Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’ċerti każijiet it-tfal humiex iqattgħu aktar żmien fil-faċilità tal-Young People's Unit (YPU) milli suppost tissuġġerixxi s-sistema jew il-pjan ta’ trattament? Jista’ jelenka b’mod ġenerali, x’inhuma r-raġunijiet għaliex qed iseħħ dan u jispjega jekk hemmx mekkaniżmu ta’ reviżjoni regolari biex jiġi evalwat jekk il-programmi u t-terapiji humiex effettivi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li meta jkun hemm każijiet eċċezzjonali, fejn il-kundizzjoni psiko-soċjali timmerita pjan ta’ kura w trattament tailor made għall-ħtiġijiet partikularissimi tal-minuri in kwistjoni, tittieħed l-azzjoni l-aktar xierqa skond iċ-ċirkustanzi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-proċess sabiex jiġi deċiż jekk ċerti tfal għandhomx jingħataw servizz statutorju fil-Young People’s Unit (YPU), anke meta l-problemi jkunu prinċipalment ta’ mġiba, min jieħu dawn id-deċiżjonijiet u fuq liema kriterji?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm kiriteriji ċari f’protocol. Il-persuna irrid ikollha problema serja ta’ saħħa mentali li tpoġġi lilha jew lil ħaddiehor f'riskju kif ukoll li t-trattament ma’ jistax jingħata fil-komunità b'mod sigur.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema kuntest kliniku qed tintuża l-mediċina ġewwa l-Young People's Unit (YPU), u kif qed jiġi assigurat li l-mediċina tingħata bħala parti minn trattament integrat flimkien ma’ terapiji oħra komplementari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-mediċina tintuża skond il-linji gwida tal-kundizzjoni speċifika u dejjem bħala parti minn pjan ħolistiku multidixxiplinari (MDT careplan). Wara admission ikun hemm l-ewwel review minn MDT (dejjem fil-preżenza ta’ tabib, infermiera u professjonisti ohra kif ukoll caregiver u pazjent) u jiġi deċiż jekk hemmx il-bżonn tkompli l-admission u x'inhu l-għan terapewtiku li l-professjonisti jridu jilħqu u kif.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-membri tal-istaff tal-Young People’s Unit (YPU) huma mħarrġa b’mod speċifiku biex jindirizzaw il-bżonnijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ, partikolarment f’oqsma bħal terapiji, relazzjonijiet mal-ġenituri, l-użu ta’ riżorsi barra mis-servizz, u l-proċeduri f’każijiet ta’ tensjoni jew aggressività?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħala terapija speċifika, l-istaff ġie mħarreġ f'Dialectical Behaviour Skills, De Escalation (tal-kbar u tat-tfal li hu aktar specjalizzat), SAVRY (risk assessment) u ASMR (suicide risk assessment and safety netting).
Minbarra hekk, kull professjonista għandu wkoll it-training speċifiku tiegħu skond il-professjoni.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-taħriġ li ngħataw il-membri tal-istaff tal-YPU. Apparti minn hekk, diversi membri jattendu konferenzai iffukati fuq l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom.
Faċilità San Vincenz de Paul - Lift tal-viżitaturi - Ħsara
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun qed jiffunzjona l-lift tal-viżitaturi fil-Faċilità San Vincenz de Paul li issa ilu aktar minn tliet xhur bil-ħsara? Jista’ jgħid ukoll x’qed jikkawża dan id-dewmien?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li wieħed miż-żewġ lifts li hemm fil-
foyer
ilu bil-ħsara għal dawn l-aħħar erba’ ġimgħat. Partijiet minnu kellhom jiżżarmaw u jiġu ordnati oħrajn ġodda minn barra minn Malta. Sakemm jaslu dawn il-partijiet, il-pubbliku jista’ jagħmel użu mil-lift l-ieħor li hemm ftit metri ‘il bogħod.
