Legislature:
Category:
Reset
Active:

Numru ta' karozzi, muturi u trakkijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6121 u 5824 u jgħid kemm kien in-numru: a) ta' karozzi ġodda b) ta' muturi ġodda ċ) ta' trakkijiet u heavy plants ġodda oħra reġistrati f'Malta u f'Għawdex matul is-sena 2008? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għal dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5824.

Il-Ġnejna, Fomm ir-Riħ u l-Imġarr — art tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema art, skont il-media lokali, ġiet reġistrata bħala tal-Gvern fl-inħawi tal-Ġnejna, Fomm ir-Riħ u l-Imġarr? X'jista' jagħmel bniedem li jaħseb li għandu art li tinsab fl-inħawi hekk reġistrati? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li ġew reġistrati?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal-art li ġiet irreġistrata f’isem il-Gvern fl-inħawi tal-Ġnejna, Fomm ir-Riħ u l-Imġarr. Jekk xi individwu jaħseb li għandu art li tinsab fl-inħawi hekk reġistrati, għandu l-ewwel jikkonferma mar-Reġistru tal-Artijiet u jekk jirriżulta li l-art tiegħu ġiet irreġistrata f’isem il-Gvern, dan għandu jibgħat id-dokumentazzjoni kollha li jippruvaw li l-art in kwistjoni hija fil-fatt tiegħu, lid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjetà.

Timber carriers

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 1299, jista' l-Ministru jgħid allura x'ġara mill-bqija tal-flus dovuti meta skont Ministru ieħor fi tweġiba oħra kien qal li l-ammont dovut huwa ta' USD70,725,000 u l-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD50,718,261? Jista' jgħid ukoll x'ġara mill-fondi tal-protokoll dovut mir-Russja ta' bejn l-1987-1990 li l-ammont dovut s'issa ma kienx magħmul pubbliku u mill-fondi tal-Malta-Russia Trade Exchange Protocol of 1992?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwistjoni tal-Vapuri Russi hija kwistjoni li l-Gvern Nazzjonalista WIRET mingħand il-Gvern Laburista ta’ qabel l-1987. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt għal dan ix-xogħol kien ingħata taħt il-Gvern Laburista ta’ qabel l-1987, li messu kien jaf x’kapaċita kellha l-Malta Drydocks dak iż-żmien biex tonorha f’tali kuntratt! Dokumenti illi rnexxielna nsibu minn sorsi oħra oltre dawk li suppost kellhom fil-METCO, (għaliex dawn bejn l-1996 u l-1998 misterjożament ma nstabux jew intilfu mal-waqa tal-Gvern Laburista bħalma ġara wkoll lil dokumenti tal- Malta Drydocks u tal- Malta Shipbuilding ) hemm dokumentat illi l-figuri proposti mill-Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-1996, u cioe US$32M, lanqas biss kellhom it-tama illi jinġabru! Dan qed nissostanzjah b’dokument illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fejn f’ meeting li sar fl-uffiċju tal-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien, l-Onorevoli Leo Brincat, kien diġa ntwera d-dubju li dawn il-flejjes għad qatt jinġabru (kemm il- loan repayments fuq il-vapuri kif ukoll dawk tal- Countertrade ). Dan kollu kien kurrenti tiegħu l-ex-Prim Ministru Alfred Sant. Ir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, u cioe’ dik imwieġba minn Ministru ieħor, ingħatat fl-2004. Sa dak iż-żmien, b’mod matematikament reali, l-figuri mogħtija kienu figuri li l- Malta Drydocks kienet qed titlob. Dawn l-ammonti ma kinux qed jieħdu inkonsiderazzjoni l-bejgħ tas-sitt vapuri illi sar mill-amministrazzjoni Laburista fl-1997, liema ammont xorta f’termini reali kien għadu dovut. Minn dakinhar sa Frar 2007, saru diversi tentattivi u negozjati twal (kif diġa ġie spjegat lilu fir-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1299) sabiex il-Gvern Malti jirkupra xi flejjes. Sabiex jintlaħaq xi ftehim, il-kumpanija Russa talbet illi jitnaqqsu mis-somma dovuta l-ammont ta’ US$34.725M (liema ammont jirriżulta li kien dħul nett mill-bejgħ ta’ sitta mill-vapuri lil kumpaniji terzi). Fuq il-bilanċ, f’dan l-istadju, saru aktar negozjati bejn iż-żewġ partijiet, kif ukoll id- Deutsche Bank għal- factoring tal-ammont dovut. Kif ġa spjegajt, id-Deutsche Bank għadda lil Gvern Malti s-somma ta’ US$9M bħala full and final settlement . Is-somma ta’ interessi msemmija kienet ġiet innegozjata ma’ flus mitluba mill-kumpanija Russa f’penali ta’ late deliveries ta’ żewġ vapuri, kif ukoll non-deliveries tas-sitt vapuri l-oħra. Il-Protokolli msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma ftehim ta’ kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi u mhux xi għotja ta’ flus. Mill-Protokoll iffirmat fl-1992, li huwa kontinwazzjoni u binja fuq dawk ta’ qablu, jirriżulta illi l-kummerċ miftiehem li kellu jsir u li kien qed isir bejn Malta u l-Unjoni Sovjetika, ġie fi stadju illi max-xoljiment ta’ l-istess Unjoni Sovjetika, kien hemm xogħol maħdum jew meqjus li qed jinħadem mill-kumpaniji Maltin illi spiċċa fil-Port Ħieles u f’Port fi Vienna (xogħol li kien telaq minn Malta fl-era ta’ l-Unjoni Sovjetika, u wasal fir-Russja wara li xoljiet l-Unjoni). Għaldaqstant dan irriżulta f’bilanċ li Malta kellha tieħu fuq il-merkanzija kif ukoll fi ħlasijiet li kellhom isiru lill-port fi Vienna. Saru negozjati twal bejn il-Ministeri Maltin u dawk Russi (li kienu marbuta wkoll ma dawk tal-Vapuri Russi). Peress li l-Gvern Russu qatt ma ried jirrikonoxxi dawn id-djun, ġie deċiż li d- Deutsche Bank jassisti lill-Gvern Malti, billi daħal ukoll għad-dejn tal-Kumpanija Russa. Riżultat ta’ dan, Malta rkuprat mid- Deutsche Bank is-somma ta’ US$6M oħra. Ninsab infurmat li sal-lum, id- Deutsche Bank għadu lanqas ġabar sold mingħand il-Gvern Russu, la fuq il-vapuri u lanqas fuq il-Protokoll mar-Russja.

Kumpanniji privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-mument kemm huwa n-numru ta' kumpanniji privati f'Malta u Għawdex separatament li waqgħu lura fil-ħlasijiet dovuti għall-bolla tan-National Insurance? Kemm hija ċ-ċifra f'somma ta' flus involuta? Fil-fatt kemm huwa n-numru globali ta' ħaddiema involuti abbażi ta' din iċ-ċifra rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ kumpaniji li waqgħu lura fil-ħlasijiet dovuti għall-bolla tal-NI f’Malta u f’Għawdex huwa ta’ 1,894 u 57 rispettivament. Iċ-ċifra ta’ flus involuti hija ta’ €13,457,759 f’Malta u €259,728 f’Għawdex. In-numru ta’ impjegati mhux relevanti peress li meta jiġu mogħtija l-FS3 fl-aħħar ta’ kull sena, l-ammonti li jkunu nqatgħu mis-salarju jiġu kkreditati lil kull ħaddiem min- naħa tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Kumpanniji privati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3977 u jgħid fil-mument kemm huwa n-numru ta' kumpanniji privati f'Malta u Għawdex separatament li waqgħu lura fil-ħlasijiet dovuti għall-bolla tan-National Insurance? Kemm hija ċ-ċifra f'somma ta' flus involuta? Fil-fatt kemm huwa n-numru globali ta' ħaddiema involuti abbażi ta' din iċ-ċifra rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3977.

