jingħata l-asfalt skont il-permessi u l-kundizzjonijiet stipulati minn Transport Malta.
Sadattant, għalkemm huwa l-Kunsill Lokali li se jkun qed iwettaq ix-xogħlijiet ewlenin fi Triq Għajn Tuta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħlijiet fuq in-network tad-drenaġġ kif ukoll tad-distribuzzjoni tal-ilma f’din it-triq. It-triq se tkun asfaltata mill-ġdid meta jintemmu x-xogħlijiet b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali.