Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sajd għat-Tonn — Dgħajjes li għandhom il-liċenzja

Question

Jista l-Ministru jgħid, minn dawk id-dgħajjes li għandhom il-liċenzja tat-tonn: (a) kemm għandhom friża u magna tas-silġ fuq id-dgħajsa u kemm għandhom kwota; (b) kemm għandhom friża biss fuq id-dgħajsa u kemm għandhom kwota; (ċ) kemm m'għandhomx friża fuq id-dgħajsa u kemm għandhom kwota?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet rigward il-kwota tat-Tonn 2024 għadhom għaddejjin filwaqt li l-istagun hu magħluq, għaldaqstant m’hemmx bastimenti li għandhom kwota.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Entitajiet li għandhom CEO

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx entitajiet, aġenziji jew awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għandhom CEO? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma u min hu/hi s-CEO? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ meta ħa/ħadet il-pożizzjoni u jgħid jekk jagħmlux xi xogħol ieħor bħala negozju jew jipprattikaw professjoni privatament waqt li qed jokkupaw il-pożizzjoni ta’ CEO?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta u Għawdex – Siġar taż-Żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u ser jiġu meħuda regolarment mill-Ministeru fil-konfront tas-siġar taż-żebbuġ li hawn fil-gżejjer tagħna u x’inizjattivi qed jittieħdu f’dan ir-rigward?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mit-twaqqif tal-Koperattiva taż-Żebbuġ, dan il-Ministeru iffirma MoU mal-Koperattiva u waqqaf task force apposta sabiex ikun jista’ jappoġġja lis-settur aktar mill-qrib. Fil-fatt id-Direttorat għall-Agrikoltura ilhu għal dawn l-aħħar snin jorganizza taħriġ speċjalizzat fuq iż-żabra taż-żebbuġ, kif ukoll fuq il-mard li jaħkmu. Is-sena li għaddiet ġew ukoll ippubblikati l-linji gwida dwar kif tidentifika u tikkontrolla l-mard taż-żebbuġ. Ta’ min isemmi wkoll li dan l-istess Direttorat ikkollabora mal-Università ta’ Malta fejn ġew identifikati numru ta’ speċi tas-siġar taż-żebbuġ li huma uniċi u nbeda x-xogħol sabiex din il-kollezjoni tinġabar u titħawwel ġewwa l-AgriHub. B’dan il-mod, ikun jista’ jiskatta l-programm ta’ konservazzjoni ta’ dawn is-siġar li jkun jista’ jwassal ukoll għar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet ġodda. Mill-aspett regolatorju, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, permezz tal-Pest Survey Programme, jagħmel moniteraġġ iffukat fuq il-vectors tal-Xylella fastidiosa. Apparti minn dan, id-Direttorat għall-Agrikoltura jżomm reġistru tas-siġar taż-żebbuġ.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Fotografi jew vidjografi – Direct Orders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14353, rigward il-fotografi u vidjografi inkarigati mill-Ministeru, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari fl-intier tagħha u jipprovdi l-isem tal-kuntrattur u d-dati tal-inkarigu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Pubblikazzjoni 'Nisġet Artna' — Abbonament

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1330, jista’ l-Ministru jgħid xi jrid isir sabiex wieħed jabbona biex jibda jirċievi l-pubblikazzjoni 'Nisġet Artna'?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pubbliku ġenerali jista’ jabbona biex jibda jirċievi l-pubblikazzjoni ‘Nisġet Artna’ billi jikkuntattja direttament lit-Taqsima tal-Attivitajiet u l-Promozzjoni, Direttorat tal-Operat, MAFA, permezz tal-mezzi kollha li ġejjin: 1. Indirizz postali: Taqsima tal-Attivitajiet u l-Promozzjoni, Agriculture Research and Innovation Hub L-Għammieri, Il-Marsa, MRS 3303 2. Indirizz elettroniku: nisgetartna.mafa@gov.mt 3. Telefon: 2292 4000 4. Messaġġ privat fuq Facebook fuq il-paġna uffiċjali ‘Agrikoltura’ (@agrikolturagovmt)

