Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żejtun – Xogħlijiet fuq iċ-Ċimiterju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser isir xi xogħol fil-ħitan taċ-ċimiterju ġewwa ż-Żejtun? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li dan ix-xogħol jibda?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej bit-tħejjijiet meħtieġa sabiex iwettaq xogħol fuq il-ħitan taċ-ċimiterju. Ix-xogħol huwa maħsub li jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Building and Construction Authority — telefonati

Question

Jista' Ministru jgħid kemm-il telefonata l-Building and Construction Authority irċeviet fuq kull wieħed minn dawn in-numri 80049000 (Freephone), 99637508 (Malta-wara l-ħin tal-uffiċċju) u 99098855 (Għawdex-wara l-ħin tal-uffiċċju), u numri u mezzi oħra jekk applikabbli mill-1 ta' Jannar, 2022 sal-31 ta' Mejju, 2022 li kienu jirrikjedu spezzjoni immedjata? Kemm minn dawn ir-rapporti kien hemm każijiet, fuq kull numru, fejn ma setgħetx issir spezzjoni u x'kienet ir-raġuni f'kull każ?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ħa tingħata f’seduta oħra.

Environmental and Resources Authority — telefonati

Question

Jista' Ministru jgħid kemm-il telefonata l-Environment and Resources Authority irċeviet fuq kull wieħed minn dawn in-numri 22923500, 99637508 (Malta-wara l-ħin tal-uffiċċju) u numri oħra, ERIS u mezzi oħra mill-1 ta' Jannar, 2022 sal-31 ta' Mejju, 2022 li kienu jirrikjedu spezzjoni immedjata? Kemm minn dawn ir-rapporti, kien hemm każijiet, fuq kull numru, fejn ma setgħetx issir spezzjoni u x'kienet ir-raġuni f'kull każ?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Energy Performance Certificates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati, sena b’sena u sakemm titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali, kemm minn dawn skadew, kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ħa tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ħa tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm direct orders ingħataw u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Marsaxlokk – Triq ix-Xerriek – barumbara

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif ħajt li possibbilment inbena b’mod illegali b’estensjoni ma’ barumbara skedata Grad 2 b’valur ta’ wirt storiku ġewwa Triq ix-Xerriek, Marsaxlokk, jibqa’ ma jitneħħiex u għaldaqstant ikompli jimblokka lir-residenti tal-madwar milli anke jagħmlu użu tal-garaxx tagħhom minħabba li allura m’għandhomx l-aċċess dovut, u għaldaqstant qed jinkisrilhom dritt fundamentali li jgawdu l-proprjetà tagħhom fil-paċi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-binja inkwistjoni, preżenti fuq is-sit, hija koperta b’permess tal-iżvilupp PA2545/17 li nħareġ fil-5 ta’ April 2018. Sar Appell mid-deċiżjoni quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar fejn dan it-Tribunal ikkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar. Saret ukoll kawża quddiem il-Qorti tal-Appell, fejn fis-27 ta’ April 2022, anke din il-Qorti ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għaldaqstant ma hemmx passi ulterjuri oħra li l-Awtorità tal-Ippjanar tista' tieħu.

Floriana — King George V Recreational Grounds - tindif

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk huwiex isir tindif regolari tal-Ġnien magħruf bħala King George V Recreational Grounds fil-Floriana u jekk le jista’ jara li jingħataw id-direzzjonijiet neċessarji sabiex isir?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Marsaxlokk – Triq ix-Xerriek – barumbara

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif barumbara skedata Grad 2 b’valur ta’ wirt storiku ġewwa Triq ix-Xerriek, Marsaxlokk, ingħata fuqha l-permess biex tiġi żviluppata f’binja privata li ser tkun qed tinqasam f’diversi units?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permess numru PA 2545/17 fil-5 t’April 2018, biex il-barumbara u l-bini ta’ biswit jiġi restawrat u mibdul għall-użu ta’ residenza waħda, b’żieda ta’ xi kmamar kemm fis-sular terran kif ukoll fl-ewwel sular. Ta’ min isemmi illi huwa biss parti mill-bini li jinsab skedat fi Grad 2 ta’ protezzjoni li jkopri l-bini oriġinali tal-imsemmija barumbara.

