Jista’ l-Ministru jgħid meta se jirranġa u jsebbaħ il-madwar tal-binja tal-Gvern u meta se jirranġa d-diversi ħitan ta’ passaġġi u jsebbaħ is-soft areas li jinsabu fil-Binja ta’ Giorni, f’San Ġiljan?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa qed tingħata attenzjoni għal tiswijiet, manutenzjoni u riġenerazzjoni tal-binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. Sadanittant ġie mwaqqaf il-Housing Development Fund li fost irwoli oħra se jkun qed joħloq fond biex jitwettqu proġetti ta’ tisbieħ madwar il-binjiet tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4582 u jikkonferma x'inhi l-policy f'każ ta' koppja li tapplika għal Grant to Assist Owners in the Construction and/or Completion or Rehabilitaton of their First Home (rifużjoni lura tal-VAT fl-ispejjeż ta' kostruzzjoni u rijabilitazzjoni fuq l-ewwel proprjetà), fejn parti waħda mill-koppja tkun diġà sid ta' proprjetà oħra preċedenti iżda din tkun l-ewwel proprjetà tal-parti l-oħra? Huwa l-każ li f'ċirkostanzi bħal dawn, il-parti li għaliha din tkun l-ewwel proprjetà ma tkun tista' tgawdi qatt minn dan il-grant?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn il-każijiet tingħata l-għotja skont il-kundizzjoniijiet tal-iskema iżda jitnaqqas l-ammont mogħti fuq il-proprjetà preċedenti. Ma tingħata l-ebda għotja jekk il-koppja tkun għexet flimkien fl-ewwel proprjetà mixtrija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm garaxxijiet tal-Gvern mikrija għand persuni għall-użu personali tagħhom mill-2021 sal-lum, lokalità b’lokalità?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2021 sal-lum, l-Awtorità tad-Djar kriet garaxx wieħed lil persuna għall-użu personali tagħha ġewwa Bormla. Barra minn hekk l-Awtorità tad-Djar mexxiet il-proċess għall-kiri ta’ 399 garaxx u spazji ta’ parkeġġ f’Ħ’Attard, Birkirkara, Bormla, Ħal Kirkop, l-Imsida, il-Qrendi, is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u ż-Żurrieq.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali
Question
Jista’ l-Ministru jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt id-dekasteru tiegħi ma ngħatawx benefiċċji, għotji jew għajnuniet oħra finanzjarji lill-produzzjonijiet tal-films lokali (persuni/kumpaniji msemmija separatament).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-first-time buyers hijiex se żżid il-prezz fil-proprjetà skont kif indikat il-Kamra tal-Kummerċ?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għotja lil dawk il-persuni kollha illi xtraw proprjetà għall-ewwel darba mill-1 ta’ Jannar 2022 'il quddiem hija intiża sabiex tagħti għajnuna kruċjali liż-żgħażagħ li jkunu għadhom kemm xtraw l-ewwel residenza tagħhom. Il-kundizzjonijiet tal-għotja jinkludu li r-residenza tkun inxtrat permezz ta’ loan u li l-valur tal-proprjetà ma jaqbiżx il-€500,000. L-għotja tibqa’ tingħata għal perjodu ta’ 10 snin jew sakemm jingħalaq il-loan account.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-kuntratti tal-plots li ngħataw taħt il-Home Ownership Scheme, Issue tal-1987, hekk kif jidher li ċerti plots għadhom mhux esproprjati? Jista’ l-Ministru jgħidilna xi tkun il-pożizzjoni tal-eredi ta’ koppja li jiġu nieqsa mingħajr dan il-kuntratt fis-seħħ?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema plots qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jikkonferma x'inhi l-policy f'każ ta' koppja li tapplika għal Grant to Assist Owners in the Construction and/or Completion or Rehabilitaton of their First Home (rifużjoni lura tal-VAT fl-ispejjeż ta' kostruzzjoni u rijabilitazzjoni fuq l-ewwel proprjetà), fejn parti waħda mill-koppja tkun diġà sid ta' proprjetà oħra preċedenti iżda din tkun l-ewwel proprjetà tal-parti l-oħra? Huwa l-każ li f'ċirkostanzi bħal dawn, il-parti li għaliha din tkun l-ewwel proprjetà ma tkun tista' tgawdi qatt minn dan il-grant?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu ppreżentati każi sa issa quddiem il-Bord tar-Regolamenti tal-Kera minn meta daħal fis-seħħ l-Att dwar ir-Riforma tal-Kirjiet Residenzjali Kontrollati, Att XXIV tal-2021? Kemm minn dawn kienu solvuti?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Bord li Jirregola l-Kera ma jagħmilx parti mill-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u/jew xi entità li taqa’ taħt dan id-dekasteru. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat u biex l-informazzjoni li tingħata tkun korretta.
