Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ftehim bejn Gvern u Consortium

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20926 ma’ tpoġġa ebda dokument fuq il-Mejda tal-Kamra, imma l-Ministru wieġeb li ser ipoġġi dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra f’seduta oħra, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi dan il-ftehim kif mitlub fil-mistoqsijiet parlamentari 21424 u 20926?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 21424.

Ċimiterju tal-Addolorata -maintenance agreement – nefqa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21425, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-imsemmi maintenace agreement? Jista’ jgħid ukoll xi ħlas qed jintalab lil-pubbliku fejn jidħol użu, tindif u maintenance tal-oqbra fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 21424, ninfurmaha ukoll illi rigward għall-użu, tindif u manutenzjoni tal-oqbra fiċ-ċimiterju tal-Addolorata is-segwenti huma il-ħlas li jintalab skont Avviż Legali 353 tal-2018: Ħlas (€) inkl. tal- VAT Għal eżumazzjoni u/jew għat-trasferiment ta' fdalijiet fl-ossarju fl-istess qabar, jew għat-trasferiment tal-fdalijiet fl-ossarju komunali jew fl-ossarju użat għal dak il-qabar 59.00 Għal tindif ta’ qabar 47.20 Għat-tneħħija ta' fdalijiet minn qabar għal qabar ieħor fl-istess ċimiterju 47.20 Għat-tneħħija ta' fdalijiet minn qabar għal qabar ieħor f’ċimiterju ieħor 88.50 L-imsemmija drittijiet huma applikabbli fuq kull dritt li jista’ jkun pagabbli fuq kull katavru u ma jinkludux kull dritt li jista' jkun pagabbli lill-Pulizija jew awtorità kompetenti oħra għal permessi relatati ma' dfin jew eżumazzjoni.

Strateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali u x’qiegħed isir biex dawn l-għanijiet jintlaħqu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed nerga inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali. Dan diġa kien tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra fis-seduta 249, tas-17 ta’ Lulju tal-2019.

Professjonisti fil-Qasam tas-Saħħa Mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm professjonisti neqsin fil-qasam tas-saħħa mentali fil-preżent f’pajjiżna? Xi professjoni jħaddnu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 543 professjonist jagħti s-servizzi tiegħu fil-qasam tas-Saħħa Mentali. Peress illi qiegħed isir żvilupp kbir f’dan il-qasam, il-compliment tal-professjonisti qiegħed dejjem jiżdied.