Timber carriers Russi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3541 u cioè: b'riferenza għal mistoqsija parlamentari 1299, jista' l-Ministru jgħid allura x'ġara mill-bqija tal-flus dovuti meta skont Ministru ieħor fi tweġiba oħra kien qal li l-ammont dovut huwa ta' USD70,725,000 u l-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD50,718,261? Jista' jgħid ukoll x'ġara mill-fondi tal-protokoll dovut mir-Russja ta' bejn l-1987-1990 li l-ammont dovut s'issa ma kienx magħmul pubbliku u mill-fondi tal-Malta-Russia Trade Exchange Protocol of 1992?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3541.

Timber carriers Russi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 4816 u 3541 u cioè: b'riferenza għal mistoqsija parlamentari 1299, jista' l-Ministru jgħid allura x'ġara mill-bqija tal-flus dovuti meta skont Ministru ieħor fi tweġiba oħra kien qal li l-ammont dovut huwa ta' USD70,725,000 u l-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD50,718,261? Jista' jgħid ukoll x'ġara mill-fondi tal-protokoll dovut mir-Russja ta' bejn l-1987-1990 li l-ammont dovut s'issa ma kienx magħmul pubbliku u mill-fondi tal-Malta-Russia Trade Exchange Protocol of 1992?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3541.

Malta Enterprise — Ftehim mal-inkwilini tal-fabbriki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ ftehim għandha l-Malta Enterprise mal-inkwilini tal-fabbriki fl-industrial estates kollha? Jista’ jgħid kemm hemm kirjiet, ċnus u xi forom oħra ta’ ftehim?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise ma tallokax fabbriki fl-Oqsma Industrjali. Din il-funzjoni hi eżerċitata mill-Malta Industrial Parks Limited. Hemm diversi tipi ta’ ftehim, l-iktar komuni huma kirjiet, ċnus u konċessjonijiet enfitewtiċi. Sal-lum hemm: Kuntratti ta’ Kera: 98 Konċessjonijiet Enfitewtiċi: 200 Permessi ( Encroachment ): 29 Hemm 348 letter of intent jew ittra ta’ allokazzjoni li għad iridu jimmaterjalizzaw f'kuntratti ta’ kera jew ċens. Hemm ukoll żewġ kuntratti li jagħtu l-possibilita li jsir ftehim ta’ kera.

Timber carriers Russi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 5340, 4816 u 3541 u cioè: b'riferenza għal mistoqsija parlamentari 1299, jista' l-Ministru jgħid allura x'ġara mill-bqija tal-flus dovuti meta skont Ministru ieħor fi tweġiba oħra kien qal li l-ammont dovut huwa ta' USD70,725,000 u l-imgħax bir-rata ta' 6.75% huwa ta' USD50,718,261? Jista' jgħid ukoll x'ġara mill-fondi tal-protokoll dovut mir-Russja ta' bejn l-1987-1990 li l-ammont dovut s'issa ma kienx magħmul pubbliku u mill-fondi tal-Malta-Russia Trade Exchange Protocol of 1992?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3541.