Private Residential Leases Unit – ħaddiema rekwiżiti għal units ġodda
Question
Jista' Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema rekwiżiti sabiex joħolqu l-units ġodda tal-Private Residential Leases Unit u s-Sezzjoni tal-Pre 95?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar kellha approvazzjoni għal 49 ħaddiem sabiex joħolqu ż-żewġ units ġodda tal-Private Residential Leases Unit u tas-Sezzjoni tal-Pre-95. Dan kollu bil-għan li l-Awtorità tad-Djar tlaħħaq mad-domanda qawwija ta' xogħol illi dawn iż-żewġ Units għandhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Awtorità li jitħallsu allowances addizzjonali u xi perkaċċi oħra, ’il barra mill-ftehim kollettiv tal-Awtorità u x'inhu l-grad tagħhom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għandha erba’ ħaddiema li jitħallsu allowance addizzjonali fil-gradi kif imniżżel hawn taħt:
Grade
Allowance
Supervisor
Mobile Allowance
2 Senior Officers
Disturbance Allowance
Office Attendant
Miscellaneous Allowance for additional duties
Dawn l-allowances ilhom jitħallsu sa minn bejn l-2007 u l-2017.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1804, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema fl-Awtorità tad-Djar ġew impjegati mill-2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda? Kemm minn dawn il-ħaddiema tterminaw l-impjieg tagħhom minn mal-Awtorità tad-Djar?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jinnota t-tweġiba mogħtija lilu fil-mistoqsija parlamentari 1803.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm liftijiet ser ikunu mqiegħda u f’liema binijiet ġewwa l-housing estate ta’ Ta’ Giorni matul l-2023?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2023 ser tkun qed titkompla l-ħidma fuq sitt applikazzjonijiet ta’ installazzjoni ta’ lifts fil-Housing Estate Ta’ Giorni.
Awtorità tad-Djar — bord tal-allokazzjonijiet - membri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tal-allokazzjonijiet tal-postijiet tal-Gvern ġewwa l-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid kemm-il darba ltaqgħu matul din is-sena u kemm dawn jitħallsu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-bord tal-allokazzjonijiet tal-postijiet tal-Gvern ġewwa l-Awtorità tad-Djar iltaqgħu 26 darba matul is-sena 2022. Il-membri jitħallsu €75 għal kull laqgħa.
Skema għal titjib tal-madwar tal-binjiet tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ tiddaħħal l-iskema biex jinżammu tajjeb il-madwar tal-binijiet tal-Gvern bħalma huma soft areas u ħitan ta’ passaġġi?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema li qed jagħmel referenza għaliha bbenefikaw minnha madwar 15-il Kunsill Lokali sabiex jitwettqu proġetti żgħar ta’ tisbiħ fil-madwar u kienet skema ta’ darba.
Illum il-ġurnata l-Awtorità tad-Djar qed twettaq proġett kbir ta’ riġenerazzjoni tal-binjiet kollha ta’ Akkomodazzjoni Soċjali tal-Gvern, liema proġett qed jibbenefikaw minnu mijiet ta’ familji madwar Malta.
Apparti din ir-riġenerazzjoni, l-Awtorità tad-Djar qed twettaq ukoll 3 proġetti maġġuri biswit is-siti tal-Akkomodazzjoni Soċjali fil-Marsa, Santa Luċija u l-Mosta. Permezz ta’ dawn it-3 proġetti kbar, l-Awtorità mhux biss qed tipprovdi ambjent isbaħ u aktar sigur imma wkoll post ta’ rikreazzjoni fejn il-familji jistgħu jmorru mat-tfal tagħhom u fl-istess ħin insaħħu wkoll l-aċċessibilità u s-sigurtà ta’ dawn il-postijiet.
Min-naħa tagħna ninsabu impenjati li nkomplu noffru kwalità ta’ ħajja aħjar u niżġuraw li l-akkomodazzjoni soċjali qed iġġib valur miżjud fil-lokalitajiet li qed jilqgħuha.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 22929, 24201 u 24038 li saru fl-aħħar leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fil-blokka tal-flats indikata, f’Santa Luċija, effettivament sarux u jekk il-lift huwiex jaħdem u minn meta?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett inkluż il-lift ingħataw lir-residenti fit-23 ta’ Settembru 2022.
Santa Venera – xogħol ta’ rinnovar fi blokk ta’ appartamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun qed jitlesta x-xogħol ta' rinnovar fil-blokk ta’ appartamenti f’Santa Venera li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ rinovar taħt Skema 2 fil-blokk imsemmi tlesta iktar kmieni din is-sena, fejn l-Awtorità ħallset is-somma ta’ €6,000 lill-amministratur tal-blokka. Barra r-rinovar tal-komun permezz ta’ Skema 2, l-Awtorità wettqet rinovar ulterjuri fuq il-bejt ta’ din il-blokka għas-somma ta’ madwar €13,000.
Ħal Tarxien – persuni residenti li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni minn Ħal Tarxien li tul din is-sena 2022 s’issa bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 l-Awtorità tad-Djar kellha 61 persuna minn Ħal Tarxien li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995. L-ispiża kienet ta’ €101,356.40c. Ma kienx hemm persuni minn Ħal Tarxien li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati.
Santa Luċija – persuni residenti li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni minn Santa Luċija li tul din is-sena 2022 s’issa bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 l-Awtorità tad-Djar kellha żewġ persuni minn Santa Luċija li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995. L-ispiża kienet ta’ €6,413.93c. Ma kienx hemm persuni minn Santa Luċija li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati.