Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Membri ta’ Entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15937 u 23280 u jagħti lista tal-kumitati, bordijiet, kummissjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar? Għal kull każ, jista’ jgħid min hu ċ-Chairperson u min huma l-membri ta' kull entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll min kien iċ-Chairperson u l-membri tal-istess entitajiet sa qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlmanetari 10699 u filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi informazzjoni addizzjonali ta’ bordijiet ġodda li ġew fir-responsabiltà tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

MGP eQ 103/2024 — QUOTATION FOR THE PROVISION OF ENVIRONMENTALLY FRIENDLY TRANSPORT SERVICE WITH DRIVER FOR WHEELCHAIR USERS AND OTHER CLIENTS AT SANTA MARTA DAY CENTRE WITHIN THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa 'MGP eQ 103/2024 - QUOTATION FOR THE PROVISION OF ENVIRONMENTALLY FRIENDLY TRANSPORT SERVICE WITH DRIVER FOR WHEELCHAIR USERS AND OTHER CLIENTS AT SANTA MARTA DAY CENTRE WITHIN THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING'? Jista’ jgħid min kien qed joffri dan is-servizz f'dawn l-aħħar ġimgħat u xhur? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru għal Għawdex permezz tax-xufiera u tal-vannijiet tiegħu huwiex ser jibqa’ joffri dan is-servizz, u jekk le, għaliex mhux ser jibqa’ joffri s-servizz bix-xufiera u l-vannijiet tal-Ministeru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar qiegħed u ser jkompli jipprovdi s-servizz tat-transport lil klijenti kollha taċ-Ċentru Santa Marta permezz tal-vannijiet u xufiera tal-Ministeru. Inħass il-bżonn li tinħareġ sejħa għall-offerti għal meta waħda mill-vannijiet ma’ tkunx disponibbli għal raġunijiet tekniċi u ta’ manutenzjoni. Għalhekk is-sejħa għall-offerti tispeċifika li l-użu ta’ dan is-servizz mhux se jkun kontinwu iżda skont il-ħtieġa tal-Ministeru. B’hekk niżguraw li s-servizz għall-klijenti kollha fiċ-Ċentru Santa Marta jkun kontinwu hekk kif mistħoqq.

PMC For Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta' Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22148 dwar l-aħħar żviluppi dwar il-'Preliminary Market Consultation' li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - 'PMC For Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex' li għalqet fit-30 ta' Settembru 2024 fejn ġie imwieġeb ‘li kien hemm sottomissjoni waħda fil-Preliminary Market Consultation dwar il-Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex’, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi? Peress li intqal li kien hemm sottomissjoni waħda, jista’ jgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li jingħalaq dan il-proċess? Jista’ jgħid ukoll meta (xahar u sena) hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta’ min jinnota li l-għan tal-Konsultazzjoni Preliminari tas-Suq (PMC) li ħarget is-sena li għaddiet kien li tinġabar iżjed informazzjoni dwar l-fattibilitÀ tal-proġett propost. Issa li ngħalaq dan l-istadju, l-GRDA ressqet 'Outline Development Application' mal-Awtorità tal-Ippjanar. Aktar tard din is-sena huwa mistenni li tinħareġ offerta miftuħa għall-konċessjoni.

Ta' Sannat — Triq it-Tabib Anton Tabone u Triq ta' Sannat - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20405 u 23038 tal-Leġiżlatura XIII li ngħataw fit-28 ta' April 2021 u fl-1 ta' Diċembru 2021 rispettivament, rigward Triq it-Tabib Anton Tabone (imsejħa wkoll bħala ‘l-Qasam’) li twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat, fejn kien ġie mwieġeb li x-xogħol fuq din l-imsemmija triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin, wara li titlesta t-Triq ta’ Sannat, u peress li Triq Sannat ilha diversi xhur lesta u miftuħa għat-traffiku, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għaddew iktar minn sentejn u nofs u għadu ma nbediex u ma tlestiex ix-xogħol? Peress li din il-parti tat-triq tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u kull darba li tagħmel ix-xita qed tegħreq u jkun hemm periklu kbir, jista’ jgħid meta ser jibda x-xogħol (xahar u sena) biex tinbena mill-ġdid din il-parti tat-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li il-bini mill-ġdid tat-Triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