Twaqqiegħ ta' bini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm interventi ta' twaqqiegħ ta' bini fuq art tal-gvern fid-diversi nħawi ta' Malta? Fejn saru dawn l-interventi? Jista' jagħti tagħrif dwar fejn u kemm kien hemm okkazjonijiet fejn minkejja l-fatt li kien hemm permessi għall-bini min-naħa tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar xorta waħda twaqqa' dan il-bini?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-interventi għat-twaqqiegħ ta’ bini fuq art tal-Gvern f’diversi nħawi f’Malta u Għawdex, f’dawn l-aħħar snin, kienu dawn li ġejjin: Sena Deskrizzjoni u Lokalita’ 2009 Magic Kiosk, Sliema Il-Cibo Restaurant, Qui Si Sana (demoliti mis-sid) Diversi strutturi illegali f’Selmun (dan l-intervent sar flimkien mal-MEPA) Ħajt ta’ Għalqa fis-Siġġiewi 2008 Diversi strutturi (iktar minn għoxrin) f’ caravan site Baħar Iċ-Ċagħaq Binja f’Bengħajsa Ftuħ ta’ sqaq f’Għajnsielem Strutturi f’Wied il-Qlejja, Mosta Ftuħ ta’ Sqaq f’San Pawl tat-Tarġa, Naxxar Struttura fi Jews Sally Port, Valletta 2007 Erba’ strutturi wara iċ-Ċentru Islamiku, Raħal Ġdid Ħamsin struttura fil-Kalkara (proġett ta’ Smart City) Għoxrin Struttura f’Bengħajsa (proġett ta’ l-Enemalta) 2006 Tmintax-il struttura u ammont sostanzjali ta’ mansab fil-Kalkara (proġett ta’ Smart City) Tlett huts u kamra f’Crown Work ditch, Floriana Dar fi Triq il-Fatati, Ħamrun Kamra wara l- Carnival huts fil-Floriana Fil-każi kollha msemmija, id-Dipartiment ta’ l-Artijiet waqqa’ l-bini wara li għamel żgumbrament skond il-Kapitlu 228 (Att dwar Żgumbrament minn Artijiet). Għaldaqstant id-Dipartiment ta’ l-Artijiet ma jidħolx fil-kwistjoni jekk il-bini sarx bil-permess ta’ l-Awtorita’ Maltija tal-Ippjanar u Ambjent jew le. Huwa utli li jiġi mtenni li anki fejn il-MEPA toħroġ permess dan il-permess dejjem joħroġ mingħajr priġudizzju għad-drittijiet ta’ terzi. Dan ifisser li d-drittijiet ta’ sid l-art qatt ma jistgħu jiġu ppriġudikati għax ikun inħareġ permess. Dan jgħodd ukoll għal meta s-sid ta’ l-art ikun il-Gvern.

Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme — Kumpanniji - trasferiment minn Malta għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme tapplikax għal kumpanniji li jittrasferixxu l-operat tagħhom minn Malta għal Għawdex? Jista’ jgħid kemm kumpanniji bbenefikaw minn din l-iskema mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-aħħar ta’ Diċembru 2008? Jista’jagħti l-valur tal-benefiċċju li rċevew, in-numru ta’ ħaddiema li dwarhom ingħata l-benfiċċju u kemm minn dawn il-ħaddiema kienu impjegati ġodda? Jista’ jagħti dan it-tagħrif xahar b'xahar u skond in-natura tan-negozju tal-kumpanniji, eż. manifattura, ICT, call centres, farmaċewtika, eċċ.?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-‘Gozo Regeneration – Investment Scheme’ kienet immirata għas-settur tal-manifattura li joħolqu mpjiegi ġodda. Matul is-sena 2008 ġiet introdotta skema oħra amministrata bejn l-ETC u l-Malta Enterprise, il-‘Gozo Employment Aid Scheme’, illi effettivament ħadet post il-‘Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme’ għaliex it-tieni skema tingħata anki fuq impjegat wieħed u tista tingħata lis-setturi kollha. Għad-dettalji dwar il-‘Gozo Employment Aid Scheme’ nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 5789. Taħt il-‘Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme’, fil-perjodu imsemmi laħqet ibbenefikat kumpanija waħda fil-manifattura. L-ammont tal-benefiċċju approvat kien ta’ €108,292, u kien jirrigwarda 14-il impjegat ġdid.

