Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Triq l-Għargħar 1979 – Proġett tal-Ġnien — Ħitan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 263, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm tibdil fl-għoli tal-ħitan mis-simulazzjoni diġitali li kienet intweriet fit-tnedija tal-proġett tal-ġnien fi Triq l-Għargħar 1979 f’Ħal Qormi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Birgu — Manutenzjoni Żona Sant’Anġlu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta’ min hi r-responsabbilità għall-manutenzjoni ta’ bankina u t-triq li mill-Bieb ta’ Sant Anġlu tagħti sal-ponta ta’ Sant’Anġlu u dan peress li hemm telqa kbira f’żona li tiġbed ħafna nies?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Segretarjati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħtu? Kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Jista’ jippreżenta l-organigram bl-istruttura tal-istess Segretarjati? Jista’ jindika kemm minn dawn il-ħaddiema huma: (a) f’positions of trust (b) persons of trust u (ċ) taċ-ċivil?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 184, ninforma li fis-Segretarjat tal-Ministru hemm 15-il ħaddiem bħala position of trust u 7 bħala persons of trust. Minn dawn 9 jinsabu fis-Segretarjat Parlamentari.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet – konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 332.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet – karigi u pożizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-karigi u pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet inkluż ta' kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi fil-kariga u/jew pożizzjoni u x'inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi u/jew pożizzjonijiet rispettivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari hi skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru u/jew Segretarju Parlamentari jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-konsulenzi mħallsin s’issa mill-Ministeru u Segretarju Parlamentari, huma kif jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju ta’ proprjetà tal-Gvern jew proprjetà mikrija bħala residenza ordinarja jew villeġġjatura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-2012 għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju (DDT) ta' Proprjetà tal-Gvern jew Proprjetà mikrija wżata bħala residenza Ordinarja jew villeġġjatura, għadhiex fis-seħħ? Kemm persuni bbenefikaw minn din l-iskema?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għall-mistoqsija Parlamentari Nu.278, l-iskema tal-2012 għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju (DDT) ta’ Proprjeta’ tal-Gvern jew Proprjeta’ mikrija/w¿ata bħala residenza ordinarja/villeġġjatura kienet limitata għal perjodu ta’ sitt xhur (20 ta’ Frar – 20 ta’ Awissu 2012), u għaldaqstant l-iskema 2012 hija llum magħluqa. In-numru ta’ applikazzjonijiet sottomessi taħt din l-iskema kienu jammonta għal 1444.

Ħal Far Model Flying Association – użu ta’ art fl-inħawi ta’ Wied Żnuber

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm jew hemmx ftehim bejn entità jew entitajiet governattivi u/jew aġenzija jew aġenziji tal-gvern u/jew awtorità jew awtoritajiet tal-gvern u l-Ħal Far Model Flying Association dwar l-użu ta' art fl-inħawi ta' Wied Żnuber, f'Ħal Far għall-użu mill-istess Assoċjazzjoni? F'każ li dan il-ftehim sar, għadu fis-seħħ kif kien jew ġie emendat? Tista' titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar verżjoni ta' dan il-ftehim? Liema kienu s-siti alternattivi li ġew ikkunsidrati għal dan l-iskop qabel sar il-ftehim? In vista tal-wegħda ta' qabel l-elezzjoni li l-ebda żvilupp mhu ser isir fiż-żona msemmija, hemm il-ħsieb li dan il-ftehim jiġi kkanċellat jew modifikat biex jirrifletti din il-wegħda? Liema huma s-siti alternattivi li qed jiġu kkunsidrati għall-użu ta' Ħal Far Model Flying Association? Liema huma l-partijiet ikkonċernati li qed jiġu kkonsultati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jingabar u t-twegiba tingħata f’seduta oħra.

Artijiet li ġew meħuda mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta' kumpens dovut u l-lokalità ta' artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sad-data li fiha qed tiġi mwieġba din id-domanda u li għadhom ma ġewx ikkompensati b'mod sħiħ? Tista' tingħata d-data għal kull każ meta ser jingħata l-kumpens dovut u l-ammont tal-kumpens?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jingabar u t-twegiba tingħata f’seduta oħra.

