Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #22812 Sitting 312 2011-02-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — allegati abbużi bejn gwadjani u priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-lum kemm waslu rapporti għand l-awtoritajiet tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin ta’ allegati abbużi sesswali bejn gwardjani tal-ħabs u priġunieri? Jista' jgħid fiex waslu dawn l-investigazzjonijiet u jekk l-awtoritajiet qattx nedew xi investigazzjonijiet dwar dan minn rajhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin saru rapporti dwar l-allegati abbużi msemmija mill-Onorevoli Interpellant, però saru allegazzjonijiet fil-pubbliku u fuq il-mezzi tax-xandir u fuq dawn saret inkjesta Maġisterjali mexxija mill-Maġistrat Dr Giovanni Grixti.
Leg 11 PQ #23227 Sitting 312 2011-02-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — Dipartiment tal-Forensika - taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intbagħtu persuni mid-Dipartiment tal-Forensika tal-Pulizija għal taħriġ f'dawn l-aħħar tliet snin, u fejn intbagħtu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-aħħar tliet snin, minbarra t-taħriġ li kull membru tal-Korp tal-Pulizija jingħata regolarment kull xahar, kien hemm 7 membri mit-Taqsima tal-Laboratorju Forensiku tal-Pulizija li b’kollox attendew 14-il course ta’ taħriġ, 3 f’Malta u 11 barra minn Malta.
Leg 11 PQ #23390 Sitting 312 2011-02-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

kawżi dwar żgumbrament minn abitazzjonijiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' kawżi għal żgumbrament minn abitazzjonijiet mikrija matul l-2010? Kemm sentenzi nqagħtu fil-Qrati Maltin matul l-istess perjodu u f'dawk il-każijiet li nqagħtu favur is-sid, kif qed jiġi assigurat li l-iżgumbrament isir?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010 ġew introdotti 149 kawża ta’ żgumbrament li minnhom 57 quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Malta) u 92 quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera. Dawn il-kawżi ta’ żgumbrament jirrigwardjaw kemm żgumbramenti minn abitazzjoni mikrija u kemm minn postjiet oħra inġenerali. Infurmat ukoll illi ma tinzamm l-ebda statistika li tirrigwarda biss fondi ta’ abitazjoni mikrija u lanqas ta’ kemm jiġu deċiżi kawzi ta’ żgumbramenti. Meta jkun hemm kawza ta’ żgumbrament isir mandat ta’ żgumbrament skont il-ligi u tali żgumbrament jiġi ezegwit mill-marixxall immedjatament salv in-notifika li tkun trid issir skont il-liġi. Matul is-sena 2010 ġew ippreżentati 64 mandat ta’ żgumbrament. Fil-każ tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), ninsab infurmat illi matul l-2010 ġew preżentati 16-il kawża għall-żgumbrament li minnhom 11 dehru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati(Għawdex), Superjuri u 5 quddiem il-Bord li jirrregola l-kera abitazzjonijiet mikrija. Dawn il-kawżi ta’ żgumbrament jirrigwardaw kemm abitazzjonijiet kif ukoll postijiet oħra in ġenerali. Infurmat ukoll illi ma tinżamm ebda statistika dwar x’tip ta’ immobbli jkun u lanqas statistika ta’ kemm jiġu deċiżi kawżi ta’ żgumbrament. Matul l-istess perijodu ġew preżentati wkoll 4 mandati ta’ żgumbrament li wieħed minnhom ġie miċħud u ieħor ġie sospiż. .
Leg 11 PQ #23393 Sitting 312 2011-02-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni fuq probation

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li qegħdin fuq probation u li jridu jirrapportaw fl-għassa tal-lokal fejn joqogħdu? B'liema frekwenza jridu jirrapportaw fl-għassa? Kif inhuma maqsuma lokal, lokal dawk li qegħdin fuq probation?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 484 persuna taħt probation. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuna taħt probation ma tirrekjedix li tirrapporta l-għassa. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta' persuni li ġew irreferuti l-Uffiċċju tal-Probation matul l-2010 li kien jammonta għal 418.
Leg 11 PQ #23394 Sitting 312 2011-02-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni taħt it-18-il sena li jinsabu taħt probation

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' żgħażagħ taħt it-18-il sena li jinsabu taħt probation? Minn liema lokalitajiet (individwalment) huma dawk li qegħdin hekk taħt probation?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 66 persuna taħt it-18-il sena taħt probation . Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' lokalitajiet tagħhom.