In-Nadur (Għawdex) — Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18689 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13127, fejn ġie mwieġeb li ' Il-Ministeru talab lill-periti nkarigati sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena jippreżentaw il-pjanti preliminari ħalli wara l-analiżi nkunu nistgħu noħorġu t-tender għax-xogħlijiet tat-tali triq', jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-pjanti preliminari ġewx ippreżentati u saritx l-analiżi? Jista’ jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala, fin-Nadur? Jista' jgħid jekk ħarġux xi tenders oħra u liema minnhom ġew awarded? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-vot għax-xogħol fuq dawn it-toroq għas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti SPD3/2022/006 – Tender for the provision of consultancy and construction management services for the reconstruction of several arterial roads between the boundaries of Nadur and Qala. Din is-sejħa għall-offerti ġiet awarded fit-8 ta’ Mejju 2023. It-Tender għax-xogħlijiet bħalissa qed tiġi vvetjata.

Awtorità tal-Ippjanar — Lista tal-impjegati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24113 dwar impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż benefiċċji addizzjonali u s-salarju gross ta’ kull grad imsemmi fl-istess tweġiba u kull grad ieħor minn Area Manager sa Executive Chairman?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

SPD3/2024/058 — TENDER FOR THE RESURFACING OF TRIQ SAN PUPULJU, XEWKIJA, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa 'SPD3/2024/058 - TENDER FOR THE RESURFACING OF TRIQ SAN PUPULJU, XEWKIJA, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE' li għalqet fil-21 ta' Ġunju 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk din it-tender ġietx awarded u meta hu maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol marbut ma’ din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tender għadu fi stadju ta’ aġġudikazzjoni.

Tal-Pietà — Dar Fatima - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta' Dar Fatima ġewwa l-lokalità tal-Pietà? Jista’ jgħid kemm intefqu flus sa issa u fuq xiex intefqu? Jista’ jgħid ukoll x'fadal isir u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett u kemm ser jiġi jiswa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saru diversi spezzjonijiet, is-saqaf ta’ Dar Fatima nstab li huwa fi stat ħażin u f’kundizzjoni perikoluża. Għalhekk il-Ministeru kien jeħtieġ li joħroġ tender ġdida sabiex dan is-saqaf jitranġa. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar iddeċieda li huwa fl-aħjar interess jiġi terminat il-ftehim tal-kirja tal-fond Dar Fatima u l-kanċellazzjoni ta’ kuntratti u proċessi ta’ xiri pubbliku miftuħ biex isiru x-xogħlijiet. Għaldaqstant il-Ministeru mhux ser jipproċedi bl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura.

Ir-Rabat, Għawdex — Victoria Parks - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta’ Victoria Parks fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid x'inhu jsir fuq dan il-proġett fil-preżent, x'inhu l-irwol u x'ser ikun l-irwol ta' Project Green fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti ‘SPD3/2024/055 – Tender for the provision of technical consultancy and architectural services for the establishment of the Victoria Parks, Victoria, Gozo.’

Kunsilli Lokali Għawdxin — Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema għall-Kunsilli Lokali Għawdxin ħarġet matul is-sena 2024 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll: a. Kemm kien l-ammont allokat għal kull skema? b. Kemm applikaw kunsilli lokali għal kull skema? ċ. Liema kienu l-kunsilli lokali li ħadu għajnuna minn kull skema u liema kienu dawk il-kunsilli li applikaw u ma ħadux għajnuna f’kull skema? d. Kemm kien l-ammont totali li ngħata lil kull kunsill lokali f’kull skema u għal liema proġetti jew inizjattivi? e. Kemm hu l-ammont li sal-lum tħallas lil kull kunsill lokali f’kull każ u f’kull skema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2024 id-direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ippubblika skema li kienet miftuħa għall-Kunsilli Lokali Għawdxin biss biex isir r-restawr u l-preservazzjoni ta' monumenti, niċeċ u strutturi oħra ta’ sinifikat storiku jew artistiku u/jew tisbiħ u riġenerazzjoni ta’ sqaqien eżistenti fil-l-lokalità tagħhom. Din l-iskema kellha allokati €500,000 f’fondi. Il-proċess ta’ evalwazzjoni huwa kwazi komplut u l-kunsilli lokali mistennija jircievu l-eżitu tal-proċess fil-ġimgħat li ġejjin. Barra minn hekk għalkemm mhijiex skema mmirata speċifikament għall-Kunsilli Lokali Għawdxin, tajjeb insemmi li matul is-sena, diversi Kunsilli Lokali japplikaw u jibbenifikaw ukoll mill-iskema li tinħareġ mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali f’Għawdex, il-Gozo Cultural Events Fund Scheme.