Port Ħieles – proġett tax-shore to ship – flus ivvutati fil-budget 2022

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm flus ivvutati fil-budget 2022 għall-proġett tax-shore to ship fil-Port Ħieles u jagħti aġġornament tal-istatus ta' dan il-proġett?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onor Interpellant li fondi mis-Sinking Fund li għandha l-Korporazzjoni u Fondi Ewropej taħt l-iskema Just Transition Fund se jintu¿aw għal dan il-proġett. Fuq dak li huwa status tal-proġett ngħaraf lill-Onorevoli Membru li bħalissa qed issir l-evalwazzjoni fuq it-tender relatat ma’ xogħol, ċivili u elettriku. Filwaqt li tender oħra fuq supervi¿joni tax-xogħol għadha miftuħa.

Mellieħa – Fort Campbell

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 24672 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti iktar tagħrif dwar iż-żewġ applikazzjonijiet li kienu/għadhom qegħdin jiġu evalwati mill-Awtorità tal-Artijiet għall-forti msemmija? Fiex jikkonsistu dawn l-applikazzjonijiet u f’liema stadju waslu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onorevoli interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija numru 110

Rapport preliminari fuq il-mudell tat-taxxa l-ġdid

Question

Peress li l-Gvern qed jaħdem b’mod attiv fuq il-mudell tat-taxxa l-ġdida u ilu jagħmel dan għal dawn l-aħħar tliet snin, fejn ġie ppubblikat ukoll rapport preliminari xahar ilu, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jagħti kopja ta' dan ir-rapport preliminari lill-Oppożizzjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onorevoli interpellanta sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Selmun u Mġiebaħ – Proposta għal Park Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk fuq iż-żoni ta’ Selmun u l-Imġiebaħ il-Gvern hux ser jimxi fuq il-proposta tal-Oppożizzjoni li dawn isiru Park Nazzjonali bit-tliet binjiet ewlenin fl-istess żona (il-Lukanda u l-Palazz ta’ Selmun flimkien mal-Forti Campbell) jingħataw lura lill-poplu Malti fl-interess tal-ġid komuni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern hu mpenjat li jrodd lill-poplu l-akbar proġett ta’ spazji miftuħin, bħala parti mill-manifest elettorali, li għadu kemm ingħata fiduċja assoluta mill-poplu. Dwar il-proġetti speċifiċi msemmijin, nitolbu jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 109 tas-seduta tas-16 ta’ Mejju u għad-diskors tal-Prim Ministru fis-seduta tal-11 ta’ Mejju li għadda.

Awtorità tal-Artijiet – applikazzjonijiet għal Fort Campbell

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar fiex waslu ż-żewġ applikazzjonijiet li fi Frar 2022 kienu qegħdin jiġu evalwati mill-Awtorità tal-Artijiet għal Fort Campbell (Fortizza ta’ Campbell, Selmun, Mellieħa), sabiex din ma tibqax titfarrak u titpoġġa għal xi użu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

ERDF – Birkirkara — Proġett fi Ġnien l-Istazzjon

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett kopert mill-Fond Ewropew ERDF li ġie skedat snin ilu u li permezz tiegħu kellu jara li l-binja tal-ferrovija fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara jinbidel f’Mużew tal-Ferrovija?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-proġett tal-Mużew tal-Ferrovija jikkonsisti f’xogħlijiet rimedjali strutturali u alterazzjonijiet, restawr ta’ aperturi tal-injam, xogħlijiet ta’ Mechanical & Engineering (M&E) u installazzjonijiet awdjo-viżivi. Dan ix-xogħol tlesta u bħalissa qed isiru t-tħejjijiet finali għall-ħruġ tas-sejħa għal offerti għall-installazzjoni ta’ lift. Il-Mużew tal-Ferrovija mistenni jinfetaħ għall-pubbliku aktar tard din is-sena.