Persuni li nqabdu jidħlu Malta b'mod irregolari

Question

Jista' l-Ministru jagħti satistika ta' kemm finalment nqabdu persuni jidħlu Malta b'mod irregolari matul is-sena 2010? X'kien il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom u b'liema mod ta' trasport daħlu f'Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010 ma kien hemm ebda każ ta’ persuni li nqabdu jidħlu Malta b’mod irregolari. Però kien hemm żewġ okkazzjonijiet fejn il-Forzi Armati niżżlu Malta 47 persuna – 28 Somali, 16 Eġizzjan u 3 Libjani – wara li d-dgħajjes li kienu fuqhom kienu f'diffikultà.

Traffikar ta' persuni umani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni li kienu mdaħħlin f'Malta permezz ta' organizzazzjoni organizzata u allura dan it-traffikar uman kien destinat li jgħaddi minn Malta matul is-sena 2010? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn il-persuni li kienu qed jiġu traffikati u jekk dan in-numru żdiedx jew naqasx meta ikkomparat mal-figuri tas-snin 2009/2008/2007/2006?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra ma kien hemm ebda każ ta’ persuna li kienu involuti f’attivita' kriminali ta’ traffikar ta’ persuni.
Leg 11 PQ #23301 Sitting 311 2011-02-08 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — food entitlement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-ministeru u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu li għandhom food entitlement? Jista’ jgħid kemm hu l-budget allokat kull sena u kemm kienet in-nefqa f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fi ħdan il-Ministeru u d-dipartimenti li jifformaw parti minnu ma hemmx impjegati intitolati għal food entitlement u lanqas ma hemm budget allokat għal dan il-għan.
Leg 11 PQ #23384 Sitting 311 2011-02-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Spezzjonijiet fuq persuni barranin li joqogħdu Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Pulizija tagħmilx spezzjonijiet partikulari biex tassigura li l-barranin li joqogħdu Malta jkollhom kollox in regola? Hemm xi permessi speċjali li persuna barranija trid tapplika għalihom jekk trid toqgħod hawn Malta? Jekk iva, x'inhuma dawn il-permessi meħtieġa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kontinwament tagħmel spezzjonijiet għall-persuni ta’ nazzjonalità barranija li jistgħu jkunu Malta wara li jkun skadietilhom il-visa. Fil-fatt, infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra kien hemm 196 persuna li nstabu li kienu Malta irregolarment . Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi barranin li jkunu jridu joqogħdu Malta huma meħtieġa li japplikaw għall-permess, liema permessi jinħarġu mid-Dipatiment tas-Citizenship and Expatriates Affairs, fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Leg 11 PQ #23400 Sitting 311 2011-02-08 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Fond għall-Vittmi tal-Kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta twaqqaf il-Fond għall-Vittmi tal-Kriminalità u min huma dawk li huma eliġibbli li jitolbu għal kumpens minn dan il-Fond? X’għandna nifhmu eżattament bil-kliem "vittmi tal-kriminalità"?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jeżisti ebda fond li jġib l-isem imsemmi fid-domanda. Madankollu l-Onorevoli Membru jista’ jinnota li matul iż-żmienijiet l-Gvern ħass il-bżonn illi s-soċjetà tikkompensa lill-vittmi ta’ ċerti tipi ta’ reati li jeffettwwaw l-ordni pubbliku fil-pajjiż. Fis-snin 70 it-Teżor kien beda jamministra skema illi kienet tikkompensa lill-vittmi ta’ attakki bil-bombi. Din l-iskema kompliet. Fl-1988 il-Kabinett kien iddeċieda li jingħata kumpens lill-vittmi ta’ reati li jkunu seħħu bħala riżultat ta’ falliment fiż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u f’ sitwazzjonijiet fejn il-membri tal-Korp tal-Pulizija ikunu sofrew dannu fuq il-persuna tagħhom bħala rizultat tal-qadi ta’ dmirijiethom. Din l-iskema tkompliet ukoll. Aktar reċentement, abbażi ta’ direttiva ta’ l-Unjoni Ewropeja, ġie provdut għall-għoti ta’ kumpens lill-vittmi ta’ ċerti tipi ta’ reati vjolenti fuq il-persuna permezz ta’ l-Avviz Legali 190 ta’ l-2007.
Leg 11 PQ #23401 Sitting 311 2011-02-08 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Fond tal-Vittmi tal-Kriminalità — persuni li jikkawlifikaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura li biha persuna li tħoss li tkun spiċċat vittma ta’ att kriminali, tapplika għall-kumpens mill-Fond tal-Vittmi tal-Kriminalità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Fir-rigward ta’ talbiet magħmula taħt l-Avviż Legali 190 ta’ l-2007 il-proċedura hija dik stipulata fl-istess Avviż Legali u għall-benefiċċju ta’ l-Onorevoli Membru qiegħed jiġi riprodott r-regolament rilevanti: “Talba għal kumpens. 4. (1) Talba għall-kumpens taħt dawn ir-regolamenti ssir lill-Uffiċjal Assistent u tiġi mgħoddija lill-Ufficjal dwar it-Talbiet li jiddeċiedi dwar l-għotji u ħlasijiet ta’ kumpens. L-Uffiċjal dwar it-Talbiet jinħatar skont dawk il-pattijiet u kondizzjonijiet kif il-Ministru jqis xierqa. (2) It-talbiet għandhom jigu sottomessi f’perjodu raġonevoli ta’ żmien u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sena minn meta jkun kommess id-delitt volontarju bi vjolenza. L-applikazzjonijiet għandu jkollhom magħhom ir-rapport tal-Pulizija " . It-talbiet għandhom isiru fil-Justice Unit, Triq it-Teżorerija l-Antika, Valletta. Dwar talbiet għal kumpens li jsiru taht skemi oħra ta’ kumpens għall-vittmi ta’ ċerti tipi ta’ reati, dawn it-talbiet għandhom isiru lill-Ministeru tal-Ġustizzja u għandhom ukoll ikunu sostnuti b’evidenza dokumentarja li turi l-ħsarat imġarrba u r-rabta ta’ dawn mar-reat.
Leg 11 PQ #23406 Sitting 311 2011-02-08 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Fond għall-Vittmi tal-Kriminalità — talbiet għall-kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid, minn meta twaqqaf il-Fond għall-Vittmi tal-Kriminalità kemm kienu dawk li ressqu talba għall-kumpens? Għal liema minn dawn il-każi ġie aċċettat li jingħata kumpens u kemm kien l-ammont li ngħata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpens lill-vittmi tal-kriminalita' jitħallas mill-Gvern skont it-talbiet li jkun hemm minn sena għal oħra u wara li dawn jiġu eżaminati u aċċettati jew skont l-Avviz Legali 190 ta’ l-2007 jew skont skemi ta’ kumpens lill-vittmi ta’ ċerti tipi ta’ reati illi ilhom jiġu mwettqa mill-Gvern b’turija ta’ solidarjeta' soċjali mal-vittmi. Dwar id-dettalji mitluba l-Onorevoli membru huwa mitlub jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22906.
Leg 11 PQ #23275 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Maġistrati u Imħallfin

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jgħaddi l-informazzjoni lil din il-Kamra relattiva għal: a) min kienu dawk il-maġistrati u/jew Imħallfin li nnominaw esperti fil-proċessi quddiemhom; b) min kienu dawn l-esperti li ġew nominati matul dan l-aħħar sentejn; u ċ) x'kien il-ħlas li dawn l-esperti ngħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Maġistrati u l-Imħallfin kollha kemm dawk fil-Qorti ta' Malta kif ukoll dawk f'Għawdex jinnominaw esperti fil-proċess quddiemhom. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #23280 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każijiet ta’ frodi relatati ma' użu ta’ identity cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ frodi relatat ma' użu ta’ identity cards ġie rappurtat mis-sena 2003 sal-lum u kemm minn dawn tressqu quddiem il-gustizzja u x’sentenza ngħatat ġaladarba ġew ikkundannati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika, però tinżamm statistika dwar każijiet ta' frodi in ġenerali kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Leg 11 PQ #23192 Sitting 309 2011-02-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kustodja ta' tifel