Għajnuna lill-familji ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’sapport qiegħed jingħata lill-familji li jieħdu ħsieb xi membru tal-familja tagħhom, li għandu problema ta’ saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Occupational Therapists li jaħdmu fil-komunita’ joffru tagħrif, pariri u sapport professjonali lill-familjari ta' klijenti li jużaw dawn is-servizzi. Dawn isiru l-iktar fuq bażi individwali peress li jingħata servizz li jiffoka fuq il-persuna. Is-sessjonijiet jingħataw face-to-face, bit-telefon jew online. L-Occupational Therapists li jaħdmu fil-komunita’ jiġu nvoluti (skont l-imxija tal-Covid-19 u pariri tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika) fi gruppi ta’ tagħrif u tagħlim, pero ma jsirx biss mal-familji li jibbenfikaw mis-servizzi tagħna. Fuq il-punti tal-istrateġija nazzjonali, l-Occupational Therapists qed jaħdmu biex jilħqu kemm jista’ jkun familji u dan qed isir permezz ta’ webinars online, li jsiru darba f’xahar u huma miftuħin kemm għal-service users u l-familjari tagħhom, kif ukoll għall-pubbliku. Isir ukoll kollaborazzjoni ma’ diversi NGO’s biex il-qraba jingħataw pariri u tagħlim professjonali. Il-qraba ta' persuni b'diffikulta’ ta' saħħa mentali, skont il-bżonn, u kemm jista' jkun f'ħidma terapewtika id f'id mal-pazjent: - jiġu mistiedna għall-ward round - jiġu riferuti għas-servizz tal-qraba fl-Isptar Monte Carmeli - jingħataw tagħrif dwar l-għaqdiet mhux governattivi, bħal Mental Health Association - jingħataw appoġġ u gwida mill-occupational therapist, b'kollaborazzjoni ma' membri oħra tat-tim multidixxiplinarju - qraba u out-patients għandhom il-faċilita li jagħmlu kuntatt telefoniku. Minn naħa tad-Dipartiment tal-Psikoloġija jiġu offruti sessjonijiet ta' terapija psikoloġika lill-qraba tal-pazjenti li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar Monte Carmeli. Jiġu offruti wkoll sessjonijiet ta' Family Therapy fejn ikun hemm bżonn. Minn Lulju ta’ din is-sena se jiġu offruti sessjonijiet f'ambjent ta' gruppi lill-familjari tal-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar. Il-familjari tal-pazjenti li jirċievu l-kura fil-komunita' ukoll ikollhom l-opportunita' li jirċievu sessjonijiet ta' terapija psikoloġika jekk dawn ikunu jixtiequ. Id-Dipartiment tal-Psikoloġija flimkien mal-konsulent Psikjatra qed iħejju pjanijiet biex fiż-żmien li ġej jibda jiġi offrut ukoll sapport f'ambitu ta' grupp lill-qraba tal-pazjenti tal-Acute Wards ġewwa l-isptar Monte Karmeli. Il-pazjenti li jirċievu l-kura fil-kliniċi tas-saħħa mentali fil-komunita, jiġu segwiti flimkien mal-familjari tagħhom skont il-ħtieġa u jingħataw ukoll sapport u sostenn bħala unit wieħed, dejjem jekk il-pazjent jagħti kunsens għal dan. Il-professjonisiti fejn hemm bżonn jirreferu wkoll l-membri familjari skont il-ħtieġa għas-servizz meħtieġ. Tingħata wkoll edukazzjoni fuq il-kundizzjoni mentali lil-familjari u kif dawn għandhom jassistu lil persuna qarib/a tagħhom u kif dawn jistgħu jgħinu lill-pazjent fil-management tal-mediċini li jkunu ġew preskritti mill-psikjatra kuranti.

Raħal Ġdid – Ġnien il-Mediterran — għajnuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'għajnuna se tingħata mill-Ministeru sabiex Ġnien il-Mediterran Raħal Ġdid jinżamm aħjar u jingħata d-dinjità li ħaqqu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat, ngħarrfu ukoll illi l-masġar ta’ tifkira għall-vittmi tal-Covid 19 ser isir fil-ġnien imsemmi minnu.

Sptarijiet — Staff complement ta’ nurses u tobba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-istaff complement ta’ nurses u tobba li jaħdmu ġewwa l-isptarijiet u kemm minnhom huma barranin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-qasam tas-Saħħa hemm 3,708 infermiera li minnhom 500 huma barranin u 1541 tobba li minnhom 126 huma barranin.

Persuni interdettjati ħabba mard

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21149, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġew interdettjati persuni f’dawn l-aħħar 10 snin minħabba mard?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 20828.

Ministeru għas-Saħħa — siġar u pjanti miżrugħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm l-afforestazzjoni ma tagħmilx parti mid-dekasteru ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u d-dipartimenti li jagħmlu parti mill-Ministeru għas-Saħħa fl-aħħar snin żergħu madwar 138 siġra u mas-7000 pjanti.

Ministeru għas-Saħħa — karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u jgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-karozza ministerjali hija mikrija għal € 28.44 (VAT eskluż) kuljum.

Ministeru għas-Saħħa- karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15247 u jgħid kemm hemm karozzi mikrija jew mixtrija li jintużaw mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu u f’liema sena ġew mixtrija jew mikrija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent, fid-dipartimenti u l-entitajiet tal-Ministeru għas-Saħħa hemm 30 karozza fuq kuntratt ta’ leasing, 20 mikrija u 54 mixtrija. Dawn jinkludu ukoll n-numru ta’ ambulanzi li jagħtu servizz lill-pazjenti tagħna mill-isptarijiet.