Ministeru għal Għawdex — Karigi battala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm karigi battala ta' DGs, Diretturi, u Assistenti Diretturi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u ta’ xiex inhuma? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom battala u meta hu maħsub li jiġu mimlija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista’ jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 sat-8 ta’ Jannar 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tal-Ministeru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-informazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ budget għall-PR huwa parti mil-line item rispettiv fl-estimi tal-budget li ngħatat kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12042 u 18981 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21832.

Toroq ġodda f’Għawdex — Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16924 u jgħid liema huma t-toroq li huma skedati li jsiru ġewwa Għawdex u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li bħalissa qed jigu evalwati dawn is-sejħiet għal-offerti bl-spiza stmata madwar Euro 3.8 miljuni. 2024 Value of tender SPD3/2024/047 – Tender for the reconstruction of several roads in Gozo in a resource efficient manner Lot 1: Resurfacing of Triq il-Helsien Xewkija: €149,003.42 excl VAT. Lot 2: Resurfacing of Trejqet Ein Karem, Xewkija: €76,046.15 excl VAT. SPD3/2024/080 – Tender for the stabilisation, shoring and resurfacing of Triq Mons Guzeppi De Piro, Zebbug, Gozo in a resource efficient manner which considers environmental impacts € 459,834.53 excl VAT SPD3/2024/079 – Road works including the building of a gravity wall and resurfacing of Part of Triq ta’ Hondoq ir-Rummien, Qala in a resource efficient manner which considers wider environmental impacts € 612,749.11 excl VAT SPD3/2024/058 - Tender for the resurfacing of Triq San Pupulju, Xewkija, Gozo in a resource efficient manner including the replacement of buried infrastructure €240,855.07 excl VAT CT2299/2024 – Frameworks contract for provision of general road works inc. laying of asphalt in a resource efficient manner which considers wider env. Impacts for the Ministry for Gozo and Planning €2,312,041.3 excl VAT

Għawdex — Bini ta’ toroq - Tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mit-tenders li nħarġu u ġew awarded fis-sena 2017 biex toroq jinbnew mill-ġdid jew jiġi rranġat l-asfaltar u/jew is-servizzi tat-triq ġewwa Għawdex, f’kemm minn dawn it-tenders inqabeż id-deadline stipulat sakemm tlestew u ġew iffinalizzati x-xogħlijiet, u f’kull każ jgħid b’kemm inqabeż?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra turi t-toroq li tlestew ix-xogħolijiet fihom.

Kerċem — Pjazza Salvatore Busuttil - Spezzjoni tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni fi triq ġewwa Pjazza Salvatore Busuttil f'Kerċem, peress li madwar sena ilu parti minn din it-triq bdiet tinfetaħ? Jista’ jgħid ukoll jekk min għamel din l-ispezzjoni, ikkonfermax li ma hemm l-ebda periklu? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni fuq din il-parti tat-triq. Sadanittant, qed jitħejjew ukoll il-pjanijiet sabiex titranġa din il-parti tal-pjazza.

Ix-Xewkija — Ta’ Xħajma - Proġett tal-Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda (xahar u sena) ix-xogħol fuq il-Proġett tal-Park and Ride f’Ta’ Xħajma fix-Xewkija, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk jafx meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlesta kollu kemm hu, inkluż ix-xogħol kollu ta' landscaping ta' dan il-proġett biex dan il-Park and Ride jibda jintuża kollu kemm hu mill-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ kostruzzjoni beda fl-2022. Ix-xogħol kollu kemm hu mistenni jkun komplut din is-sena.

In-Nadur — Bajja ta’ Daħlet Qorrot - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6388, 7411, 8728 u 16198 dwar il-parti tat-triq ta' ħdejn il-Bajja ta' Daħlet Qorrot, in-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, peress li din baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna u peress li kien ġie mwieġeb li “Il-parti msemmija mill-Onor. Interpellant issir ukoll fiż-żmien opportun”, u “li idealment ma jkunx waqt il-perjodu li l-bajja tkun qed tintuża l-aktar mill-pubbliku”, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk ix-xogħol fuq din il-parti tat-triq huwiex se jibda u jitlesta qabel jibda s-sajf 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq qiegħda fil-pjan tal-Ministeru sabiex issir.