Jista’ l-Ministru jipprovdi tabella bl-informazzjoni dwar riżenji ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa maqsuma skont il-professjoni tagħhom (tobba; allied health professionals; nurses u midwives) fl-2024 u fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li din is-sena ġew inganġati sa issa 139 tabib u irriżenjaw 14, għar-rigward tal-infermiera ġew inganġati 77 infermiera u irreżenjaw 22, u għar-rigward tal-allied health professionals ġew inganġati 27 u irriżenjaw 16.
Tajjeb li wieħed ifakkar lill-Onor. Interpellant, l-inġaġġ ta’ dawn il-ħaddiema isir f’dan iż-żmien tas-sena meta jiggradwaw.
Għall-informazzjoni dwar is-sena 2024, ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-PQ 25333.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir l-upgrade tant mistenni tal-mobiles kollha li jintużaw bħala pagers fl-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fil-mument mhemmx pjan li l-mobile phones jagħmlu parti mill-paging system. Jekk il-Management tal-Isptar Mater Dei jara din il-ħtieġa, dan jiġi kkunsidrat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu aktar Ċentri tal-Anzjanità Attiva f’Malta u f’Għawdex? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet ser ikunu qed jinfetħu u meta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hija kontinwament impennjata f’diskussjonijiet, bil-għan li jinfetħu ċentri ġodda f’lokalitajiet madwar Malta. Għar-rigward taċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva f’Għawdex ninforma lill-Onorevoli Interpellanta biex tindirizzaha l-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.
Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Belt Valletta - anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jattendu anzjani fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Belt Valletta? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jgħid ukoll mil-liema lokalitajiet ġejjin dawn l-anzjani?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Belt Valletta jattendu 40 anzjani. Minn dawn 37 huma nisa u 3 huma rġiel. F’dan iċ-ċentru l-anzjani ġejjin mill-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Gżira, Siġġiewi, Msida u Pietà.
CT3018/2024 DESIGN AND BUILD TENDER FOR BLOCK 6, AT MOUNT CARMEL HOSPITAL CAMPUS, USING ENVIRONMENTALLY FRIENDLY CONSTRUCTION MATERIALS AND PRODUCTS”
Question
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa “CT3018/2024 DESIGN AND BUILD TENDER FOR BLOCK 6, AT MOUNT CARMEL HOSPITAL CAMPUS, USING ENVIRONMENTALLY FRIENDLY CONSTRUCTION MATERIALS AND PRODUCTS” li għalqet fis-17 ta’ Settembru 2024 u x’ser jiġri issa? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett huwiex ser isir jew le?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li t-tender ma ngħatax minħabba li ma kienx konformi mar-rekwiżiti tekniċi. Bħalissa qed isiru d-diskussjonijiet meħtieġa sabiex jiġi determinat il-pass li jmiss.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Is-Settur Ċivili u s-Settur Pubbliku - Impjegati sospiżi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-settur ċivili u pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li bħalissa jinsabu sospiżi bi 80% tal-paga, minħabba każijiet kriminali pendenti fil-Qorti kontrihom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm erba’ uffiċjali li bħalissa jinsabu sospiżi.
L-Isptar Mount Carmel - Każijiet ta’ Emerġenza ta’ saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti ddaħħlu l-Isptar Mount Carmel għal għajnuna għas-saħħa mentali minn Jannar sa Awwissu tal-2025, maqsuma xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-Isptar Mater Dei - Każijiet ta’ Emerġenza ta’ saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li żaru d-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei għal bżonnijiet u għajnuna għas-saħħa mentali minn Jannar sa Awwissu tal-2025, maqsuma xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ċemplu fuq il-helpline 1400 minn meta nfetħet? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni ġew riferuti lid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, lil servizzi ta’ emerġenza oħrajn (privati), lil ċentri tas-saħħa u kemm kien hemm persuni li ma kellhom bżonn ebda għajnuna, maqsuma xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa koperta fil-kuntratt li sar mal-privat għal servizzi ta’ emerġenza minn meta bdew jingħataw? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar u skont l-emerġenzi differenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Servizz ta’ Emerġenza fil-privat - Numru ta’ pazjenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti rrikorrew fil-privat għal servizz ta’ emerġenza minn meta beda l-ftehim mal-privat u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.