Ministeru għas-Saħħa – nefqa fuq reklamar u marketing

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21203 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali jgħixu ġo djar jew faċilitajiet dedikati lil dawn il-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hemm 181 persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali jgħixu ġo djar jew faċilitajiet oħra fil-komunita’, kif ukoll 210 fl-isptar Monte Carmeli.

Persuni li għandhom problema ta’ obeżità jew eating disorder — residenzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm jgħixu persuni ġo residenzi ddedikati għall-persuni li għandhom problema ta’ obeżità jew eating disorder ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm 7 residenti f’Dar Kenn Għal Saħħtek li għandhom problema ta’ obeżità jew eating disorder.

Każijiet ta’ trabi li kienu jeħtieġu li jiġu airlifted mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21257, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li fost id-disa' trabi li ġew trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei b'ambulanza mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-aħħar ħames snin, kien hemm każ reċenti fejn it-tarbija kienet fl-inkubatur u dan l-inkubatur ma qagħadx fil-helicopter ta' Steward Healthcare u għaldaqstant, it-trasferiment kellu jsir bl-ambulanza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar każ fejn tarbija ġiet trasferita lejn Mater Dei b’ambulanza, it-trasferiment sar wara deċi¿joni konguta bejn il-konsulent tal-anestesija, il-konsulent pedjatra kif ukoll bil-kunsens tal-ġenituri tal-istess tarbija u dan fl-aħjar interess tas-saħħa tat-tarbija nnifisha. Mhux minnu li l-inkubatur in kwistjoni ma’ joqgħodx fl-Air Ambulance ta’ Steward Healthcare.

Formularju tal-Mediċini — Xeralto

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17880, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ix-Xeralto ġietx approvata mill-kumitat tekniku tal-GFLAC?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru l-preparamenti neċessarji sabiex jiddaħħlu aktar Novel Anticoagulant Drugs fil-formularju tal-gvern.

Ċimiterju tal-Addolorata – xogħol ta’ tkabbir

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ tkabbir taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi permess tal-imsemmi proġett fejn ser ikun hemm disponibbli 2,880 oqbra ġodda, l-kostruzzjoni ta’ 1,106 minn dawn l-oqbra huwa lest u għaddej il-proċess biex jiġi iffinalizzat il-kuntratt tagħhom, fejn ta’ uħud diġa sar. Dan il-proġett, apparti l-bini ta’ oqbra ġodda jinvolvi ukoll xogħlijiet ta 'restawr fuq bini, monumenti u strutturi tal-gvern inklużi ħitan tal-konfini u ħitan ta' rfigħ, kemm daħliet, turġien u passaġġi huma lesti. Ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett li huma lesti huma l-Chaplains Building, Exedra, Depost, Gatt Chapel, l-monument tas-Sette Giugno, l-Mortuary, l-oqbra komuni kif ukoll l-ex Komun tat- Trabi. Ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa huma l-Ħajt tal-konfini, kamra għal-ħaddiema, Via Crucis, Cross & Decorative Curbs, Ossarji, il-Binja tal-amministrazzjoni, il-kripta kif ukoll il-kappella (li mistennija tkun lesta fl-2023). Qed isir xogħol ukoll f’toroq interni fejn se jkun inkluż it-trasmissjoni ta’ servizzi CCTV, Data, Provvista ta’ Ilma u Enerġija eċċ fil-parti tat-tramuntana taċ-ċimiterju flimkien mar-rinnovazzjoni tal-pjazza quddiem id-daħla prinċipali. Dawn għandhom jitlestew fi żmien 4 ġimgħat.

Ċimiterju tal-Addolorata – maintenance agreement — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm qed jiswa fis-sena l-maintenance agreement taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Maintenance Agreement taċ-Ċimiterju tal-Addolorata qed jiswa lil-Amministrazzjoni Pubblika Eur53,266 fis-sena.