Għawdex — Employment Aid - kumpanniji li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kumpanniji bbenefikaw mill-iskema ta’ employment aid għal Għawdex mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-aħħar ta’ Diċembru 2008? Jista’ jagħti l-valur tal-benefiċċju li ħadu u n-numru ta’ ħaddiema ġodda li impjegaw? Kemm minn dawk li kienu ngaġġati mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-aħħar ta’ Settermbru 2007 kienu qed jirreġistraw għax-xogħol qabel l-ewwel ta’ Jannar 2007? Kemm minn dawk li kienu ngaġġati minn Ottubru 2007 ‘l hawn kienu qed jirreġistraw qabel Ottubru 2007? Jista’ jagħti dan it-tagħrif xahar b'xahar u skond in-natura tan-negozju tal-kumpanniji?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi: a) Fis-sena 2007, il-Malta Enterprise u l-ETC kienu ħabbru l-iskema ‘Gozo Employment Aid’ fejn min iħaddem impjegat li jkun ikklassifikat taħt il-kategorija ta’ ‘Disabled and Disadvantaged’ jingħata nofs il-paga ta’ sena ta’ l-impjegat imsemmi bħala inċentiv. Mill-2008, dan l-inċentiv ġie mwessa’ billi tneħħa l-limitu ta’ ħames impjegati. b) In-numru ta’ kumpaniji li ġew approvati taħt din l-iskema kien: · 2007 - waħda · 2008 – disa’ u disgħin c) Il-valur ta’ assistenza approvata kien: · 2007 - €81,530 fuq erbatax-il persuna · 2008 - €1,310,438 fuq mitejn, erbgħa u sittin persuna d) Sa l-aħħar ta’ Diċembru 2008 tħallsu €205,679. L-inċentiv hawn fuq imsemmi jitħallas lil min iħaddem wara sena minn meta jkun impjega l-persuna kkonċernata, għalhekk il-bilanċ li fadal ser jitħallas kollu matul l-2009. Rigward il-parti tal-mistoqsija fejn qed jiġi mistoqsi kemm minn dawn l-impjegati li bbenefikaw taħt din l-iskema kienu qed jirreġistraw għax-xogħol qabel l-ewwel ta’ Jannar 2007, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Ta’ min jinnota illi mill-2009 dan l-inċentiv ser ikun trasferit taħt l-‚Employment Aid Scheme’ amministrata mill-ETC weħidha u ffinanzjata minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja.

Fabbriki — Nuqqas ta' ordnijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki jew kumpanniji li kellmu jew infurmaw lill-Gvern li qed ikollhom diffikultajiet minħabba nuqqas ta’ ordnijiet u li qed jaħsbu li jnaqqsu l-ħaddiema tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi disgħa kumpanniji tkellmu mal-Gvern li qegħdin f’diffikultajiet peress li kellhom nuqqasijiet fl-ordnijiet fil-kotba tagħhom. Il-Gvern qiegħed f’diskussjonijiet ma dawn il-fabbriki biex l-impatt fuq il-ħaddiema ikun minimizzat.

Numru ta' karozzi, muturi u trakkijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru: a) ta' karozzi ġodda b) ta' muturi ġodda ċ) ta' trakkijiet u heavy plants ġodda oħra reġistrati f'Malta u f'Għawdex matul is-sena 2008? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għal dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta' Qali Crafts Village — fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5562 u jgħid x'ser isir mill-fabbriki li kienu fil-Crafts Village f'Ta' Qali issa li ġie deċiz li l-Crafts Village mhux ser tibqa' f'Ta' Qali iżda se jmur fl-inħawi tal-Baċir numru 1, f'Bormla?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5562.

Dħul minn taxxa ta' qliegħ kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' dħul minn taxxa ta' qliegħ kapitali separatament għal kull sena għas-snin 2006, 2007 u 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Sena 2006 € 70,108,910 Sena 2007 € 106,677,398 Sena 2008 € 80,300,955

Timber carriers Russi

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5724, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi d-diffikultà biex iwieġeb il-mistoqsijiet imsemmija f’diversi mistoqsijiet parlamentari li saru?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3541.

Appartamenti tal-gvern — ilmenti fuq ħmieġ fil-partijiet komuni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5833, 5618 u 5275 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġew riferuti lilu u jgħid jekk hemmx arrangamenti għal residenti f'appartamenti tal-gvern mogħtija għall-kiri li jridu jagħmlu ilmenti dwar ħmieġ u akkumulazzjoni ta' imbarazz fil-partijiet komuni tal-appartamenti fejn qed jgħixu trabi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5833.

Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — banek - strumenti finanzjarji extra bankarji

Question

Peress illi banek lokali jaġġixxu wkoll ta' brokers għall-bejgħ ta' strumenti finanzjarji li huma extra bankarji, jaħsibx il-Ministru li l-Gvern tali prodotti promossi mill-banek għandhom jkunu regolati mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skond l-Att dwar is-Servizzi ta’ Investiment (Kap. 370) kull persuna li toffri xi servizz ta’ investiment għandha bżonn liċenzja maħruġa mill-awtorita’ kompetenti u cioe’ l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta. Dan japplika wkoll għall-banek kummerċjali. Għaldaqstant dawk il-banek li joffru servizzi ta’ investiment lill-klijenti tagħhom (per eżempju, jaġixxu ta’ brokers ghall-bejgħ ta’ strumenti finanzjarji li huma extrabankarji) ikollhom żewġ liċenzji maħruġa mill-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, u cioe’: waħda maħruġa taħt l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371) sabiex ikunu jistgħu joperaw bħala bank kummerċjali u oħra taħt l-Att dwar is-Servizzi ta’ Investiment. Kemm l-Att dwar is-Servizzi ta’ Investiment kif ukoll ir-regoli li l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta timponi fuq kull min għandu liċenzja maħruġa taħt l-imsemmi Att jirrispekkjaw id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja numru 2004/39/EC (il-“ Markets in Financial Instruments Directive ” magħrufa bħala il-MIFID). Għaldaqstant l-i standards ta’ regolamentazzjoni li l-Awtorita’ teżiġi minn intermedjari finanzjarji liċenzjati minnha huma konformi ma’ dawk imposti fuq intermedjari finanzjari bbażati f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja. Qabel ma l- Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta toħroġ liċenzja lil persuna biex tkun tista’ toffri servizz ta’ investiment, hija tagħmel ċerti verifiki dwar il-persuna li tkun applikat għal tali liċenzja. Dawn il-verifiki jirrigwardaw l-integrita’, l-istat finanzjarju (solvency) kif ukoll il-kompetenza ta’ l-applikant dwar il-prodotti li fir-rigward tagħhom ikun irid joffri servizz t’investiment. Ġaladarba dawn il-verifiki jkunu sodisfaċenti, l-Awtorita’ toħrop liċenzja taħt l-Att dwar is-Servizzi ta’ Investiment lill-applikant. Il-persuna li tingħata liċenzja sabiex toffri dan is-servizz tkun suġġetta għar-regolamenti, maħruġa mill-istess Awtorita`, dwar il-mod kif persuna liċenzjata għandha toffri s-servizzi li għalihom tkun ġiet liċenzjata ( conduct of business rules ). Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dawn ir-regolamenti hu li l-klijenti jirċievu servizz professjonali mingħand il-persuni liċenzjati u li jkunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet nformati dwar l-investimenti li jagħmlu. Fir-rigward ta’ prodotti finanzjari, per se, skond l-Att tas-Servizzi ta’ Investiment, kull skema ta’ investiment kollettiv ibbażata f’Malta, jew li tiġi promossa attivament f’Malta, permezz ta’ reklamar ecc, għandha tkun liċenzjata mill-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta – bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ investiment kollettiv awtorizzati u regolati bħala UCITS f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Eworpea. Prodotti oħrajn m’għandhomx bżonn liċenzja, iżda kull persuna li tbiegħ tali prodotti għandha tkun liċenzjata taħt l-imsemmi Att skond il-proċedura fuq imsemmija.

Taxable turnover — VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-taxable turnover rigward il-VAT għas-snin 2006, 2007 u 2008 f'Malta u Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-taxable turnover rigward il-VAT għas-snin 2006, 2007 u 2008 f’Malta u Għawdex separatament kif rapportatat fid-denunzji tal VAT kienet kif ġej: Gozo only Taxable @ 18% € Taxable @ 5% € Total Taxable € 2008 194,893,940.02 19,129,912.38 214,023,852.40 2007 193,221,435.40 17,689,868.33 210,911,303.73 2006 175,633,130.51 16,299,640.80 191,932,771.31 Malta only € € Total Taxable € 2008 5,455,672,072.79 686,365,203.96 6,142,037,276.75 2007 5,361,763,361.70 822,547,305.38 6,184,310,667.08 2006 4,658,738,733.50 676,556,130.53 5,335,294,864.03