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: • kemm hemm ħaddiema li ngħataw aktar minn promozzjoni waħda inkluż career progression minn Jannar 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fil-Ministeru, awtoritajiet jew fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li hu responsabbli għalih; • fejn kienu/qegħdin iservu dawn il-ħaddiema, il-kariga/grad li kienu/qegħdin jokkupaw, id-dati ta’ meta ġew promossi u/jew ħadu l-career progression, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ); u • kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju tagħhom u kemm kienu ż-żidiet fil-paga b’mod monetarju minn skala għal oħra? X’kienet id-data tal-ingaġġ minn meta bdew mal-istess Ministeru, entità jew awtorità u anke jekk biddlux l-awtorità, entità jew Ministeru meta saru l-promozzjonijiet u/jew career progression?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li ninsab infurmat li l-promozzjonijiet li jingħataw u anke l-career progressions, huma kollha skont dak miktub fis-sectoral agreements, class agreements, u anke l-collective agreements tal-General Service Grades, liema agreements jinħarġu ma’ kull sejħa interna/esterna li toħroġ. Is-sejħiet huma dawk standard li jinkitbu u jiġu miftehma ċentralment.

Skejjel li joffru ħalib b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16291, 16539 u 16540 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u d-Djalogu Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’Malta u Għawdex li fihom jingħata ħalib b’xejn lill-istudenti?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Skejjel li jħaddmu l-iskema tal-ħaxix u l-frott b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16290, 16541 u 16542 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u d-Djalogu Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’Malta u Għawdex li qed iħaddmu l-iskema tal-ħaxix u l-frott b’xejn għall-istudenti?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Avviż lill-Baħħara

Question

Fid-dawl tal-co-ordinates li ngħataw fl-Avviż lill-Baħħara, jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax li l-ammont żgħir ta' daqs tas-siti ta' konservazzjoni msemmija f’dawn l-Avviżi jippermettux li jservu ta' nurseries għal ħut peress li dawn huma ta' importanza kbira li ma jippermettux ħsad u disturb minn ħoss ta' inġenji tal-baħar b'mod ripetut, sabiex wara l-ħut jinfirex fl-inħawi ’l barra minnhom u jippreservaw is-sostenibbiltà fis-sajd?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-co-ordinates li ngħataw fl-Avviż lill-Baħħara, ġew deċiżi f’bilanċ bejn is-sostenibilita’ tas-siti msemmija, inkluż il-potenzjal ta’ artificial reefs, l-għixien tas-sajjieda professjonali u l-familji tagħhom, kif ukoll il-passatemp tad-dilettanti tal-baħar.

Proġett ‘One Tablet Per Fisher’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-proġett tal-'One Tablet Per Fisher'? Min kien ser ikun intitolat għal dawn it-tablets u x'kien l-iskop aħħari li s-sajjieda, jew xi wħud minnhom, kienu ser jingħataw dawn it-tablets? Kemm inxtraw tablets biex jiġi implimentat dan il-proġett u kemm swew flus? Jista’ jgħid kif inxtraw dawn it-tablets, jekk hux b’direct order, quotation jew tender? Min ipprovda dawn it-tablets? Kemm minn dawn it-tablets ingħataw lis-sajjieda u x'sar minnhom it-tablets li ma tqassmux lis-sajjieda?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tablets ser ikunu qed jitqassmu lil kull bastiment taħt it-12 il-metru, reġistrat bħala MFA u MFB. L-għan ta’ dan il-proġett huwa biex b’mod gradwali ssir it- transizzjoni mir-rappurtaġġ u l-liċenzji fuq il-karti għal dawk digitali, kif rikjest u mitlub mir-regolament il-ġdid tal-Kontroll tal-Unjoni Ewropea, li ġie addotatt fl-2023. Fl-istess ħin, permezz ta’ dawn it-tablets, id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura, ser ikun f’pożizzjoni li iżjed ‘il quddiem, jipprovdi servizzi addizzjonali lill-istess sajjieda mill-kumdita’ ta’ djrahom jew tal-bastimenti tagħhom. Il-proċess tat-tqassim qiegħed għaddej u mistenni li jitlesta fix-xhur li ġejjin. Dawn it-tablets inxtraw permezz ta’ tender li ntrebaħ mill-kumpanija Satlink A.S. u ġie jiswa €264,960.00 vat eskluża. B’dan it-tender ġew akkwistati 720 tablet, li ġew iffinanzjati mill-programm EMFF tal-Unjoni Ewropea.

Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura — Avviż lill-Baħħara numru 215

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura kkonsidra li minħabba ċ-ċokon taż-żoni msemmija fl-Avviż lill-Baħħara numru 215 tal-2023 (Wreckages) ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni li jitħalla li jsir sajd bid-dgħajjes f’dawn l-inħawi? Jista’ jgħid ukoll jekk ikkonsidrax il-periklu għall-għaddasa, kemm bin-nifs kif ukoll b'attrezzatura, li jitħallew idumu ħin twil taħt il-wiċċ meta b’dan l-Avviż id-dgħajjes qegħdin jitħallew ibaħħru minn dawn iż-żoni? Fl-aħħar nett jista’ jgħid kif ser ikun possibbli li l-Awtoritajiet jivverifikaw jekk sajjied ikunx qiegħed jistgħad għall-ħut fil-wiċċ, jew għall-ħut iktar fil-fond, b'periklu għall-għaddasa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġew meqjusa il-fatti kollha, il-kundizzjonijiet dwar sajd kif imniżżla fl-Avviż lill-Baħħara huma bilanċjati għall-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-Avviż hu mniżżel ċar li l-bastimenti kollha għajr dawk imsemmija, għandhom jibqgħu 'l bogħod miż-żoni ta' Konservazzjoni, minħabba sikurezza, u jżommu distanza sigura u javviċinaw b'veloċità sigura f'kull ħin. Rigward l-aħħar mistoqsija, il-verifiki jsiru fuq it-tagħmir tas-sajd abbord u wieħed jiddetermina kisirx il-kundizzjonijiet tal-Avviż lill-Baħħara jew le.

Tbaħħir Internazzjonali — Kaptani minn pajjiżi terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandhom il-kaptani minn pajjiżi terzi li jiġu imbarkati biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd sabiex ikunu jistgħu jbaħħru f’ibħra internazzjonali? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw permessi tul l-2023, xahar b’xahar u minn liema pajjiż ġej kull wieħed minn dawn il-kaptani?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwalifiki tal-kaptana minn pajjizi terzi huma dawk rikonoxxuti mill-entita’ responsabbli. Matul is-sena 2023, ingħataw dawn il-permessi kif ġej: Numru ta’ permessi lil kaptana minn pajjiżi terzi li jistgħu jbaħħru f’ibħra internazzjonali matul l-2023 Xahar Numru ta’ Permessi maħruġa Nazzjonalita’ Jannar 6 5 Eġittu, 1 Indonesja Frar - - Marzu 5 3 Eġittu, 2 Tuneżija April 21 19 Eġittu, 1 Indja, 1 Indonesja Mejju 7 6 Eġittu, 1 Indonesja Ġunju 1 1 Eġittu Lulju 2 2 Eġittu Awwissu 1 1 Eġittu Settembru - - Ottubru 1 1 Eġittu Novembru - - Diċembru - -

Koperattiva tas-Sajjieda — Fondi għal attendenza f’laqgħat internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mgħoddija fondi lill-Koperattiva tas-Sajjieda biex tipparteċipa f’konferenzi barra l-pajjiż li jiġu organizzati mill-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT), mill-Mediterranean Advisory Council (MEDAC), mill-General Fisheries Commission for the Mediterranean (GFCM) u mill-Food and Agriculture Organization of the United Nations (FAO)? Għal kemm-il konferenza attendiet il-Koperattiva tas-Sajd mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena, li kienu ffinanzjati mill-Gvern?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jiġu mgħoddija l-ebda fondi lill-Koperattiva tas-Sajd sabiex tipparteċipa f’konferenzi barra l-pajjiż. Skont il-proċedura attwali jiġi applikat il-ftehim li hemm bejn il-Ministeru u l-Koperattiva. Speċifikament, meta l-Koperattiva tinnomina persuna għal xi laqgħa li tkun eleġibbli għaliha skont dan l-istess ftehim, il-Gvern ikopri l-ispejjeż relevanti tal-persuni b’mod ekwivalenti daqs li kieku kien uffiċjal tal-Gvern. Nirreferih għat-tabella segwenti. Sena Numru ta’ Konferenzi/Laqgħat iffinanzjati mill-Gvern 2013 1 2014 2 2015 2 2016 8 2017 3 2018 3 2019 2 2020 1 2021 0 2022 0 2023 0 2024 0