Question

Jista' l-Ministru fuq talba tal-istess omm li għalkemm għandha l-kustodja tat-tifel, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, dan m'għadux jgħix magħha u hi tixtieq tkun taf x'tgħid il-liġi f'dan il-każ u ċioe jekk għandhiex dritt li l-omm tieħu dan it-tifel lura fil-kustodja tagħha, billi skont informazzjoni li tatni l-omm, dan il-kaz qiegħed ukoll f'idejn il-pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la hija l-funzjoni ta' dan il-Parlament, skont il-Kostituzzjoni tagħna, illi jinterpreta l-liġi u japplikaha għal każijiet partikolari, u lanqas ma hija l-funzjoni ta’ risposta għal mistoqsija parlamentari illi tagħti parir legali. Dan għaliex kull opinjoni dwar it-tifsira ta’ liġi li tista’ tingħata fil-Parlament, għad li għandha l-piż tagħha, hija dejjem soġġetta għall-interpretazzjoni aħħarija ta’ dik il-liġi li jistgħu jagħtu l-Qrati fl-applikazzjoni tal-liġi għal każijiet partikolari.
Leg 11 PQ #22804 Sitting 308 2011-02-01 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — trasferiment ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu trasferimenti minn ħaddiema fid-dipartiment/uffiċini li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sitt xhur u kemm minnhom intlaqgħu? Jista' jgħid minn liema dipartiment intalab it-trasferiment u għal fejn sar it-trasferiment?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm 8 ħaddiema li talbu trasferiment. Infurmat ukoll illi, s'issa, minn dawn it-talbiet 4 minnhom ġew milqugħa. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif aftar dettaljat.
Leg 11 PQ #22918 Sitting 308 2011-02-01 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — self ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hu l-ammont ta' self li kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu kien fl-aħħar tas-sena 2010? Ma' min huwa dan is-self? Meta huwa maħsub li jitħallas dan is-self? Kemm huwa l-imgħax dovut u x'inhi r-rata ta' imgħax fuq dan is-self? Dan is-self huwa garantit mill-gvern?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li ebda kumpanija/entità li taqa’ taħt dan il-Ministeru m’għandha xi djun jew obbligi oħra relatati ma' self ma' terzi.
Leg 11 PQ #23132 Sitting 308 2011-02-01 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali — detention centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm immigranti illegali f'kull detention centre li kien qed jopera f'Malta fil-bidu ta' din is-sena? Kif kienu maqsuma dawn l-immigranti illegali, fuq bażi ta' nazzjonalità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-bidu ta' din is-sena kien hemm ċentru wieħed li qiegħed jintuża' għal skopijiet ta’detenzjoni, dak f’Ħal Safi li fih kien hemm 57 persuna miżmuma u dawn kienu maqsuma a bażi ta' nazzjonalità kif elenkat hawn taħt:
Leg 11 PQ #22719 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Salarji tal-Korp tal-Pulizija — lejliet il-milied u lejlet il-bidu ta' sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f’salarji tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu xogħol fil-lejl ta' lejlet il-Milied u f'lejlet il-bidu tas-sena l-ġdida?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kemm matul il-lejl ta' lejlet il-Milied kif ukoll f'lejliet il-bidu tas-sena s-salarji mħallsa kienu dawk normali li kull membru tal-Korp huwa ntitolat li jitħallas.
Leg 11 PQ #22909 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — proprjetà immobiljari

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont xi proprjetà immobiljari għandu l-Ministeru tiegħu jew entità/kumpanija li jaqgħu taħtu mikrija mill-privat u kemm hu l-ammont ta' kera li tħallset lil privat mill-Ministeru tiegħu u kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2010? Jista' jikkonferma jekk matul is-sena 2011 din il-kera hijiex se togħla?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.