Proposti rigward żviluppi f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, minn aktar minn 30 proposta li saru mis-Sindki kollha Għawdxin f'rapport li ppreżentaw lill-predeċessur tiegħu dwar l-iżvilup f'Għawdex, fil-fatt ġew attwati sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ fejn wasal ix-xogħol fuq kull waħda minn dawn il-proposti u meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm minn dawn il-proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern jista' jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni li ma ġewx aċċettati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi l-Awtorità analizzat id-dokumenti preżentati mir-Reġjun ta’ Għawdex lill-Ministru tal-Ambjent u l-Ippjanar waqt il-laqgħa tat-13 t’April 2021 li fih ukoll ġabra ta’ proposti mħejjija mill-Kunsilli Lokali kif spjegati mir-rappreżentant tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex waqt il-laqgħa mal-Kumitat Parlamentari Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex nhar l-10 ta’ Mejju 2021. Illi filwaqt li numru ta’ proposti diġà qegħdin fis-seħħ kemm fl-ambitu leġiżlattiv kif ukoll proċedurali, hemm diversi proposti li huma ġeneriċi li jistgħu japplikaw għal kull reġjun f’Malta u Għawdex imma li jirrikjedu studju aktar fit-tul, kif ukoll tibdiliet neċessarji kemm fil-liġijiet u regolamenti, kif ukoll fil-pjanijiet u policies skont il-każ.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Jannar 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il direct order ħarġet mill-Ministeru tiegħu u kull entità li taqa’ taħtu u kemm kien il-valur totali ta’ dawn id-direct order? Lil min inħarġet u x’kien il-valur ta’ kull direct order?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' impjegati li huma mqabbda ma' kuntratturi privati li għandhom kuntratti għal servizzi mal-Gvern ta Malta li jaqa' taħt il-Ministeru? Għal kull post, jista' l-Ministru jagħti n-numru rispettiv ta’ ħaddiema? Jista' jagħti l-grad u l-paga tal-ħaddiema rispettivi skont il-kuntratt? Jista' jagħti l-lista ta' gradi ekwivalenti ta' ħaddiema ċivili li għandhom l-istess job description u l-paga tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li mhux fil-kompitù tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.

Marsaxlokk – proġett fuq art tal-Gvern

Question

Dwar il-proġett li qed jiġi propost li jsir ġewwa Marsaxlokk fuq art tal-Gvern/car park u l-binja ta’ Home u mass project, jista’ l-Ministru jgħid x’impatt jista’ jkollu fuq ir-residenti li jgħixu fl-akkwati fejn jidħol ambjent/light pollution u sound pollution? Huwa minnu li dan ikun qed imur kontra dak li l-Gvern ippropona fil-Manifest Elettorali tiegħu fejn jidħol ambjent aħjar għaċ-ċittadini? Saru studji f’dan ir-rigward? U jekk iva, jista’ jippubblikahom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Infurmat li l-Onor. Interpellant qiegħed jagħmel referenza għall-applikazzjoni PA8310/21(Outline application for the Construction of a sports hostel for team players (Class 3A) and seating stands for the existing M’Xlokk pitch. Excavation and construction of an old people’s home (Class 2A) with an integrated and enlarged public garden. Construction of additional facilities for the locality including a sports child care center (Class 2C), Marsaxlokk social club, and sport related (Class 4B) shops, Class 4C shops, and a physiotherapy clinic.), liema applikazzjoni għadha qed tiġi proċessata skont il-proċeduri tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dwar l-istudji relatati li saru mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), nitolbu jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 1314.

Imdina – riġenerazzjoni tat-taraġ tas-Saqqajja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux ser jiġu mgħottija katusi li saru biex jinżel l-ilma tax-xita minnhom, fir-riġenerazzjoni tat-taraġ fis-Saqqajja l-Imdina?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Belt Valletta — Triq Girolamo Cassar

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-ħsara li hemm fl-aħħar parti ta’ Triq Girolamo Cassar, fil-Belt Valletta, preċiżament fejn hemm forma ta’ roundabout, tiġi msewwija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Raħal Ġdid: Pjazza Antoine de Paule – rapport tekniku dwar ħsarat u xogħlijiet

Question

B’referenza għal numru ta’ domandi li kienu saru fil-Leġiżlatura preċedenti, jista’ l-Ministru jippreżenta l-aħħar rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid kif ukoll li jara li t-tappieri li hemm u qed jinżlu biċċa biċċa jiġu msewwija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Il-Belt Valletta – Pjazza Tritoni – Tactile walkway

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-tactile walkway fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, li hu maħsub biex jintuża minn persuni neqsin mid-dawl jibqa’ dejjem mingħajr l-ebda tip ta’ ingombru waqt kull attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu? Kemm-il rapport irċieva matul l-aħħar sena dwar ingombru fl-istess żona waqt xi attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 728, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) ġiex rivedut b’mod speċjali dwar issues fuq l-għoli tal-bini f’kull triq fil-gżejjer Maltin?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u Żvilupp (SPED) qiegħed fi proċess ta’ reviżjoni billi qegħdin jiġu konklużi l-ewwel studji neċessarji min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-ewwel fażi tal-proċess ta’ reviżjoni.

OHSA — impjegat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, b’liema proċedura ta’ impjieg ġiet ingaġġata mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u kemm hu s-salarju li qiegħda tingħata?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata hija impjegata tal-kumpanija RSSL Ltd u ġiet assenjata tagħmel xogħol ta’ komunikazzjoni fl-awtorità msemmija.

Regolament numru 26 tal-L.S. 623.06 (AL136/2019 kif amendat) – dikjarazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar minn Jannar 2021 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġew sottomessi dikjarazzjonijiet li x-xogħol ma kienx ser jaffetwa terzi hekk kif definit taħt ir-regolament numru 26 tal-L.S. 623.06 (AL136/2019 kif amendat)?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 786.