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-uffiċċju tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u f’kull Dipartiment/Aġenzija li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll xi grad għandhom, u jaqsam din l-informazzjoni dipartiment b’dipartiment u aġenzija b’aġenzija, b’dawk li jinsabu stazzjonati f’Malta separatament minn dawk li jinsabu f’Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba .

Programm għat-Tfaqqis ta’ bajd tar-Rizzi

Question

B’referenza li għamel il-Gvern waqt id-diskussjoni tal-baġit fejn qal li l-Gvern ser ikun qed jagħmel programm fuq it-tfaqqis tar-rizzi, jista’ l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati tal-esperimenti li qed isiru fuq it-tfaqqis tal-bajd tar-rizzi sa issa, speċjalment komparat ma’ dak li kienet tagħmel in-natura?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Akwakultura fi ħdan id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura, irnexxielu jikklimatizza r-rizzi li ġew maqbuda mis-selvaġġ. Bħalissa qed tiġi mhejjija żona fi ħdan id-Direttorat sabiex tilqa’ l-larvae tar-rizzi. Huwa mistenni li dawn jiġu mkabbra bil-għan li wara jiġu rilaxxati lura fil-baħar. Wara attentati preliminari li saru, qiegħed jiġi kkonfermat li d-Direttorat diġa’ rnexxielu jfaqqas ir-rizzi. Ta’ min wieħed jgħid li għadu prematur li wieħed ikun f’pożizzjoni li jikkompara dan ma’ dak li kienet tagħmel in-natura.

Sajjieda bl-Imrejkba – Żoni għas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema żoni s-sajjieda dilettanti tal-imrejkba jistgħu jistadu b’din id-dgħajsa żgħira bil-qlugħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din is-sajda tista’ tiġi pprattikata f’diversi żoni madwar Malta u Għawdex. Dawn iż-żoni ġew stabbliti wara konsultazzjonijiet wiesgħa ma’ diversi entitajiet u sajjieda dilettanti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument bil-mappa ta’ dawn iż-żoni, li juri wkoll il-postijiet kollha fejn jistgħu jistadu bl-imrejkba tal-wiċċ biss, jew b’kemm l-imrejkba tal-wiċċ u tal-qieħ, kif ukoll il-koordinati ta’ dawn il-lokazzjonijiet.

Sajd – Sussidju għal materjal bijodegradabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li biex titnaqqas il-ħsara lill-ambjent, dawk is-sajjieda li jużaw ħbula magħmula minn materjal bijodegradabbli u sufra minflok jablo, jibdew jingħataw sussidju fuq dan il-materjal bijodegradabbli?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif kien inkluż fil-Manifest Elettorali, dan il-Gvern ser ikun qed jaħdem fuq skema li tgħin lis-sajjieda biex jaddottaw prattiċi u tagħmir li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti u inizjattivi saru u fiex kienu jikkonsistu mill-Ministeru tiegħu ġewwa Għawdex matul is-sena 2023?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Jannar 2024?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15831.

Tiswija ta’ qtates – Tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta' tender li qed jagħti importanza lil tiswija ta' qtates? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk dan it-tender jesiġix li l-qtates imsewwija jiġu micro chipped? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-microchips hux qed jiġu reġistrati fin-National Database u fil-każ taħt min?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 11976. Il-kuntratt jesiġi l-mikroċippjar tal-qtates. Tali qtates qegħdin fil-proċess li jiġu rreġistrati fin-National Database taħt il-Kunsilli Lokali rispettivi minn fejn ikunu nġabru l-qtates.